31997D0805



Official Journal L 330 , 02/12/1997 P. 0019 - 0020


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-26 ta’ Novembru 1997

li tirrigwarda ċerti miżuri protettivi rigwrad ċerti prodotti mis-sajd li joriġinaw fiċ-Ċina u li temenda Deċiżjoni 97/368/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(97/805/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE ta’ l-10 ta’ Diċembru 1990 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet veterinarji fuq il-prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 19,

Billi, ma’ l-importazzjoni tal-prodotti mis-sajd li joriġinaw f’diversi stabbilimenti ta’ l-ipproċessar fiċ-Ċina, inkixfet il-preżenza tal-Vibrio parahaemolyticus;

Billi l-preżenza tal-Vibrio parahaemolyticus fuq l-ikel hija r-riżultat ta’ prattiċi ħżiena ta’ l-iġjene qabel u/jew wara l-ipproċessar ta’ l-ikel u tippreżenta riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem;

Billi l-importazzjonijiet tal-prodotti mill-istabbilimenti interessati fiċ-Ċina ma jridux għalhekk jiġu permessi iktar;

Billi l-ispezzjonijiet Komunitarji fiċ-Ċina u r-riżultati tal-kontrolli fil-postijiet ta’ l-ispezzjoni ta’ fuq il-fruntieri Komunitarji wrew illi jeżistu riskji potenzjali tas-saħħa rigward il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti mis-sajd;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/368/KE [3], kif emendata bid-Deċiżjoni 97/620/KE [4], tirrigwarda ċerti miżuri protettivi rigward ċerti prodotti mis-sajd li joriġinaw fiċ-Ċina, tipprovdi għall-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni tal-prodotti friski mis-sajd li joriġinaw fiċ-Ċina u għall-ħtieġa illi prodotti ffriżati jew ipproċessati li joriġinaw fiċ-Ċina jridu jiġu sottomessi sistematikament għal eżami mikrobijoloġiku;

Billi d-Deċiżjoni 97/368/KE għandha tiġi rriveduta qabel it-28 ta’ Frar 1998 u fuq il-bażi tas-sejbiet kurrenti għandu jkun meħtieġ illi jiġu estiżi l-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Ġunju 1998;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti mis-sajd, friski, iffriżati jew ipproċessati, li joriġinaw fiċ-Ċina.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta’ prodotti mis-sajd, f’kull għamla, li joriġinaw fl-istabbilimenti fiċ-Ċina li ġejjin: Il-fabbrika tal-friża ta’ produzzjoni multipla ta’ Pingyang – ta’ Nru 60 Triq Jiangkou Aojiang Pingyang, Zhejiang (bil-Kodiċi ta’ l-impjant Nru 3300/02097) u l-Wenzhou Hongdali Co. Ltd. li tipproċesa l-prodotti akkwatiċi fl-impjant tal-ħażna Yanting, Yanting, Cangnan - Zhejiang (bil-Kodiċi ta’ l-impjant Nru3300/02083).

L-Artikolu 3

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/368/KE, id-data "it-28 ta’ Frar 1998" għandha tinbidel bid-data "it-30 ta’ Ġunju 1998".

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw rigward l-importazzjonijiet miċ-Ċina u jġibuhom fl-istess linja ma’ din id-Deċiżjoni. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

L-Artikolu 5

In-nefqa kollha miġbura mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-kunsinnatur, mid-destinatarju jew mill-aġent tagħhom.

L-Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Novembru 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1.

[2] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1.

[3] ĠU L 156, tat-13.6.1997, p. 57.

[4] ĠU L 254, tas-17.9.1997, p. 17.

--------------------------------------------------