31997R1429



Official Journal L 196 , 24/07/1997 P. 0041 - 0041


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/97

tat-23 ta’ Lulju 1997

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 832/97 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2275/96 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-pjanti ħajjin u għall-prodotti mill-florikultura

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2275/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-pjanti ħajjin u għall-prodotti mill-florikultura [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Billi l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 832/97 [2], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 931/97 [3], jipprovdi illi miżuri li jirċievu għajnuna oħra nazzjonali jew reġjonali m’għandhomx ikunu eleġibbli; billi ma kienx maħsub illi din id-dispożizzjoni għandha teskludi l-użu fil-qafas tal-miżuri riferiti fir-Regolament (KE) Nru 832/97 tal-fondi li huma dderivati mill-imposti obbligatorji fuq l-operaturi fis-settur tal-pjanti ħajjin u tal-prodotti mill-florikultura rigward il-prodotti miksuba għal kollox fl-Istat Membru interessat; billi sabiex jitneħħa d-dubju fuq dan il-punt, huwa mixtieq illi d-dispożizzjoni tiġi emendata;

Billi l-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Pjanti Ħajjin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Is-sentenza li ġejja tiġi miżjuda ma’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 832/97:

"L-użu tal-fondi dderivati mill-imposti obbligatorji fuq l-operaturi fis-settur tal-pjanti ħajjin u tal-prodotti mill-florikultura rigward il-prodotti miksuba għal kollox fl-Istat Membru interessat m’għandux jitqies li jikkostitwixxi assistenza nazzjonali jew reġjonali."

L- Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Lulju 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 308, tad-29.11.1996, p. 7.

[2] ĠU L 119, tat-8.5.1997, p. 17.

[3] ĠU L 135, tas-27.5.1997, p. 1.

--------------------------------------------------