31997L0005



Official Journal L 043 , 14/02/1997 P. 0025 - 0030


Id-Direttiva 97/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta’ Jannar 1997

dwar it-trasferimenti transkonfini ta’ kreditu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L- KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Socjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni ta’ l-Istitut Monetarju Ewropew,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3] fid-dawl ta’ test konġunt approvat fit-22 ta’ Novembru mil-Kumitat tal-Konċiljazzjoni,

(1) Billi l-volum ta’ pagamenti transkonfini qiegħed jikber b’mod kostanti hekk kif il-kompletazzjoni tas-suq intern u l-progress lejn unjoni ekonomika u monetarja sħiħa jwasslu għall-aktar negozju u moviment tan-nies fil-Komunità; billi kreditu trasferiti b’mod transkonfini jagħmlu parti sostanzjali tal-volum u valur ta’ pagamenti transkonfini;

(2) Billi huwa essenzjali għall individwi u negozji, speċjalment impriżi ta’ daqs żgħir u medju, li jkunu jistgħu jagħmlu trasferiment ta’ kreditu malajr, b’mod fiduċjuż u irħis minn parti tal-Komunità għall-oħra; billi, b’mod konformi ma’ l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ kompetizzjoni tal-KE għal trasferimenti transkonfini ta’ kreditu [4], kompetizzjoni akbar fis-suq għat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu għandha twassal għal servizzi aħjar u prezzijiet imraħħsa;

(3) Billi din id-Direttiva tipprova tkompli fuq il-progress magħmul lejn it-twettiq tas-suq komuni, partikolarment lejn il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital, bil-ħsieb li tiġi implementata l-unjoni monetarja u ekonomika; billi id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw għat-trasferiment ta’ kreditu fil-munita ta’ l-Istati Membri u fl-ecus;

(4) Billi l-Parlament Ewropew, fir-reżoluzzjoni tat-12 ta’ Frar 1993 [5], sejjaħ għal Direttiva tal-Kunsill biex ikunu stabbiliti regoli fil-qasam ta’ trasparenza u twettiq ta’ pagamenti transkonfini;

(5) Billi l-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandhom jiġu ttrattati separatament mill-punti sistemiċi li jibqgħu taħt konsiderazzjoni fil-Kummissjoni; billi jista’ jsir meħtieġ li ssir proposta oħra biex tittratta dawn il-punti sistemiċi, partikolarment il-problema tal-finalità tal-ftehim finali;

(6) Billi l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb is-servizzi tat-trasferimenti transkonfini ta’ kreditu u għalhekk tgħin lill-Istitut Monterarju Ewropew (EMI) fix-xogħol tiegħu li jippromwovi l-effiċjenza ta’ pagamenti transkonfini bl-idea tal-preparament tat-tielet stadju ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja;

(7) Billi, skond l-għanijiet stabbiliti fit-tieni premess, din id-Direttiva tapplika għall kwalunkwe trasferiment ta’ kreditu ta’ ammont ta’ anqas minn ECU 50,000;

(8) Billi, skond it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3b tat-Trattat, u bil-ħsieb li tassigura trasparenza, din id-Direttiva tistipula l-ħtiġiet minimi meħtieġa biex tassigura livell adegwat ta’ informazzjoni lill-klijent kemm qabel kif ukoll wara l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti transkonfini ta’ kreditu; billi dawn il-ħtiġiet jinkludu indikazzjoni ta’ l-ilmenti u l-proċeduri ta’ rimedji offruti lill-klijenti, flimkien ma’ l-arranġamenti għall-aċċess għalihom; billi din id-Direttiva tistipula l-minimu ta’ ħtiġiet ta’ eżekuzzjoni, partikolarment fit-termini ta’ l-osservanza, li l-istituzzjonijiet li joffru servizzi ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu jridu jsewgu, inklużi l-obbligazzjoni li jagħmlu trasferiment transkonfini ta’ kreditu skond l-istruzzjonijiet tal-klijent; billi din id-Direttiva twettaq il-kundizzjonijiet li joħorġu mill-prinċipji stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/109/KEE ta’ l-14ta’ Frar 1990 dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet bankarji li għandhom x’jaqsmu ma’ transazzjonijiet finanzjarji transkonfini [6]; Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/EEC ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 fuq il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għal skop ta’ moneylaundering [7];

(9) Billi din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi biex tnaqqas il-ħin massimu użat biex tesegwixxi trasferiment transkonfini ta’ kreditu u tinkoraġixxi dawk l-istituzzjonijiet li diġà jieħdu ħin qasir ħafna biex jagħmlu dan biex iżommu din il-prattika;

(10) Billi l-Kummissjoni, fir-rapport li ser tagħti ill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi żmien sentejn mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandhom jeżaminaw partikolarment it-terminu ta’ żmien li għandu jiġi applikat fin-nuqqas ta’ terminu ta’ żmien miftiehem bejn l-oriġinatur u l-istituzzjoni tiegħu, u tieħu akkont ta’ kemm żviluppi tekniċi u s-sitwazzjoni eżistenti f’kull Stat Membru;

(11) Billi għandu jkun hemm obbligu fuq l-istituzzjonijiet biex jirrifondu f’każ li t-trasferiment ma jsirx b’suċċess; billi l-obligazzjoni li tirrifondi timponi responsabbiltà kontinġenti fuq istituzzjonijiet li jista’, f’assenza ta’ kwalunkwe limitu, ikollha effett ħażin fuq il-ħtiġiet ta’ likwidità; billi dik l-obbligazzjoni li tirrifondi għandha għalhekk tapplika sa massimu ta’ ECU 12500;

(12) Billi l-Artikolu 8 ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ liġi nazzjonali li bihom istituzzjoni għandha r-responsabbiltà lejn l-oriġinatur meta t-trasferiment transkonfini ta’ kreditu ma jkunx ġie komplut minħabba fi żball magħmul minn dik l-istituzzjoni;

(13) Billi huwa meħtieġ li tiddistingwixxi, fost iċ-ċirkostanzi li fihom istituzzjonijiet involuti fl-eżekuzzjoni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu tista’ tiġi konfrontata, inklużi ċ-ċirkostanzi li għandhom x’jaqsmu man-nuqqas ta’ likwidità, dawk kaġunati b’force majeure; billi għal dak l-iskop id-definizzjoni ta’ force majeure mogħtija fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314/KEE tat-13 ta’ Gunju 1990 dwar safar komprensiv, btajjel komprensivi u vjaġġar komprensiv [8] għandhom jittieħdu bħala bażi;

(14) Billi għandu jkun hemm ħtieġa ta’ proċeduri għall-ilmenti u r-rimedji effettivi u adegwati fl-Istati Membri biex isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejn klijenti u istituzzjonijiet, billi jintużaw fejn xieraq proċeduri eżistenti,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA 1

SKOP U DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 1

Skop

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw għal trasferimenti transkonfini ta’ kreditu fil-munita ta’ l-Istati Membri u l-ECU sas-somma ekwivalenti ta’ ECU 50000 ordnati minn persuni li mhumiex dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(a), (b) u (ċ) u mwettqa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet oħra.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "istituzzjoni ta’" kreditu tfisser istituzzjoni kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE [9], u tinkludi oqsma, skond it-tifsira tat-tielet subinċiż ta’ dak l-artikolu u jinsabu fil-Komunità, jew istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom barra mill-Komunità u bħala negozju jesegwixxu trasferimenti transkonfini ta’ kreditu.

(b) "istituzzjoni oħra" tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali, barra minn istituzzjoni ta’ kreditu, li bħala negozju tesegwixxi trasferimenti transkonfini ta’ kreditu;

(ċ) "istituzzjoni finanzjarja" tfisser istituzzjoni kif definita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3604/93 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1993 li tispeċifika definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ aċċess privileġġjat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 104a tat-Trattat [10];

(d) "istituzzjoni" tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzjoni oħra; għall-iskop tal-Artikoli 6, 7 u 8, friegħi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda li jinsabu fi Stati Membri differenti li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu ikunu meqjusa bħala istituzzjonijiet separati;

(e) "istituzzjoni intermedjarja" tfisser istituzzjoni li la hija dik ta’ l-oriġinatur u lanqas tal-benefiċjarju u tipparteċipa fl-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti transkonfini ta’ kreditu;

(f) "trasferiment transkonfini ta" kreditu’ tfisser transazzjoni li saret fuq inizjattiva ta’ l-oriġinatur via istituzzjoni jew fergħa tagħha fi Stat Membru, bl-idea li tagħmel disponibbli ammont ta’ flus lill-benefiċjarju f’istituzzjoni jew fergħa tagħha fi Stat Membru ieħor; l-oriġinatur u l-benefiċjarju jistgħu jkunu l-istess persuna;

(g) "ordni ta" trasferiment transkonfini ta’ kreditu tfisser istruzzjoni mhux kondizzjonata fi kwalunkwe forma, mogħtija direttament minn oriġinatur lill-istituzzjoni biex tesegwixxi trasferiment transkonfini ta’ kreditu;

(h) "oriġinatur" tfisser persuna naturali jew legali li tordna trasferiment transkonfini ta’ kreditu lejn benefiċjarju;

(i) "benefiċjarju" tfisser l-aħħar reċipjent ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu li għalihom il-fondi korrispondenti huma disponibbli f’kont li għandu aċċess għalih;

(j) "klijent" ifisser l-oriġinatur jew il-benefiċjarju, skond kif jirrikjedi l-kuntest;

(k) "rata referenza ta’ imgħax" tfisser rata ta’ imgħax li tirrappreżenta kumpens u stabbilita skond regoli stipulati minn Stat Membru fejn jinsab l-istabbilment li għandu jħallas kumpens lejn klijent;

(l) "data ta’ aċċettazzjoni" tfisser id-data ta’ twettiq tal-kundizzjonijiet kollha mitluba mill-istituzzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferimenti transkonfini ta’ kreditu u li għandhom x’jaqsmu ma’ disponibbilità ta’ kopertura finanzjarja adegwata u l-informazzjoni meħtieġa biex tesegwixxi dik l-ordni.

IT-TAQSIMA II

TRASPARENZA TA’ KUNDIZZJONIJIET GĦAL TRASFERIMENTI TRANSKONFINI TA’ KREDITU

L-Artikolu 3

Informazzjoni minn qabel dwar kondizzjonijiet tat-trasferimenti transkonfini ta’ kreditu

L-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu b’kitba lejn klijent attwali u prospettiv tagħhom, u inkluż fejn xieraq b’mezzi elettroniċi, u f’għamla li tista’ tinftiehem, informazzjoni dwar kondizzjonijiet ta’ trasferimenti transkonfini ta’ kreditu. Din l-informazzjoni għandu jkun fiha mill-inqas:

- indikazzjoni ta’ żmien meħtieġ, meta ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu mogħti lill-istituzzjoni hija esegwita, biex il-fondi jiġu akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju; il-bidu ta’ dak iż-żmien għandu jkun indikat b’mod ċar,

- indikazzjoni taż-żmien meħtieġ, mal-wasla ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu, biex il-fondi akkreditati lill-kont ta’ dik l-istituzzjoni li jiġu kkreditati lill-kont tal-benefiċjarju,

- il-mod ta’ kalkolazzjoni tal-kummissjoni u tal-piżijiet imħallsa mill-klijent lill-istituzzjoni, u tinkludi fejn xieraq ir-rati,

- id-data tal-valur, jekk din teżisti, applikata mill-istituzzjoni;

- dettalji tal-proċeduri ta’ ilment u rimedji disponibbli għall-klijent u arranġamenti għall-aċċess għalihom,

- indikazzjoni tar-rati tal-kambju ta’ referenza użati.

L-Artikolu 4

Informazzjoni sussegwenti għal trasferiment transkonfini ta’ kreditu

L-istituzzjonijiet għandhom ifornu lill-klijenti tagħhom, sakemm dawn ta’ l-aħħar espressament jirrinunzjaw għal dan, wara l-eżekuzzjoni jew l-akkwist ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu, b’informazzjoni ċara u bil-miktub, inkluż fejn xieraq b’mezzi elettroniċi f’għamla li tiftiehem malajr. Din l-informazzjoni jrid ikun fiha mill-inqas:

- referenza li tippermetti lill-klijent li jidentifika t-trasferiment transkonfini tal-kreditu

- l-ammont oriġinali ta’ trasferiment transkonfini tal-kreditu,

- l-ammont tal-piżijiet u tal-kummissjoni mħallsa mill-klijent,

- id-data tal-valur, jekk din teżisti, applikata mill-istituzzjoni;

Fejn l-oriġinatur ikun speċifika li l-piżijiet għat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu għandhom jintrefgħu totalment jew parzjalment mill-benefiċjarju, dan ta’ l-aħħar għandu jkun infurmat b’dan mill-istituzzjoni tiegħu.

Fejn xi ammont ġie kkonvertit, l-istituzzjoni li tikkonvertih għandha tinforma lill-klijent tagħha bir-rata tal-kambju użata.

IT-TAQSIMA III

OBBLIGAZZJONIJIET MINIMI TA’ ISTITUZZJONIJIET RIGWARD TRASFERIMENTI TRANSKONFINI TA’ KREDITU

L-Artikolu 5

Garanziji speċifiċi ta’ l-istituzzjoni

Sakemm ma tixtieqx tagħmel in-negozju ma’ dak il-klijent, l-istituzzjoni għandha fuq it-talba ta’ klijent, għal trasferiment transkonfini ta’ kreditu bi speċifikazzjonijiet mistqarrra, tagħti garanzija dwar iż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment u l-kummissjoni u piżijiet mħallsa, barra minn dawk li għandhom x’jaqsmu mar-rata tal-kambju użata.

L-Artikolu 6

Obbligazzjonijiet dwar il-ħin li ttieħed

1. L-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur għandha tesegwixxi t-trasferiment transkonfini ta’ kreditu inkwistjoni fit-terminu taż-żmien miftiehem ma’ l-oriġinatur.

Fejn iż-żmien miftiehem ma jkunx ġie osservat, jew, jekk ma ġiex stabbilit terminu ta’ żmien, fejn, fi tmiem il-ħames ġurnata ta’ negozju fis-settur bankarju wara d-data ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu, il-fondi ma jkunx ġew akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju, l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur għandha tikkumpensa lill-oriġinatur.

Il-kumpens hu magħmul mill-pagament ta’ l-imgħax ikkalkulati bl-applikar tar-rata ta’ referenza ta’ imgħax sa l-ammont ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu mill-perijodu minn:

- it-tmiem ta’ żmien miftiehem, jew fin-nuqqas ta’ limitu ta’ żmien, it-tmiem tal-ħames ġurnata ta’ negozju bankarju wara d-data ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu, għal

- id-data li fiha l-fondi għandhom ikunu akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju.

Bl-istess mod, meta ma ssirx l-eżekuzzjoni tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu fit-terminu taż-żmien stabbilit, jew, jekk ma ġiex stabbilit terminu ta’ żmien, qabel il-ħames ġurnata ta’ negozju bankarju wara d-data ta’ l-aċċettazzjoni tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu huwa attribwibbli għal istituzzjoni intermedjarja, dik l-istituzzjoni għandha tikkumpensa lill-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur.

2. L-istituzzjoni tal-benefiċjarju għandha tagħmel il-fondi li jirriżultaw mit-trasferiment transkonfini ta’ kreditu disponibbli għall-benefiċjarju fi żmien miftiehem mal-benefiċjarju.

Fejn iż-żmien miftiehem ma jkunx ġie osservat jew, jekk ma ġiex stabbilit terminu ta’ żmien, meta, fl-aħħar tal-ġurnata ta’ negozju bankarju wara d-data li l-fondi jkunu ġew ikkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju, il-fondi ma jkunux ġew akkreditati lill-kont tal-benefiċjarju, l-istituzzjoni tal-benefiċjarju tikkumpensa lill-benefiċjarju.

Il-kumpens hu magħmul mill-pagament ta’ l-imgħax ikkalkulati billi tiġi applikata r-rata ta’ referenza ta’ l-imgħax sa’ l-ammont ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu għal perijodu minn:

- it-tmiem taż-żmien miftiehem, jekk ma ġiex stabbilit terminu ta’ żmien, it-tmiem tal-ġurnata ta’ negozju bankarju wara d-data li l-fondi jkunu ġew akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju, biex

- id-data li fiha l-fondi għandhom jiġu akkreditati lill-kont tal-benefiċjarju.

3. M’għandux jingħata kumpens skond il-paragrafi 1 u 2 fejn l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur jew, kif jista’ jkun il-każ, l-istituzzjoni tal-benefiċjarju tista’ tistabbilixxi li d-dewmien sar minħabba l-oriġinatur jew, kif jista’ jkun il-każ, il-benefiċjarju.

4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet l-oħra tal-klijenti u l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu.

L-Artikolu 7

Obligazzjoni biex tesegwixxi t-trasferiment transkonfini skond istruzzjonijiet

1. Kull waħda mill-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur, kwalunkwe istituzzjoni intermedjarja u l-istituzzjoni tal-benefiċjarju, wara d-data ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-ordni tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu, għandha l-obbligu li t-trasferiment ta’ kreditu għal ammont sħiħ tagħhom sakemm l-oriġinatur ikun speċifika li l-ispejjeż tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu għandhom jiġu merfugħa totalment jew parzjalment mill-benefiċjarju.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għal possibiltà li l-istituzzjoni tal-benefiċjarju timponi piż fuq il-benefiċjarju għall-amministrazzjoni tal-kont tiegħu skond ir-regoli u d-drawwiet relevanti. Madanakollu piż bħal dan ma jistax jintuża mill-istituzzjoni biex tevita l-obbligi imposti minn dan is-subparagrafu.

2. Mingħajr preġudizzju għal xi pretensjoni oħra li tista’ ssir, fejn l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur jew l-istituzzjoni intermedjarja għamlet tnaqqis mill-ammont tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu bi ksur tal-paragrafu 1, l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur għandha, fuq it-talba ta’ l-oriġinatur, tikkredita, mingħajr kwalunkwe tnaqqis u aspejjeż tagħha, l-ammont imnaqqas lill-benefiċjarju sakemm l-oriġinatur ma jitlobx li l-ammont jiġi kkreditat lilu.

Kwalunkwe istituzzjoni intermedjarja li għamlet tnaqqis bi ksur tal-l-paragrafu 1 għandha tikkredita l-ammont imnaqqas, mingħajr kwalunkwe tnaqqis u aspejjeż tagħha, lill-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur, jew, jekk hi hekk titlob, lill-benefiċjarju tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu.

3. Fejn il-ksur ta’ l-obbligu li jiġi esegwit trasferiment transkonfini ta’ kreditu skond l-istruzzjonijiet ta’ l-oriġinatur, ġrat mill-istituzzjoni tal-benefiċjarju, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pretensjoni oħra li tista’ ssir, l-istituzzjoni tal-benefiċjarju hija responsabbli li tikkredita lill-benefiċjarju, aspejjeż tagħha, kwalunkwe somma li tkun ġiet mnaqqsa bi żball.

L-Artikolu 8

L-obbligu ta’ l-istituzzjonijiet li jirrifondu f’każ li t- trasferimenti ma jkunux esegwiti

1. Jekk, wara li trasferiment transkonfini ta’ kreditu tiġi aċċettata mill-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur, l-ammonti relevanti ma jiġux akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pretensjoni oħra li tista’ ssir, l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur għandha tikkredita lill-oriġinatur, sa ECU 12500, bl-ammont ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu flimkien ma’:

- l-imgħax ikkalkulat billi tiġi applikata r-rata ta’ l-imgħax għall-ammont tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu għall-perijodu bejn id-data tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu u d-data tal-kreditu, u

- it-taxxi li għandhom x’jaqsmu mat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu mħallsa mill-oriġinatur.

Dawn l-ammonti għandhom ikunu disponibbli lill-oriġinatur fi żmien erbatax-il ġurnata ta’ negozju bankarju wara d-data tat-talba tiegħu, sakemm il-fondi li jikkorrispondu mat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu jkunu sadattant ġew akkreditati lill-kont ta’ l-istituzzjoni tal-benefiċjarju.

Din it-talba ma tistax issir qabel l-għeluq tat-terminu miftiehem bejn l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur u l-oriġinatur għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu jew, jekk ma ġiex stabbilit terminu ta’ żmien, qabel ma jiskadi t-terminu ta’ żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1).

Bl-istess mod, kull istituzzjoni intermedjarja li aċċettat l-ordni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu għandha l-obligazzjoni li tirrifondi a spejjeż tagħha l-ammont tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu, u inklużi l-ispejjez relatati u imgħax, lejn l-istituzzjoni li tagħtha ordni biex twettaq dik l-ordni. Jekk it-trasferiment transkonfini ta’ kreditu ma jkunx ġie komplut minħabba żbalji jew omissjonijiet fl-istruzzjonijiet mogħtija minn dik l-istituzzjoni, l-istituzzjoni intermedjarja għandha tipprova kemm jista’ jkun tirrifondi l-ammont tat-trasferiment.

2. B’derogazzjoni minn paragrafu 1, jekk it-trasferiment transkonfini ta’ kreditu ma jitlestiex minħabba li ma jkunx ġie esegwit mill-istituzzjoni intermedjarja magħżula mill-istituzzjoni tal-benefiċjarju, l-aħħar istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħmel disponnibli fondi sa ECU 12500 lejn il-benefiċjarju.

3. B’derogazzjoni mill-paragrafu 1, jekk it-trasferiment transkonfini ta’ kreditu ma jkunx tlesta minħabba żball jew ommissjoni fl-istruzzjonijiet mogħtija mill-oriġinatur lill-istituzzjoni tiegħu jew minħabba li ma tkunx seħħet l-eżekuzzjoni tat-trasferiment transkonfini ta’ kreditu minn istituzzjoni intermedjarja espressament magħżula mill-oriġinatur, l-istituzzjonijiet ta’ l-oriġinatur u l-istruzzjonijiet l-oħra involuti għandhom jippruvaw kemm jista’ jkun li jirrifondu l-ammont ta’ trasferiment.

Fejn l-ammont ġie rkuprat mill-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur, din għandha l-obbligu li takkreditah lill-oriġinatur. L-istituzzjonijiet, inkluża l-istituzzjoni ta’ l-oriġinatur, mhumiex obbligati f’dan il-każ li jirrifondu l-piżijiet u l-imgħax li jkunu qed jiżdiedu, u jistgħu jnaqqsu l-ispejjez li joriġinaw mill-irkupru jekk speċifikati.

L-Artikolu 9

Sitwazzjoni ta’ force majeure

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/308/KEE, istituzzjonijiet li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni ta’ trasferiment transkonfini ta’ kreditu għandhom jinħelsu mill-obbligi mniżżla f’din id-Direttiva meta huma jistgħu jġibu raġunijiet ta’ "force majeure", jiġifieri ċirkostanzi mhux normali u li ma jistgħux jitbassru li mhumiex taħt il-kontroll tal-persuna li qed iġġib l-iskuża ta’ "force majeure", u li l-konsegwenzi tagħhom ma kinux jistgħu jiġu evitati minkejja kull sforz għall-kuntrarju, li huma relevanti għad-dispożizzjonijiet tagħha.

L-Artikolu 10

Il-ftehim dwar kwistjonijiet

L-Istati Membri jassiguraw li hemm proċeduri ta’ lmenti u ta’ rimedji adegwati u effettivi għall-ftehim dwar kwistjonijiet bejn l-oriġinatur u l-istituzzjoni tiegħu jew bejn benefiċjarju u l-istituzzjoni tiegħu, billi tuża proċeduri eżistenti fejn xierqa.

IT-TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 11

L-Implimentazzjoni

1. Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-14 ta’ Awissu 1999. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta dawn jiġu ppubblikati. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet nazzjonali regolamenti jew proviżjonijiet amministrattivi li huma jadottaw fis-settur li huwa kopert minn din id-Direttiva

L-Artikolu 12

Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

Mhux aktar tard minn sentejn wara d-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkumpanjat fejn xieraq bi proposti għar-reviżjoni tagħha.

Dan ir-rapport għandu, fid-dawl ta’ sitwazzjoni li tesiżti f’kull Stat Membru u żviluppi tekniċi li seħħew, jitratta partikolarment il-kwistjoni tat-terminu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 6(1).

L-Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Ufficjali tal-Komunitàjiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Jannar 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

G. Zalm

[1] ĠU C 360, tas-17.12.1994, p. 13. u ĠU C 199, tat-3.8.1995, p. 16

[2] ĠU C 236, tal-11.9.1995, p. 1,

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 Mejju 1995 (ĠU C 151, tad-19.6.1995, p. 370), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 353, tat-30.12.1995, p. 52), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 1996 (ĠU C 96, ta’ l-1.4.1996, p. 74). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 1997.

[4] ĠU C 251, tas-27.9.1995, p. 3.

[5] ĠU C 72, tal-15.3.1993, p. 158.

[6] ĠU L 67, tal-15.3.1990, p. 39.

[7] ĠU L 166, tat-28.6.1991, p. 77.

[8] ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

[9] ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE (ĠU L 168, tat-18.7.1995, p. 7).

[10] ĠU L 332, tal-31.12.1993, p. 4.

--------------------------------------------------