31998D0139



Official Journal L 038 , 12/02/1998 P. 0010 - 0013


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-4 ta’ Frar 1998

li tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati li jirrigwardaw il-kontrolli fuq il-post li jsiru fil-qasam veterinarju mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(98/139/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/23/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha, u d-disposizzjonijiet korrispondenti tad-Direttivi u d-Deċiżjonijiet l-oħra fil-qasam veterinarju, b’mod speċjali dawk li jirrigwardaw il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jistabbilixxu l-ħtiġiet dwar is-saħħa ta’ l-annimali li japplikaw għall-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali ħajjin u fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jirrigwardaw l-eżami ta’ l-annimali u tal-laħam frisk għall-preżenza tal-fdalijiet, li jintroduċu miżuri għall-kontroll jew għall-qerda ta’ ċertu mard, li jistabbilixxu l-istandards għall-ġid ta’ l-annimali, li jintroduċu miżuri finanzjarji għall-qerda ta’ ċertu mard u li jirrigwardaw in-nefqa fil-qasam veterinarju,

Billi l-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ġenerali ta’ implimentazzoni li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fihom iridu jsiru l-kontrolli fuq il-post riferiti fid-Direttivi u d-Deċiżjonijiet interessati, b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri interessati;

Billi, fil-kwadru tal-kontrolli fuq il-post ipprovvduti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 64/433/KEE u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-laħam frisk tat-tjur [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/23/KE [4], il-Kummissjoni tista’, mingħajr twissija, tivverifika l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE tad-29 ta’ Jannar 1985 dwar il-finanzjament ta’ l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti bid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE [5], kif l-aħħar emendati bid-Direttiva 96/43/KE [6];

Billi, fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni Komunitarja, il-kontrolli fuq il-post għandhom jiġu inklużi fil-programmi stabbiliti wara diskussjoni ma’ l-Istati Membri interessati u jsir bdil tal-veduti fil-Kumitat Veterinarju Permanenti;

Billi din il-kollaborazzjoni għandha tissokta matul il-kontrolli fuq il-post u b’żieda ma’ dan, għandu jkun possibbli għall-esperti tal-Kummissjoni li jkunu akkumpanjati minn esperti maħtura mill-Kummissjoni li jkunu bla ħsara għal ċerti obbligi u li jkollhom l-ispejjeż tal-vjaġġi u tal-manteniment tagħhom rimborsati;

Billi, fl-interessi ta’ l-effiċjenza, għandhom jiġu stabbiliti temmiet taż-żmien għad-dispaċċ mill-Kummissjoni tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post lill-Istati Membri li fihom il-kontrolli jkunu ġew midħula għalihom, u sabiex tirċievi l-kummenti minn dawn l-Istati Membri;

Billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi jitqiesu r-riżultati tal-kontrolli fuq il-post mill-Istati Membri interssati;

Billi, fl-interessi tat-trasparenza, il-Parlament Ewropew, il-konsumatur u l-produttur għandhom jinżammu mgħarrfa, fil-limiti tat-Trattat u b’mod partikolari l-ħtieġa li jirrispettaw l-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti b’L-Artikolu 214 tat-Trattat, dwar is-sejbiet mill-kontrolli fuq il-post, u rakkommandazzjonijiet għall-azzjoni li jsegwu minnhom;

Billi għandha wkoll issir disposizzjoni għal proċedura mħaffa li tgħin li jiġu adottati d-Deċiżjonijiet Komunitarji, fejn meħtieġ, b’mod partikolari fil-każijiet fejn il-kontrolli fuq il-post ikunu żvelaw riskju serju għas-saħħa jew fejn jintsab illi ma jkunux ittieħdu l-miżuri magħrufa u aċċettati bħala indispensabbli wara l-kontrolli;

Billi fl-interessi taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/345/KE [7] għandha titħassar;

Billi l-miżuri pprovvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti regoli li għandhom x’jaqsmu mal-kontrolli fuq il-post imwettqa fil-qasam veterinarju fl-Istati Membri mill-esperti tal-Kummissjoni.

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, "kontrolli fuq il-post fil-qasam veterinarju" (minn issa ‘l quddiem imsejħa il-"kontrolli") ifissru l-azzjonijiet tal-verifika meħtieġa sabiex jiżguraw illi d-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni Komunitarja jiġu mħarsa f’manjiera uniformi.

2. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall kull ftehim dwar il-miżuri sanitarji japplikaw għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti mill-annimali milħuq bejn il-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Il-kontrolli għandhom isiru f’kull Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ġenerali ta’ kontrolli għall-leġislazzjoni interessata u tissottomettih għall-bdil tal-veduti fil-Kumitat Veterinarju Permanentri.

Il-programm ġenerali għandu jinkludi tagħrif dwar l-azzjonijiet kollha li jridu jiġu midħula għalihom mill-Kummisjoni fil-kuntest tal-kontrolli.

Artikolu 3

1. Il-programmi tal-kontrolli għandhom jiġu organizzati u mwettqa f’kollaborazzjoni ma’ l-Istat Membru interessat li għandu jaħtar espert wieħed jew numru minnhom għal dan l-iskop.

2. Il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi jew tressaq ‘il quddiem ċerti kontrolli jew twettaq aktar kontrolli fejn taħseb li dawn huma meħtieġa, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ saħħa, raġunijiet ta’ ġid ta’ l-annimali jew fuq il-bażi tar-riżultati tal-kontrolli li jkunu saru qabel, wara diskussjoni ma’ l-Istat Membru interessat.

3. F’kull każ, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru interessat mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol qabel jibda l-programm tal-kontrolli.

Artikolu 4

1. B’żieda ma’ l-esperti mill-Istat Membru spezzjonat, l-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati matul il-kontrolli minn espert jew aktar, elenkati skond il-paragrafu 2, minn Stat Membru jew aktar.

Meta jiġu organizzati l-kontrolli, tista’ tiġi rrifjutata l-parteċipazzjoni ta’ espert minn Stat Membru ieħor mill-Istat Membru fejn iridu jitwettqu dawn il-kontrolli. Din l-opportunità tista’ tintuża darba biss.

2. Kull Stat Membru għandu jipproponi lill-Kummissjoni mill-inqas żewġ esperti b’kompetenza speċifika fl-oqsma tal-kompetenzi ddeżinjati, u għandu jikkomunikalha isimhom, l-oqsma tal-kompetenza tagħhom, l-indirizz uffiċjali, in-numri tat-telefon u tal-fax eżatti tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lista ta’ dawn l-esperti u għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-espert qabel ma toħroġ invit lill-espert sabiex jakkumpanja lill-esperti tal-Kummissjoni waqt il-kontrolli riferiti fil-paragrafu 1.

Fejn Stat Membru jikkunsidra illi wieħed mill-esperti propost minnu ma għandux jibqa’ inkluż fil-lista, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan. Jekk in-numru ta’ l-esperti b’hekk ikun ser jaqa’ taħt il-minimu meħtieġ, l-Istat Membru għandu jipproponi sostitut jew aktar lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

1. Matul il-kontrolli, l-espert jew l-esperti ta’ l-Istat Membru maħtura mill-Kummissjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli amministrattivi tal-Kummissjoni.

2. It-tagħrif miksub jew il-konklużjonijiet milħuqa mill-espert jew l-esperti ta’ l-Istat Membru matul il-kors tal-kontrolli ma għandhom qatt jintużaw għal għanijiet personali jew jixxandru lil persuni li ma jagħmlux parti mid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri.

3. L-ispejjeż tal-vjaġġi u l-mantenimnt miġrura mill-espert jew l-esperti ta’ l-Istat Membru maħtura mill-Kummissjoni għandhom jiġu rrimborżati skond ir-regoli tagħha li jirregolaw l-ispejjeż tal-vjaġġi u l-manteniment miġbura minn persuni li mhumiex uffiċjali tal-Kummissjoni u li jissejħu sabiex iwettqu l-kompiti ta’ espert.

Artikolu 6

1. Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu twettqu l-kontrolli skond din id-Deċiżjoni għandu jipprovdi lill-esperti tal-Kummissjoni u lill-esperti maħtura mill-Kummissjoni l-assistenza li jeħtieġu sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom. B’mod partikolari, għandu jingħata aċċess fuq l-istess bażi ta’ l-uffiċjali ta’ l-awtorità kompetenti lill-persuni kollha interessati, rigward it-tagħrif u d-dokumentazzjoni kif ukoll aċċess għall-postijiet, l-istabbilimenti, l-istallazzjonijiet u l-mezzi tat-trasport sabiex jitwettqu l-kontrolli.

2. Matul il-kontrolli, l-esperti għandhom jikkonformaw mar-regoli amministrattivi li jridu jsegwu l-uffiċjali ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru riferit fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1).

Artikolu 7

1. Ġaladarba jitlestew il-kontrolli, l-esperti tal-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lill-Istat Membru interessat bil-fomm dwar il-konklużjonijiet tagħhom u, meta meħtieġ, dwar il-miżuri korrettivi li jqisu meħtieġa u l-grad ta’ l-urġenza tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tikkonferma r-riżultati tal-kontrolli fi żmien 20 jum f’rapport bil-miktub, bla ħsara li tirċievi kull tagħrif ieħor addizzjonali mitlub matul il-kontrolli iżda li ma kienx disponibbli dak iż-żmien.

L-Istat Membru għandu jagħti l-kummenti tiegħu fi żmien 25 jum tax-xogħol minn meta jirċievi r-rapport bil-miktub mill-Kummissjoni.

Madankollu, fl-eventwalità ta’ emerġenza, jew meta jiġi identifikat riskju sinifikanti għas-saħħa jew għall-ġid ta’ l-annimali matul il-kontrolli fuq il-post, l-Istat Membru għandhu jiġi mgħarraf malajr kemm jista’ jkun bis-sejbiet tal-missjoni f’rapport bil-miktub u f’kull każ fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mit-tmiem tal-missjoni. L-Istat Membru għandu jagħti wkoll il-kummenti tiegħu kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi r-rapport bil-miktub mill-Kummissjoni.

Meta tkun qiegħda tipprovdi t-tagħrif dwar is-sejbiet mill-missjonijiet, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tikkonforma mal-ħtiġiet stabbiliti f’ l-Artikolu 214 tat-Trattat.

Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Kummissjoni li tieħu miżuri interim ta’ protezzjoni skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam veterinarju.

2. L-Istat Membru għandu jieħu miżuri korrettivi sabiex iqis ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa.

3. Jekk, matul il-kontrolli, l-esperti tal-Kummissjoni jiskopru eżempji sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja fi Stat Membru jew f’reġjun jew aktar ta’ Stat Membru, dawn ta’ l-aħħar għandhom, fuq it-talba mill-Kummissjoni, jinvestigaw bir-reqqa s-sitwazzjoni fiż-żona interessata. Jekk approprjat, l-Istat Membru jista’, wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, jirrestrinġi l-investigazzjoni għar-reġjun/i interessat/i mill-programm tal-kontrolli; għandu jgħarraf lill-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit minn din ta’ l-aħħar bir-riżultati tal-kontrolli u tal-miżuri meħuda għalbiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

4. Jekk, wara l-kontrolli, ma jitteħdux il-miżuri korrettivi approprjati mill-Istat Membru interessati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, b’mod partikolari meta l-kontrolli jkunu kixfu riskju serju għas-saħħa pubblika jew għas-saħħa ta’ l-annimali u riskju għall-ġid ta’ l-annimali, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE [8], tieħdu l-miżuri kollha li tqis meħtieġa.

Artikolu 8

1. Il-Kummisjsoni għandha tinnotifika regolarment permezz ta’ rapporti bil-miktub lill-Istati Membri kollha, fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, bis-sejbiet tal-kontrolli fuq il-post imwettqa f’kull Stat Membru, u bir-rakkommandazzjonijiet għall-azzjoni li jsegwu minnhom.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew b’dawn is-sejbiet u rakkommandazzjonijiet.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel dawn is-sejbiet u rakkommandazzjonijiet disponibbli lill-pubbliku fuq bażi regolari.

2. Meta jidħlu għall-azzjonijiet ipprovvduti f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jikkonformaw mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-Trattat.

Artikolu 9

Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid qabel il-31 ta’ Diċembru 1998 fuq il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

Artikolu 10

Id-Deċiżjoni 96/345/KE hija hawnhekk imħassra.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta’ Frar 1998.

Għall-Kummissjoni

Emma Bonino

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64.

[2] ĠU L 243, tal-11.10.1995, p. 7.

[3] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

[4] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10.

[5] ĠU L 32, tal-5.2.1985, p. 14.

[6] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1.

[7] ĠU L 133, ta’ l-4.6.1996, p. 29.

[8] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

--------------------------------------------------