31997L0045



Official Journal L 196 , 24/07/1997 P. 0077 - 0078


Il-21 Direttiva tal-Kummissjoni 97/45/KE

ta’ l-14 ta’ Lulju 1997

li tadatta għal progress tekniku l-Annessi II, III, VI u VII tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/1/KE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsultat mal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kosmetoloġija,

Billi l-informazzjoni xjentifika disponibbli tindika li l-livell ta’ l-idrokarburi poliaromatiċi (PAHijiet) fil-qatran tal-faħam maħdum hu fl-istess ambitu tal-livell ta’ PAH fil-qatran tal-faħam mhux maħdum; filwaqt li bosta studji juru li PAH jidħlu fil-ġilda esposta għall-qatran tal-faħam, li jistgħu jwasslu għal karċinoġenesi dermali u sistemika; filwaqt li bosta PAH huma karċinoġenesi ġenotossiċi, u konsegwentement ma jista’ jiġi stabbilit ebda livell ta’ bla perikolu, l-użu tal-qatran tal-faħam maħdum u mhux maħdum fi prodotti kosmetiċi għandu jiġi pprojbit;

Billi valutazzjoni tossikoloġika oħra, ibbażata fuq informazzjoni ġdida mogħtija mill-industrija, ta’ benzethonium chloride, turi li jinkiseb marġini ta’ sigurtà aċċettabbli sakemm l-użu tiegħu jiġi limitat għal preservattivi, f’konċentrazzjoni limitata u għal ħin ridott ta’ kuntatt mal-ġilda;

Billi, fuq il-bażi ta’ l-aħħar riċerka xjentifika u teknika, jista’ jintuża l-octyl methoxycinnamate bħala filtru ta’ l-UV fi prodotti kosmetiċi;

Billi l-miżuri previsti f’ din id-Direttiva huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattazzjoni għal Progress Tekniku tad-Direttiva dwar it-tneħħija ta’ l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fis-settur tal-prodotti kosmetiċi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 76/768/KEE qiegħda b’hekk tiġi emendata kif jidher fl-Anness:

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li mill-1 ta’ Lulju 1998 għas-sustanzi preskritti fl-Anness, la l-fabbrikanti u lanqas l-importaturi stabbiliti fil-Komunità ma għandhom iqiegħdu fis-suq prodotti li ma jkunux jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 li jkun fihom sustanzi preskritti fl-Anness ma jinbigħux jew b’xi mod ieħor ma jiġux ipprovduti lill-konsumaturi finali wara t-30 ta’ Ġunju 1999.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1998. Dawn għandhom bla dewmien jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-14 ta’ Lulju 1997.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169.

[2] ĠU L 16, tat-18.1.1997, p. 85.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Annessi tad-Direttiva 76/768/KEE qed jiġu emendati kif ġej:

1. Fl-Anness II:

In-numru ta’ referenza 420 li ġej qed jiġi miżjud:

"420. Il-qatran tal-faħam mhux maħdum u maħdum"

In-numru ta’ referenza 415 li ġej qed jitħassar:

"415. Id-diisobutyl-phenoxy-ethoxy-ethyldimethylbenzylammonium chloride (benzethonium chloride)"

2. Fl-Anness VI:

(a) L-Ewwel Parti

In-numru ta’ referenza li ġej qed jiġi miżjud:

"a | b | ċ | d | e |

53 | Benzethonium chloride | 0,1 % | Prodotti tat-tlaħliħ biss" | |

(b) It-Tieni Parti:

"tat- 30.6.1997" qed jinbidel bi "tat- 30.6.1998" għan-numri ta’ referenza 16, 21, 29.

3. Fl-Anness VII:

(a) L-Ewwel Parti:

In-numru ta’ referenza li ġej qed jiżdied:

"a | b | ċ | d | e |

12 | Octyl methoxycinnamate | 10 %" | | |

(b) It-Tieni Parti:

- In-numru ta’ referenza 13 qed jitħassar.

- "tat- 30.6.1997" qed jinbidel bi "tat- 30.6.1998" għan-numri ta’ referenza 2, 5, 6, 12, 17, 25, 26, 29 u 32.

--------------------------------------------------