31998D0241



Official Journal L 096 , 28/03/1998 P. 0041 - 0041


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-23 ta' Marzu 1998

li tikkonċerna l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità, tad-Deċiżjoni PARCOM 96/1 dwar it-tnaqqis bil-mod il-mod ta' l-użu tal-hexachloroethane fl-industrija li mhix tal-metall tal-ħadid

(98/241/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,u b'mod partikolari l-Artikolu 100a, flimkien ma' l-Artikolu 228(2), l-ewwel sentenza, u (3), l-ewwel sottoparagrafu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1975 il-Komunità temmet il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien mit-Tniġġis ta' l-Ibħra minn Sorsi b'Bażi fl-Art (Konvenzjoni ta' Pariġi) [3] u għalhekk saret Parti Kontraenti f'din il-Konvenzjoni;

Billi l-korp eżekuttiv tal-Konvenzjoni ta' Pariġi (PARCOM – Kummissjoni ta' Pariġi) jista' jadotta miżuri fiż-żoni tal-ħarsien mit-tniġġis u li adotta d-Deċiżjoni PARCOM 96/1 dwar it-tnaqqis bil-mod il-mod ta' l-użu tal-hexachloroethane fl-industrija li mhix tal-metall tal-ħadid;

Billi il-Kummissjoni ħadet sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni PARCOM 96/1 fuq il-bażi ta' l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill u fi ħdan id-direttivi tan-negozjati maħruġa skond dan;

Billi l-hexachloroethane jidher fuq il-lista ta' sustanzi perikolużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri relatati mar-restrizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-użu ta' ċertu sustanzi u taħlit perikoluż [4];

Billi id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni PARCOM 96/1 jaqblu mad-Direttiva 76/769/KEE;

Billi huwa għalhekk xieraq li l-Komunità tapprova d-Deċiżjoni PARCOM 96/1,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. Id-Deċiżjoni PARCOM 96/1 dwar it-tnaqqis bil-mod il-mod ta' l-użu tal-hexachloroethane fl-industrija li mhix tal-metall tal-ħadid hija hawnhekk approvata f'isem il-Komunità.

It-test tad-Deċiżjoni msemmija hawnhekk hija mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

2. Il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata li tavża b'din l-approvazzjoni lill-Kummissjoni ta' Pariġi.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Marzu 1998.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. Meacher

[1] ĠU C 364, ta' l-1.12.1997, p. 13.

[2] ĠU C 80, tas-16.3.1998.

[3] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 5.

[4] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/64/KE (ĠU L 315, tad-19.11.1997, p. 13).

--------------------------------------------------