31997R1292



Official Journal L 176 , 04/07/1997 P. 0021 - 0022


Ir-regolament tal-kummissjoni (KE) Nru 1292/97

tat-3 ta' Lulju 1997

li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd, termini sabiex jiġu nnotifikati bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera jew li huma rreġistrati f'ċerti pajjiżi terzi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [1], kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 686/97 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2),

Billi, skond l-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta', jew li huwa rreġistrat f'pajjiż terz irid jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas 72 siegħa qabel bil-ħin tal-wasla tiegħu fil-port ta' l-Istati Membri li tagħhom jixtieq juża l-faċilitajiet ta' l-iżbark;

Billi, madankollu, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll 9 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [3], bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz li jkun Parti Kontraenti fil-Ftehim għandu jgawdi l-istess drittijiet ta' aċċess għall-portijiet tal-Komunità bħall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità; billi l-istess terminu għan-notifika bħal dak stipulat għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandu jiġi stipulat għall-bastimenti tas-sajd li jtajjru l-bandiera jew li jkunu reġistrati fin-Norveġja u fl-Islanda;

Billi l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 jippermetti lill-Kummissjoni li teżenta ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi minn dan l-obbligu għal perjodu limitat u li jista' jiġġedded jew li tipprovdi perjodu ta' notifikazzjoni ieħor li jieħu in konsiderazzjoni, inter alia, id-distanza bejn it-territorji tas-sajd, il-postijiet ta' l-iżbark u l-portijiet fejn il-bastimenti inkwestjoni huma rreġistrati jew elenkati;

Billi d-distanzi bejn it-territorji ta' sajd, il-faċilitajiet ta' l-iżbark u l-portijiet fejn id-dgħajjes inkwestjoni huma rreġistrati jew imniżżla, jiġġustifikaw terminu ta' notifikazzjoni iqsar fil-każ ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera, jew li jkunu reġistrati, f'pajjiżi terzi li għandhom fruntjiera mal-Baħar Baltiku li jkunu jixtiequ jħottu l-qbid tagħhom fil-portijiet ta' ċerti Stati Membri;

Billi l-miżuri pprovduti minn dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-Akwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 10(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93:

- il-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera, jew li jkun irreġistrat fin-Norveġja jew fl-Islanda li jixtieq juża l-faċilitajiet ta' Stat Membru għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru ta' l-inqas sagħtejn qabel il-wasla tiegħu fil-port,

- il-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera, jew li jkun irreġistrata f'pajjiż terz li għandu fruntiera mal-Baħar Baltiku li jixtieq juża l-faċilitajiet ta' l-iżbark tad-Danimarrka, tal-Ġermanja, ta' l-Isvezja jew tal-Finlandja għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat ta' mill-anqas sitt siegħat qabel il-wasla tiegħu fil-port ta' l-iżbark.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta' Lulju 1997.

Għall-Kummissjoni

Emma Bonino

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1.

[2] ĠU L 102, tad-19.4.1997, p. 1.

[3] ĠU L 1, tat-3.1.1994, p. 1.

--------------------------------------------------