Official Journal L 344 , 15/12/1997 P. 0007 - 0009
Azzjoni konġunta tal-5 ta' Diċembru 1997 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jevalwa l-applikazzjoni u jimplimenta fuq livell nazzjonali l-impriżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (97/827/JHA) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu K.3(2)(b) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kriminalità Organizzata approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam fis-16 u s-17 ta' Ġunju 1997, u b'mod partikolari r-Rakkommandazzjoni Nru 15 tal-Pjan ta' Azzjoni, Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport imsemmi, Wara li kkunsidra l-esperjenza fi ħdan il-Grupp tax-Xogħol Finanzjarju Internazzjonali dwar il-Ħasil tal-Flus, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1997 dwar ir-reġoli li japplikaw għall-esperti nazzjonali meta jiġu ddetaċċjati għal mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-pjan sabiex iqawwi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, Billi teżisti l-ħtieġa li tiġi mtejba l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali ta' l-istrumenti adottati b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; Billi din l-implimentazzjoni hija primarjament ir-responsabbiltà ta' kull wieħed mill-Istati Membri u billi, fil-kwadru ta' l-orkestrazzjoni tagħhom fi ħdan l-Unjoni, l-Istati membri jikoraġġixxu lil xulxin sabiex itejbu l-applikazzjoni ta' l-istrumenti tal-koperazzjoni sottoskritti fil-livell internazzjonali; Billi huwa mixtieq ukoll li jiġi stabbilit mekkaniżmu li, bħala estensjoni ta' din l-orkestrazzjoni, jgħin lill-Istati Membri sabiex jevalwaw fuq bażi ta' ugwaljanza u fiduċja reċiproka l-implimentazzjoni minn kull wieħed minnhom ta' l-istrumenti tal-koperazzjoni maħsuba sabiex jiġġieldu l-kriminalità organizzata internazzjonali; Wara li eżamina l-veduti tal-Parlament Ewropew [1], wara l-konsultazzjoni mwettqa mill-Presidenza skond l-Artikolu K.6 tat-Trattat, ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA: Artikolu 1 Il-għan 1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Komunità, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-valutazzjoni ta' bejn l-isħab dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni fil-livell ta' l-Unjoni u għall-atti u strumenti oħra internazzjonali f'materji kriminali, tal-leġislazzjoni u l-prattiċi li tirriħulta fil-livell nazzjonali u tal koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-Istati Membri skond ir-regoli ddettaljati ddikjarati hawn taħt. 2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jindaħal sabiex jiżgura illi l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu jikkoperaw bis-sħiħ mat-timijiet tal-valutazzjoni stabbiliti skond din l-Azzjoni Konġunta bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni tagħha, b'rigward mistħoqq għar-regoli tal-liġijiet u ta' l-etika li japplikaw fil-livell nazzjonali. Artikolu 2 Is-suġġetti tal-valutazzjoni 1. Kull sena, għandhom jiġu ddefiniti s-suġġett speċifiku tal-valutazzjoni kif ukoll l-ordni li fiha l-Istati Membri għandhom jiġu vvalutati, b'rata ta' mill-inqas ħamsa fis-sena, fuq proposta mill-Presidenza, mill-membri tal-Grupp tax-Xogħol Multi-dixxiplinarju dwar il-Kriminalità Organizzata (MDW). 2. Il-valutazzjoni għandha titħejja mill-Presidenza tal-Kunsill, assistita mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tkun involuta bis-sħiħ fix-xogħol tat-tħejjija. 3. L-ewwel sena tal-valutazzjonijiet għandha tibda mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta. Artikolu 3 In-nomina ta' l-esperti 1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jibgħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, l-ismijiet ta' minn wieħed sa tliet esperti li jkollhom esperjenza sostanzjali dwar is-suġġett li miegħu jkollha x'taqsam il-valutazzjoni fil-kamp tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari f'servizz ta' l-infurzar tal-liġi bħalma huma l-pulizija, id-dwana, awtorità ġudizzjarja jew pubblika oħra li jkunu mħejjija li jieħdu sehem f'mill-inqas eżerċizzju wieħed ta' valutazzjoni. 2. Il-Presidenza għandha tfassal lista ta' l-esperti nnominati mill-Istati Membri u għandha jibgħatha lill-membri tal-MDW. Artikolu 4 It-tim tal-valutazzjoni Fuq il-bażi tal-lista riferita fl-Artikolu 3(2), il-Presidenza għandha tagħżel tim ta' tliet esperti għal kull wieħed mill-Istati Membri sabiex dawn jiġu vvalutati, billi tiżgura illi ma jkunux ċittadini ta' l-Istat Membru fil-kwistjoni. L-ismijiet ta' l-esperti magħżula għandhom jiġu nnotifikati lill-MDW. Dawn l-esperti għandhom jikkostitwixxu t-tim tal-valutazzjoni. Jiddependi mis-suġġetti li jridu jiġu vvalutati, il-Kummissjoni tista' tieħu sehem fil-proċedimenti tat-timijiet ta' l-esperti. It-tim tal-valutazzjoni għandu jkun assistit fil-kompiti tiegħu kollha mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Artikolu 5 It-tħejjija tal-kwestjonarju Bl-assistenza tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Presidenza għandha tfassal kwestjonarju bil-għan li jevalwa lill-Istati Membri kollha fil-kwadru tal-għan iddefinit fl-Artikolu 2 (1) u għandha tisotomettih lill-MDW għall-approvazzjoni. Il-kwestjonarju għandu jiġi ddisinjat sabiex jistabbilixxi t-tagħrif kollu utli għall-kondotta tal-valutazzjoni. L-Istat Membru li jkun qiegħed jiġi vvalutat għandu jiżgura illi jwieġeb il-kwestjonarju fil-ħin permess u mimli kemm jista' jkun u jehmeż, meta meħtieġ, id-disposizzjonijiet kollha legali u l-informazzjoni teknika u prattika meħtieġa. Artikolu 6 Il-valutazzjoni fuq il-post Ġaladarba jkun irċieva t-tweġiba għall-kwestjonarju, it-tim tal-valutazzjoni għandu jżur lil-Istat Membru li jkun qiegħed jiġi vvalutat sabiex jiltaqa' ma' l-awtoritajiet amministrattivi, tal-pulizija. tad-dwana u ġudizzjarji jew ma' kull korp ieħor rilevanti skond il-pogramm tal-viżti rranġati mill-Istat Membru miżjur li jqis ix-xewqat espressi mit-tim tal-valutazzjoni. Artikolu 7 It-tħejjija ta' l-abbozz tar-rapport Mhux iktar tard minn xahar wara l-viżta riferita fl-Artikolu 6, it-tim tal-valutazzjoni għandu jfassal l-abbozz ta' rapport u jissottomettih lil-Istat Membru vvalutat għall-opinjoni tiegħu. Jekk jidhirlu approprjat, għandu jemenda r-rapport fid-dawl tal-kummenti magħmula mill-Istat Membru vvalutat. Artikolu 8 Id-diskussjoni tar-rapport u l-adozzjoni tiegħu 1. Il-Presidenza għandha tibgħat l-abbozz tar-rapport, li għandu jkun kunfidenzjali, lill-membri tal-MDW, flimkien ma' kull wieħed mill-kummenti ta' l-Istat Membru vvalutat li ma jkunx ġie aċċettat mit-tim tal-valutazzjoni. 2. Il-laqgħa tal-MDW għandha tibda bi preżentazzjoni ta' l-abbozz tar-rapport mill-membri tat-tim tal-valutazzoni. Ir-rappeżentant ta' l-Istat Membru vvalutat għandu mbagħad jipprovdi kull kumment, tagħrif jew spjega li jidhirlu meħtieġa. Il-MDW għandu mbagħad jiddiskuti l-abbozz tar-rapport u jadotta l-konklużjonijiet tiegħu b'consensus. 3. Il-Presidenza għandha tgħarraf lill-Kunsill darba fis-sena bir-riżultati ta' l-eżerċizzji tal-valutazzjoni. Il-Kumsill jista', meta jidhirlu xieraq, jindirizza kull rakkommandazzjoni lill-Istat Membru indirizzat u jista' jistiednu jirrapporta lura lill-Kunsill dwar il-progress li jkun għamel sa temma taż-żmen li trid tiġi ffissata mill-Kunsill. 4. Skond l-Artikolu 9(2), il-Presidenza għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-valutazzjoni. 5. Fit-tmiem tat-tlestija ta' l-eżerċizzju tal-valutazzjoni, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri approprjati. Artikolu 9 Il-kunfidenzjalità 1. L-esperti fuq it-timijiet tal-valutazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta' kull tagħrif li jirċievu b'konnessjoni mal-kompitu tagħhom. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw illi l-esperti li jaħtru skond l-Artikolu 3 ikollhom livell approprjat tas-sigurtà, meta approprjat. 2. Ir-rapport imfassal fi ħdan il-kwadru ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jkun kunfidenzjali. Madankollu, l-Istat Membru vvalutat jista' jippubblika r-rapport fuq ir-responsabbiltà tiegħu nnifsu. Jekk jixtieq jippubblika partijiet minnu biss, għandu jikseb il-kunsens tal-Kunsill. Artikolu 10 Ir-rivista tal-mekkaniżmu Mhux iktar tard mit-tmiem ta' l-ewwel valutazzjoni ta' l-Istati Membri kollha, il-Kunsill għandu jeżamina r-regoli ddettaljati u l-iskop tal-mekkaniżmu u għandu, jekk approprjat, jagħmel aġġustamenti għal din id-Dikjarazzjoni Konġunta. Artikolu 11 Id-dħul fis-seħħ Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Artikolu 12 Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Diċembru 1997. Għall-Kunsill Il-President M. Fischbach [1] Opinjoni meħuda fl-20 ta' Novembru 1997 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal uffijali). --------------------------------------------------