31997E0357



Official Journal L 153 , 11/06/1997 P. 0004 - 0005


Pożizzjoni komuni

tat-2 ta’ Gunju 1997

iddikjarata mill-Kunsill skond l-Artikolu J.2 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, dwar l-Albanija

(97/357/CFSP)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u, partikolarment, l-Artikolu J.2 tiegħu,

Billi l-Albanija hija inkluża fl-approċċ reġjonali dikjarat mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Frar 1996;

Filwaqt li jfakkar il-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija, dwar il-kummerċ u koperazzjoni kummerċjali u ekonomika [1];

Billi l-Kunsill fl-24 ta’ Marzu 1997 ikkonferma d-determinazzjoni ta’ l-Unjoni u l-funzjoni importanti tagħha biex tgħin l-Albanija biex terġa lura għal stabbilità politika u ekonomika;

Billi l-Kunsill iddeċieda li l-Unjoni għandha tikkopera fil-qafas kordinattiv ta’ l-Organizzazjoni tas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE); billi l-Kunsill Permanenti ta’ l-OSCE fl-Ewropa ddeċieda fis-27 ta’ Marzu 1997 li jistabbilixxi presenza ta’ l-OSCE fl-Albanija;

Billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-riżoluzzjoni tiegħu numru 1101 tat-28 ta’ Marzu 1997 laqa’ l-offerta minn ċerti Stati Membri tan-NU biex jistabbilixxu forza temporanja ta’ protezzjoni limitata fl-Albanija; billi l-Forza ta’ Protezzjoni Multinazzjonali (MNPF) hija operazzjonali;

Billi l-Kunsill fid-29 t’ April 1997 esprima l-appoġġ tiegħu għall-impriża ta’ l-Unjoni Ewropea tal-Punent (WEU) u l-Kunsill ta’ l-Ewropa biex tgħin biex terġa’ tiġi stabbilita forza ta’ Pulizija vijabbli fl-Albanija,

IDDIKJARA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

L-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-Albanija, fil-qafas kordinattiv ta’ l-OSCE, bl-azzjoni u bil-preżenza tagħha fuq l-art, biex tinkoraġġixxi l-proċess demokratiku, ir-ritorn lejn stabbilità politika u sigurtà interna kif ukoll elezzjonijiet liberi u imparzjali. Għandha tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja u l-appoġġ għar-riformi ekonomiċi.

F’ dan ir-rigward, l-Unjoni qed tikkordina ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, inklużi l-WEU u l-Kunsill ta’ l-Ewropa.

L-Unjoni qed tikkordina mal-Forza ta’ Protezzjoni Multinazzjonali biex tiffaċilita l-għajnuna umanitarja b’mod effiċjenti u mhux perikoluż u biex tgħin lejn ambjent xieraq għall-missjonijiet ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Albanija.

Artikolu 2

Il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni, f’isem il-Komunitajiet Ewropej:

- qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet immedjati tal-poplu ta’ l-Albanija, tipprovdi ikel u mediċina billi tuża l-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja tal-Komunitajiet Ewropej bħala mezz,

- qed tikkunsidra li tiffoka l-għajnuna tal-Phare f’partijiet li għandhom relazzjoni diretta mal-konsolidazzjoni tad-demokrazija, il-bidu ġdid ta’ attività ekonomika u tisħiħ ta’ l-amministrazzjoni pubblika fl-Albanija,

- qed tikkordina l-provvista ta’ assistenza finanzjarja ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali,

- hija lesta tgħin fl-inizjattiva tal-WEU u tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, fil-qafas tal-Mandat għall-Element Multinazzjonali u Konsultattiv tal-Pulizija, bl-għan illi tistabbilixxi mill-ġdid forza ta’ Pulizija vijabbli għall-Albanija,

- lesta tappoġġja assistenza għall-elezzjonijiet u għall-kontroll ta’ l-attivitajiet ta` l-OSCE.

Artikolu 3

L-Unjoni lesta tassisti fl-elezzjonijiet parlamentari b’mod liberu, imparzjali u kmieni, partikolarment bil-monitoring.

Tagħti importanza speċjali lir-rwol tal-media fl-Albanija fl-isforzi informattivi tagħhom ta’ qabel l-elezzjonijiet.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tiddeċiedi, mill-aktar fis possibbli, dwar l-arranġamenti għall-kontribuzzjoni tagħha.

Artikolu 4

L-Unjoni lesta tikkonsidra tlaqqa’, meta huwa xieraq u skond ċirkostanzi xierqa, konferenza internazzjonali dwar l-Albanija fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-OSCE, in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-pajjiżi terzi għandhom jiġu mistiedna biex jipparteċipaw.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Gurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Gunju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Van Mierlo

[1] ĠU L 343, tal-25.11.1992, pġ. 2.

--------------------------------------------------