31997R1255



Official Journal L 174 , 02/07/1997 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1255/97

tal-25 ta’ Ġunju 1997

dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/EEC

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ annimali matul it-trasport u li jemenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi d-Direttiva 91/628/KEE tistabbilixxi, sabiex ittejjeb il-benessri ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali ttrasportati, rekwiżiti dwar ħinijiet massimi tal-vjaġġ li warajh l-annimali jridu jitħattu, jintemgħu u mogħtija l-ilma u jitħallew jistrieħu għall-inqas għal 24 siegħa qabel ma jkomplu jivvjaġġaw;

Billi dawn il-waqfiet obbligatorji fit-trasport fit-tul ta’ annimali ser isiru fil-postijiet għall-waqfien;

Billi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kriterji applikabbli fil-Komunità li jridu jintlaħqu minn postijiet għal waqfien sabiex jiġu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet ta’ benessri għall-annimali li jgħaddu minnhom kif ukoll sabiex jipprovdu għall-affarijiet inċidentali ta’ saħħa ta’ annimali;

Billi, sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll ta’ l-operazzjoni ta’ postijiet ta’ waqfien u l-mezzi tat-trasport u l-annimali li jgħaddu minnhom, huwa neċessarju li jsiru disposizzjonijiet għaż-żamma ta’ reġistri u materji amministrattivi oħra;

Billi, sabiex tiżgura li l-annimali ttrasportati jkomplu l-vjaġġ tagħhom fl-aħjar kondizzjonijiet għall-benessri tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti jridu jiżguraw li huma kapaċi li jagħmlu dan;

Billi, sakemm ikun hemm miżuri li jimponu ħlas Komunitarju għall-infiq li sar minn eżaminazzjoni tal-veterinarju sabiex jiġi żgurat jekk l-annimali humiex kapaċi li jkomplu l-vjaġġ tagħħhom, irid ikun stipulat li l-Istati Membri jistgħu, b’konformità mar-regoli ġenerali tat-Trattat, jimponu din l-ispiża għal min qed jagħmel din l-attività;

Billi biex tiġi żgurata konformità ma’ ċerti regoli applikabbli għall-postijiet ta’ waqfien, il-pjan ta’ rotta msemmi fil-Kapitolu VIII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE irid jiġi rranġat għad-disposizzjonijiet il-ġodda;

Billi huwa importanti li bħala l-ewwel pass jitwaqqfu r-regoli għall-postijiet ta’ waqfien biex jakkomodaw annimali b’difirhom f’biċċa waħda domestiċi u annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, tan-ngħaġ u tal-ħnieżer jew qżieqeż;

Billi l-Kumitat Xjentifiku ta’ Veterinarji rrakomanda ċerti rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ waqfien, li ttieħed akkont tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament ser japplika biss għall-postijiet ta’ waqfien li jakkomodaw ta’ l-inqas għal 24 siegħa annimali domestiċi b’difirhom f’biċċa waħda u annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, tan-ngħaġ u tal-ħnieżer jew qżieqeż fil-Komunità skond Kapitolu VII ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE u mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 64/432/KEE [2], 80/213/KEE [3], 85/511/KEE [4], 89/608/KEE [5], 90/425/KEE [6], 90/426/KEE [7], 91/68/KEE [8], 91/496/KEE [9], 92/102/KEE [10] u 93/119/KEE [11].

2. Il-postijiet ta’ waqfien imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-kriterji Komunitarji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttivi 64/432/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE u 91/628/KEE għandhom japplikaw kif neċessarju.

Artikolu 3

1. Stati Membri għandhom jiżguraw li postijiet ta’ waqfien huma approvati mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn jinsabu.

2. Għall-fini ta’ din l-approvazzjoni, l-awtorità kompetenti kif spjegata fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 90/425/KEE għandha tiżgura li l-postijiet ta’ waqfien jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament; kif ukoll, dawn il-postijiet ta’ waqfien għandhom:

(a) ikunu jinsabu f’post li mhuwiex suġġett ta’ projbizzjoni jew restrizzjonijiet skond leġislazzjoni Komunitarja relevanti;

(b) ikunu taħt il-kontroll ta’ veterinarju uffiċjali li għandu jiżgura, inter alia, konformità mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(ċ) taħdem in konformità mar-regoli Komunitarji relevanti kollha dwar saħħa ta’ annimali, iċ-ċaqliq ta’ annimali u l-protezzjoni ta’ annimali fil-mument tal-qatla;

(d) jgħaddu minn spezzjonijiet regolari sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti għall-approvazzjoni jibqgħu jiġu ssodisfati.

3. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ numru ta’ approvazzjoni għal kull post ta’ waqfien. Din l-approvazzjoni tista’ tkun limitata għall-ispeċi partikolari jew għal ċertu kategoriji ta’ stat ta’ annimal u saħħa. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil-Kummissjoni bil-lista ta’ postijiet ta’ waqfien approvati u tibqa’ taġġornaha. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta din l-informazzjoni lill-Istati Membri fl-istruttura tal-Kumitat Permanenti Veterinarju.

4. L-awtorità kompetenti tista’ tirtira jew tissospendi approvazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konforma ma’ dan l-Artikolu jew disposizzjonijiet oħrajn li huma relevanti f’dan ir-Regolament, f’każ ta’ bidla fil-pożizzjoni ta’ saħħa fil-post fejn qegħdin il-postijiet ta’ waqfien, jew f’każ ta’ ksur tar-regoli dwar il-benessri ta’ l-annimali. Tista’ tingħata lura l-approvazzjoni meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-postijiet ta’ waqfien reġgħu saru konformi mad-disposizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

L- Artikolu 4

1. Postijiet ta’ waqfien għandhom jintużaw biss biex jirċievu, jitimgħu, jisqu, iservu ta’ post fejn jistrieħu u jiġu akkomodati, u jiġu kkurati annimali li jgħaddu minnhom.

2. Madankollu, bħala deroga tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri jistgħu ukoll japprovaw fil-postijiet ta’ waqfien ċentri fejn jiltaqgħu kif imsemmi fl-Artikolu 2(o) tad-Direttiva 64/432/KEE sakemm dawn ikunu konformi ma’ dan li ġej meta jintużaw bħala postijiet ta’ waqfien:

(a) huma jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 64/432/KEE u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(b) l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet huwa biss irriservat għal dan l-għan matul il-perjodu kkonċernat;

(ċ) ma jintużawx għax-xiri jew bejgħ ta’ annimali skond dan ir-Regolament.

3. Annimali biss ta’ l-istess pożizzjoni ta’ saħħa ċċertifikati li jappartjenu għall-ispeċi kkonċernati u li għalihom il-postijiet ta’ waqfien huma approvati jistgħu jkunu preżenti fl-istess ħin f’postijiet ta’ waqfien sabiex ma jipperikolawx il-pożizzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali.

Artikolu 5

Is-sid jew il-persuna fiżika jew legali li tmexxi post ta’ waqfien għandha tkun responsabbli għall-konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u, għal dak l-għan, għandhom ikunu obbligati:

(a) li jħallu dawk l-annimali biss li kienu ċċertifikati jew identifikati skond il-liġi Komunitarja rilevanti, b’riferenza partikolari għad-disposizzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 3(3). Għal dan l-għan, hu għandu jiċċekkja jew iqabbad oħrajn biex jiċċekkjaw is-saħħa jew dokumenti oħrajn ta’ l-ispeċi jew kategoriji kkonċernati u b’mod mhux sistematiku jeżamina u jagħmel marki ta’ identifikazzjoni fuq l-annimali;

(b) biex jiġi żgurat, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-punt B.3 ta’ l-Anness I, annimali f’postijiet ta’ waqfien jinżammu fl-istess gruppi li fihom kienu meta telqu oriġinarjament u li kull kunsinja ta’ annimali hi akkomodata f’faċilitajiet kompletament separati, miżmuma skond ir-rekwiżiti uffiċjali tal-veterinarju, sabiex jiġi evitat xi kuntatt li jista’ jfixkel il-pożizzjoni ta’ saħħet l-annimali;

(ċ) li jiżguraw li l-annimali li joqogħdu fil-postijiet ta’ waqfien jingħataw x’jieklu u jkunu misqijja fil-ħin xieraq skond l-ispeċi u li jingħataw għal dan l-għan kwantitajiet xierqa ta’ ikel u xorb;

(d) li jagħtu kura lill-annimali li joqogħdu fil-postijiet ta’ waqfien u, fejn ikun meħtieġ, jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat il-benessri tagħhom u konformi mar-rekwiżiti dwar is-saħħa ta’ l-annimali;

(e) li jsejħu veterinarju jekk ikun hemm bżonn

- li jagħti t-trattament xieraq lill-annimali li jsiru ma jifilħux jew iweġġgħu meta jkunu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u

- fejn ikun hemm bżonn, li jinqatlu dawn l-annimali, jitneħħew skond id-Direttiva 93/119/KEE;

(f) li jużaw impjegati li għandhom il-kapaċità xierqa, tagħlim u kompetenza professjonali u li ħadu, għal dan l-għan, taħriġ speċifiku jew fl-impriża jew minn għaqda ta’ taħriġ jew għandhom esperjenza prattika ekwivalenti li tikkwalifikahom biex jimmaniġjaw u, jekk neċessarju, jamministraw kura xierqa għall-annimali kkonċernati;

(g) li jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li kull min jimmaniġja annimali fil-postijiet ta’ waqfien jikkonforma mad-disposizzjonijiet dwar il-benessri ta’ l-annimali rilevanti;

(h) li jżommu reġistru jew informazzjoni msemmija fil-punt C.7 ta’ l-Anness I, biex jaħżnuh u jżommuh għad-disposizzjoni ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-inqas għal tliet snin;

(i) li jinformaw lill-awtorità kompetenti fl-ewwel opportunità ta’ xi irregolaritajiet li jindunaw bihom.

L- Artikolu 6

1. Qabel ma l-annimali jitilqu mill-post ta’ waqfien, il-veterinarju uffiċjali jew il-veterinarju nnominat għal dan l-għan mill-awtorità kompetenti għandu jikkonferma l-pjan ta’ vjaġġ irranġat għal dak l-għan skond l-Anness II li l-annimali huma kapaċi li jkomplu l-vjaġġ.

Stati Membri jistgħu jistipulaw li l-ispejjeż li saru bħala riżultat ta’ l-eżami tal-veterinarju għandhom isiru minn min jopera.

2. Ir-regoli dwar it-tibdil ta’ messaġġi bejn l-awtoritajiet li jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom ikun stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/628/KEE.

L- Artikolu 7

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ġunju 1997.

Għall-Kunsill

J. Van Aartsen

Il-President

[1] ĠU L 340, 11.12.1991, p. 17. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/29/KEE (ĠU L 148, 30.6.1995, p. 52).

[2] ĠU C 121, 29.7.1964, p. 1977/64. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/29/KEE.

[3] ĠU L 47, 21.2.1980, p. 1.

[4] ĠU L 315, 26.11.1985, p. 11. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[5] ĠU L 351, 2.12.1989, p. 34.

[6] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/118/EEC (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 49).

[7] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[8] ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 94/953/KEE (ĠU L 371, 31.12.1994, p. 14).

[9] ĠU L 268, 24.9.1996, p. 56. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/EC (ĠU L 162, 1.7.1995, p. 52).

[10] ĠU L 355, 5.12.1992, p. 32. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[11] ĠU L 340, 21. 31. 12, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

KRITERJI KOMUNITARJI GĦALL-POSTIJIET TA’ WAQFIEN

A. MIŻURI DWAR SAĦĦA U IĠJENE

1. Kull post ta’ waqfien irid

(a) ikollu tagħmir addattat għat-tindif u d-diżinfettar ta’ bini, makkinarju, faċilitajiet u mezzi tat-trasport;

(b) ikun mibni minn materjal li jista’ faċilment ikun imnaddaf u ddiżinfettat sewwa;

(ċ) ikun imnaddaf u ddiżinfettat qabel u wara kull użu, kif rikjest mill-veterinarju uffiċjali.

2. Il-persuna inkarigata mill-post ta’ waqfien għandha tipprovdi makkinarju nadif u ħwejjeġ protettivi li ser jinżammu esklussivament għall-użu ta’ persuni li jidħlu fil-post ta’ waqfien, u tagħmel makkinarju addattat għat-tindif u d-diżinfettar disponibbli ta’ l-oġġetti hawn fuq imsemmija.

3. Materjal għall-irqad għandu jitneħħa meta kunsinja ta’ annimali tiġi mċaqilqa minn post magħluq u, wara t-tindif u d-diżinfettar imsemmi f’punt 1 (ċ), għandu jiġi mibdul b’affarijiet ta’ rqad ġodda u nodfa.

4. Postijiet ta’ waqfien għandhom ikunu kompletament mingħajr annimali għall-perjodu ta’ l-inqas 24 siegħa wara massimu ta’ użu ta’ 6 ijiem wara li sar it-tindif u d-diżinfettar, u qabel il-wasla ta’ kunsinja ġdida.

B. KOSTRUZZJONIJIET U FAĊILITAJIET

1. Minbarra d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 1.A (4) ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE li tapplika għall-mezzi tat-trasport għat-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali, kull post ta’ waqfien irid ikollu makkinarju addattat u faċilitajiet disponibbli għat-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali mill-mezz ta’ trasport. B’mod partikolari, dan il-makkinarju u faċilitajiet irid ikollhom art li ma tiżloqx u, jekk neċessarju, ikollu protezzjoni fil-ġnub. Pontijiet, rampi u mogħdijiet irid ikollhom ġnub, poġġamani jew xi mezz ieħor ta’ protezzjoni ħalli l-annimali ma jaqgħux minnhom. Ir-rampi tat-tagħbija u tal-ħatt irid ikollhom l-inqas inklinazzjoni possibli. Passaġġi jrid ikollhom xi ħaġa fuq l-art li tnaqqas ir-riskju li jiżolqu u li tkun magħmula b’tali mod li tnaqqas ir-riskju li jweġġgħu l-annimali. Trid tingħata kura speċjali biex tiżgura li ma jkunx hemm differenza kbira jew tarġa bejn l-art tal-mezz tat-trasport u r-rampa jew bejn ir-rampa u l-art tal-post fejn isir il-ħatt u li ġġiegħel lill-annimali jaqbżu u li x’aktarx iġġiegħelhom jiżolqu jew jaqgħu.

Sa mill-1 ta’ Lulju 1999, il-postijiet kollha ta’ waqfien ser ikunu attrezzati b’numru suffiċjenti ta’ rampi permanenti jew li jkunu jistgħu jitneħħew li għandhom ikunu magħmula u użati b’tali mod li l-annimali ma jkollhomx għalfejn jitilgħu u jinżlu telgħa li taqbeż l-20o fit-tagħbija jew fil-ħatt.

2. Il-faċilitajiet kollha użati għall-akkomodazzjoni ta’ l-annimali fil-postijiet ta’ waqfien għandu:

(a) ikollhom xi ħaġa li tgħatti l-art li tnaqqas ir-riskju li jiżolqu u li ma tikkawżax ħsara lill-annimali;

(b) ikunu msaqqfa u jkollhom protezzjoni fil-ġnub xierqa li tipproteġi lill-annimali minn kondizzjonijiet ta’ temp ħazin;

(ċ) ikollhom faċilitajiet addattati għaż-żamma, spezzjoni fejn ikun neċessarju, fejn jingħataw l-ikel u jiġu misqijja l-annimali u jinżammu l-affarijiet ta’ l-ikel ta’ l-annimali;

(d) wara li tittieħed il-kapaċità li jżommu in konsiderazzjoni, ikollhom ventilazzjoni xierqa u drenaġġ għall-ispeċi ta’ annimali akkomodati;

(e) ikollhom dawl naturali jew artifiċjali f’livell suffiċjenti li jippermettu spezzjoni ta’ l-annimali f’kull ħin. Jekk ikun neċessarju, dawl sekondarju jrid ikun disponibbli;

(f) ikollu makkinarju biex jixxekklu annimali li jkollhom bżonn jixxekklu. Dan ix-xkiel irid isir b’mod li ma jikkawżax uġiegħ jew sofferenzi lill-annimali u li tippermetilhom li jieklu, jixorbu jew jimteddu mingħajr diffikultà;

(g) ikollhom, għall-ispeċi kkonċernati, spazju suffiċjenti għall-annimali biex jimteddu fl-istess ħin u li jkunu jistgħu jmorru għall-ikel u x-xorb tagħhom;

(h) ikollhom ħażna suffiċjenti ta’ affarijiet ta’ l-irqad. Dan il-materjal għandu jitpoġġa f’kull post magħluq skond il-bżonnijiet ta’ kull speċi jew kategorija ta’ l-annimal akkomodat;

(i) ikunu magħmulin u miżmumin b’tali mod li jevitaw li l-annimali jiġu f’kuntatt ma’ oġġett li jaqta’ jew li hu perikoluż jew wiċċ imkisser li jista’ jweġġagħhom.

3. Postijiet tal-waqfien irid ikollhom faċilitajiet addattati għall-akkomodazzjoni separata ta’ l-annimali li huma morda, imweġġgħin jew li għandhom bżonn attenzjoni individwali.

4. Postijiet tal-waqfien ser ikollhom faċilitajiet addatti għal dawk il-persuni kollha li għandhom in-negozju tagħhom fil-, u li jużaw il-post.

5. Postijiet ta’ waqfien għandu jkollhom arranġamenti xierqa għall-ħażna u t-tneħħija ta’ fdalijiet u għall-ħażna ta’ annimali mejtin, sakemm jitneħħew u jiġu distrutti skond id-Direttiva 90/667/KEE [1].

C. Ċ. OPERAZZJONIJIET

1. Annimali għandhom jinħattu mingħajr dewmien wara li jaslu. Jekk id-dewmien ma jkunx jista’ jiġi evitat, madankollu, wara li jittieħed kont tal-kondizzjonijiet tat-temp u perjodu ta’ stennija, l-annimali għandhom jingħataw l-aħjar kondizzjonijiet għall-benessri tagħhom.

2. Matul it-tagħbija u l-ħatt, trid tingħata attenzjoni sabiex l-annimali ma jitbeżżgħux, ma jiġux eċitati jew trattati ħażin, u jrid jiġi żgurat li ma jitwaqqgħux. Annimali ma jistgħux jintrefgħu jew jitkaxkru mir-ras, qrun, widnejn, saqajn, denb jew suf jew ikunu mmaniġjati b’tali mod li jikkawżalhom uġiegħ u sofferenzi bla bżonn. Fejn ikun hemm bżonn, għandhom jitmexxew individwalment.

3. Għat-tmexxija ta’ l-annimali madwar il-faċilitajiet:

(a) passaġġi tal-mogħdija jridu jkunu rranġati sabiex jittieħed vantaġġ tat-tendenzi tal-merħla ta’ l-annimali;

(b) strumenti maħsuba għall-gwida ta’ annimali għandhom jintużaw biss għal dak l-għan. Użu ta’ strumenti li jamministraw xokkijiet elettriċi għandhom sakemm huwa possibli jiġu evitati u f’kull każ jistgħu jintużaw biss għall-baqar adulti u qżieqeż li ma jkunux iridu jimxu, bil-kondizzjoni li x-xokkijiet ma jdumux aktar minn żewġ sekondi, huma spazjati kif jixraq u li l-annimali għandhom spazju quddiemhom fejn jimxu. Dawn ix-xokkijiet jistgħu jingħataw biss lill-muskoli tan-naħa ta’ wara;

(ċ) annimali ma jistgħux jissawtu, lanqas tista’ tiġi applikata pressjoni lil xi parti tal-ġisem li hija partikolarment sensittiva. B’mod partikolari, ma jistax jitgħaffeġ, jew jitgħawweġ jew jinkiser id-denb ta’ annimali u ma jistgħux jinqabdulhom għajnejhom. Ma jistgħux jingħataw daqqiet ta’ ponn jew ta’ sieq lill-annimali;

(d) persuni li jimmaniġġjaw lill-annimali fil-postijiet ta’ waqfien ma jistax ikollhom fil-pussess tagħhom jew jużaw niggieża jew għodod oħra bit-truf ippuntati. Bsaten jew għodod oħra maħsuba biex jiggwidaw lill-annimali jistgħu jintużaw sakemm dawn jiġu applikati fuq il-ġisem ta’ l-annimal mingħajr ma’ jikkawżawlu xi ferita jew uġiegħ bla bżonn.

4. Annimali li jaslu wara li jkunu suġġetti għal temperaturi għoljin f’temp umdu jridu jitħallew sabiex jiffriskaw b’mezzi xierqa mill-aktar fis.

5. Meta l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu, dan irid isir b’tali mod li jiżgura li kull annimal akkomodat fil-post ta’ waqfien jista’ jkollu ta’ l-inqas ilma nadif u ikel u xorb suffiċjenti matul il-waqfa tiegħu u għat-tul ta’ żmien tal-vjaġġ tiegħu għall-post ta’ waqfien li jkun imiss. Postijiet ta’ waqfien ma jistgħux jirċievu annimali bi bżonnijiet speċjali ta’ ikel, bħal għoġol li jkollhom bżonn ikel likwidu, sakemm dawn ma jkunux attrezzati tajjeb u jkollhom ħaddiema li jistgħu jissodisfaw dawn il-bżonnijiet.

6. Il-kondizzjoni u l-istat ta’ l-annimali ser ikunu eżaminati minn membru impjegat tal-post tal-waqfien mal-wasla tagħhom fil-post tal-waqfien u ta’ l-inqas darba kull 12-il siegħa matul il-waqfa tagħhom fil-post ta’ waqfien.

7. Ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 5(h) ta’ din id-Direttiva għandu jkollu din l-informazzjoni li ġejja:

(a) data u l-ħin tat-tlestija tal-ħatt u l-bidu ta’ tagħbija mill-ġdid ta’ kull kunsinja;

(b) data u dewmien tal-qirda għal raġunijiet ta’ saħħa kif imsemmi fil-punt A (4) ta’ dan l-Anness;

(ċ) numru(i) taċ-ċertifikati tas-saħħa ta’ l-annimali għal kull kunsinja;

(d) kull rimarki neċċessarji dwar is-saħħa jew il-kondizzjoni tal-benessri ta’ l-annimali u speċjalment:

- il-partikolaritajiet u numru ta’ annimali li nstabu mejta fil-mument ta’ ħatt fil-post ta’ waqfien jew li mietu matul il-waqfa tagħhom,

- il-partikolaritajiet u numru ta’ annimali li kienu misjuba li huma mweġġgħin serjament fil-mument ta’ ħatt jew matul il-waqfa tagħhom, jew li jitqiesu li mhumiex kapaċi għal iktar ivvjaġġar;

(e) l-ismijiet u l-indirizzi ta’ min qiegħed jittrasporta u s-sewwieq u n-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi tagħhom.

[1] ĠU L 363, 27.12.1990, p. 51. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

--------------------------------------------------

ANNESS II

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------