31998D0415



Official Journal L 189 , 03/07/1998 P. 0042 - 0043


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-29 ta' Ġunju, 1998

dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi

(98/415/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 105(4) tiegħu, u l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Istitut Monetarju Ewropew [3],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 106(6) tat Trattat u fl-Artikolu 42 tal-Protokoll imsemmi,

(1) Billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikun stabbilit malli jinħatar il-Bord Eżekuttiv tiegħu;

(2) Billi t-Trattat jistipula li awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu; billi huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-limiti u l-kondizzjonijiet ta' din il-konsultazzjoni;

(3) Billi dan l-obbligu ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jikkonsultaw mal-BĊE m'għandux ikun ta' ħsara għar-responsabbiltà ta' dawn l-awtoritajiet għall-affarijiet li huma s-suġġett ta' dispożizzjonijiet bħal dawn; billi Stati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz leġiżlattiv fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu skond l-Artikolu 105(4) tat-Trattat; billi l-lista ta' oqsma partikolari li hemm fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni mhix eżawrjenti; billi s-sitt inċiż ta' l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni huwa mingħajr ħsara għat-tqassim preżenti ta' kompetenzi għal politika li għandha x'taqsam ma' superviżjoni meqjusa ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja;

(4) Billi Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ESCB) u ta' l-BĊE jagħtu tifsira tal-funzjonijiet monetarji u l-operazzjonijiet ta' l-ESCB; billi l-banek ċentrali ta' Stati Membri parteċipanti huma parti integrali mill-ESCB u għandhom jaġixxu skond il-linji-gwida u l-istruzzjonijiet ta' l-BĊE; billi, fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU), l-awtoritajiet ta' Stati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar abbozzi ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi fuq l-istrumenti ta' politika monetarja;

(5) Billi sakemm Stati Membri ma jipparteċipawx fil-politika monetarja ta' l-ESCB, din id-Deċiżjoni ma tolqotx deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet ta' dawn l-Istati Membri fil-qafas tat-twettiq tal-politika monetarja tagħhom;

(6) Billi konsultazzjoni mal-BĊE m'għandhiex ittawwal bla bżonn proċeduri għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi fl-Istati Membri; billi ż-żmien li fih l-BĊE għandu jagħti l-opinjoni tiegħu għandu jgħinu, madankollu, biex jeżamina bl-attenzjoni kollha t-testi mibgħuta lilu; billi f'każijiet ġustifikati kif imiss ta' urġenza tassew kbira, li għalihom għandha tingħata raġuni, bħal eżempju, minħabba s-sensitività tas-suq, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu terminu ta' żmien li jkun inqas minn xahar u li jkun jixhed l-urġenza tas-sitwazzjoni; billi l-aktar f'dawn il-każijiet, djalogu bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-BĊE għandu jgħin biex jitqiesu l-interessi taż-zewġ naħat;

(7) Billi, skond il-paragrafi 5 u 8 tal-Protokoll Nru 11, anness mat-Trattat, din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq jekk u sakemm dak l-Istat Membru ma jgħaddix għat-tielet stadju ta' l-EMU;

(8) Billi, mid-data tat-twaqqif ta' l-BĊE sal-bidu t-tielet stadju ta' l-EMU, awtoritajiet nazzjonali ghandhom jikkonsultaw mal-BĊE, skond id-Deċiżjoni 93/717/KE [4] u l-Artikolu 109l(2) tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

1. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

"Stat Membru parteċipanti" tfisser Stat Membru li adotta l-munità waħdanija skond it-Trattat;

"abbozzi ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi" tfisser kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet li, meta jibdew jorbtu legalment u japplikaw b'mod ġenerali fit-territorju ta' Stat Membru, jistabbilixxu regoli għal għadd indefinit ta' każi u jkunu indirizzati lil għadd indefinit ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

2. Abbozzi ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi m'għandhomx jinkludu abbozzi ta' dispożizzjonijiet li l-għan waħdieni tagħhom huwa li direttivi tal-Komunità jkunu trasposti għall-leġiżlazzjoni ta' Stati Membri.

Artikolu 2

1. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu skond it-Trattat, u partikolarment dwar:

- affarijiet monetarji,

- mezzi ta' pagament,

- banek ċentrali nazzjonali,

- il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta' statistiċi monetarji, finanzjarji u bankarji, u dwar sistemi ta' pagament u bilanċ ta' pagamenti,

- sistemi ta' pagament u ftehim,

- regoli li japplikaw għal istituzzjonijiet finanzjarji safejn jinfluwenzaw materjalment l-istabbilità ta' istituzzjonijiet finanzjarji u ta' swieq.

2. B'żjieda ma' dan, l-awtoritajiet ta' Stati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva fuq l-istrumenti ta' politika monetarja.

3. Malli l-BĊE jirċievi abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva, huwa għandu jgħarraf lill-awtorità li tikkonsultah jekk, fl-opinjoni tiegħu, dik id-dispożizzjoni tkunx fil-kompetenza tiegħu.

Artikolu 3

1. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jkunu qed iħejju dispożizzjoni leġiżlattiva jistgħu jagħtu, jekk iqisu li jkun meħtieġ, terminu lill-BĊE biex jibgħat l-opinjoni tiegħu fi żmien li ma jkunx inqas minn xahar mid-data li fiha l-President ta' l-BĊE jirċievi avviż dwar dan.

2. F'każ ta' urġenza tassew kbira, it-terminu ta' żmien jista' jitnaqqas. F'dak il-każ, l-awtorità li tikkonsulta għandha tagħti r-raġunijiet għall-urġenza.

3. L-BĊE jista', meta jkun il-waqt, jitlob li t-terminu ta' żmien jitwal sa erba' ġimgħat oħra. Dik it-talba m'għandiex tkun miċuda mingħajr raġuni mill-awtorità konsultata.

4. Jekk meta jagħlaq it-terminu ta' żmien ma tkunx ingħatat opinjoni, l-awtorità nazzjonali li kkonsultat m'għandhiex tinżamm milli tkompli taġixxi. Iżda jekk l-opinjoni ta' l-BĊE tintbagħat wara t-terminu ta' żmien, Stati Membri għandhom jisguraw li l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4 jsiru jafu biha.

Artikolu 4

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jisgura li din id-Deċiżjoni titħares sewwa. Għal dan il-għan, hija għandha tiżgura li l-BĊE tkun ikkonsultata fi stadju xieraq sabiex l-awtorità li tkun għamlet abbozz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva tkun tista' tqis l-opinjoni ta' l-BĊE qabel ma tieħu deċiżjoni fil-mertu, u li l-opinjoni ta' l-BĊE ssir taf biha l-awtorità li jkollha tapprova d-dispożizzjoni jekk din ta' l-aħħar ma tkunx l-istess awtorità li tkun ħejjiet dik id-dispożizzjoni.

Artikolu 5

1. Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar, 1999.

2. Id-Deċiżjoni 93/717/KE għandha titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar, 1999.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, 29 ta' Ġunju, 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Cook

[1] ĠU C 118, tas-17.4.1998, p. 11.

[2] ĠU C 195, tat-22.6.1998.

[3] Opinjoni mogħtija fis-6 ta' April, 1998 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 332, tal-31.12.1993, p. 14.

--------------------------------------------------