31998D0433



Official Journal L 192 , 08/07/1998 P. 0019 - 0020


Id-Deċiżjoni tal-kummissjoni

tas-26 ta' Ġunju 1998

dwar il-kriterji armonizzati għad-dispensjonijiet skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll tar-riskji ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu s-sustanzi perikolużi

(innotifikati fid-dokument numru K (1998) 1758)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(98/433/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll tar-riskji ta' l-inċidenti maġġuri li jinvolvu s-sustanzi perikolużi [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/82/KE jistabbilixxi illi l-Istati Membri għandhom jeħtieġu illi l-operaturi ta' ċerti stabbilimenti jridu jipproduċu rapporti dwar is-sigurtà;

Billi l-Artikolu 9(6)(a) tad-Direttiva 96/82/KE jistabblixxi illi fejn jiġi muri għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti illi s-sustanzi partikolari preżenti fl-istabbiliment, jew kull parti minnu, ikunu fi stat inkapaċi li joħolqu r-riskju ta' inċident maġġuri, f'dan il-każ l-Istat Membru jista', skond il-kriterji riferiti fis-subparagrafu (b), jillimita t-tagħrif meħtieġ fir-rapporti dwar is-sigurtà għal dawk il-materji li jkunu relevanti għall-prevenzjoni tar-riskji ta' inċidenti maġġuri u għal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-bniedem u fuq l-ambjent;

Billi dawn il-kriterji ma jaffettwawx il-mod kif jiġu stabbiliti l-kwantitajiet tal-kwalifika tas-sustanzi perikolużi sabiex jiġi applikat l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/82/KE;

Billi l-Artikolu 9(6)(b) tad-Direttiva 96/82/KE jistabbilixxi illi qabel ma tiġi applikata din id-Direttiva, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 82/501/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1982 dwar ir-riskji ta' inċidenti maġġuri minn ċerti attivitajiet industrijali [2], għandha tistabbilixxi l-kriterji armonizzati sabiex jiġi deċiż mill-awtorità kompetenti illi stabbiliment ikun fi stat li mhux kapaċi joħloq riskju ta' inċident maġġuri fit-tifsira tas-subparagrafu (a);

Billi l-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 82/501/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 96/82/KE dwar il-kontroll tar-riskji ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu s-sustanzi perikolużi l-Kummisjoni hawnhekk tadotta l-kriterji armonizzati mogħtija fl-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Ġunju 1998.

Għall-Kummissjoni

Ritt Bjerregaard

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 10, ta' l-14.1.1997.

[2] ĠU L 230, tal-5.8.1982. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 87/216/KEE (ĠU L 85, tat-28.3.1987, p. 36), id-Direttiva 88/610/KEE (ĠU L 336, tas-7.12.1988, p. 14) u d-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, tat-31.12.1991, p. 48).

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-kriterji armonizzati għad-dispensi skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll tar-riskji ta' inċidenti maġġuri li jinvolvu s-sustanzi perikolużi

Tista' tiġi konċessa dispensa skond l-Artikolu 9(6) jekk titwettaq mill-inqas waħda mill-kriterji ġeneriċi li ġejjin:

1. Għamla fiżika tas-sustanza

Is-sustanzi fl-għamla solida, hekk illi, skond kemm il-kondizzjonijiet normali u kemm kull kondizzjoni anormali li jistgħu jiġu previsti raġjonevolment, ma jkunx possibbli r-rilaxx tal-materjal jew ta' l-enerġija, li jistgħu joħolqu riskju ta' inċident maġġuri.

2. Kontenut u kwantitajiet

Is-sustanzi ppakkjati jew kontenuti f'din il-manjiera u fil-kwantitajiet illi r-rilaxx massimu possibbli f'kull ċirkostanza ma jistax joħloq riskju ta' inċident maġġuri.

3. Lokazzjoni u kwantitajiet

Is-sustanzi preżenti fil-kwantitajiet u fid-distanzi minn sustanzi oħra perikolużi (fl-istabbiliment jew x'imkien ieħor) b'mod li la jistgħu joħolqu riskju ta' inċidenti maġġuri minnhom infushom u lanqas jagħtu bidu għal riskju ta' inċident maġġuri li jinvolvi sustanzi preikolużi.

4. Klassifika

Is-sustanzi li huma ddefiniti bħala perikolużi bis-saħħa tal-klassifika ġenerika tagħhom fil-Parti 2 ta' l-Anness I mad-Direttiva 96/82/KE, imma li ma jistgħux joħolqu riskju ta' inċident maġġuri, u li għalihom il-klassifika ġenerika mhix għalhekk approprjata għal dan il-għan.

--------------------------------------------------