31997D0784



Official Journal L 321 , 22/11/1997 P. 0030 - 0031


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta’ April 1997

li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-akkwist ta’ telekomunikazzjoni u l-Ftehim f’forma ta’ memorandum li jikkonċerna l-akkwist ta’ operaturi privati tat-telekomunikazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

(97/784/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 113, b’konnessjoni mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 228(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Ftehim dwar il-forniment tat-telekomunikazzjoni u l-Ftehim f’forma ta’ memorandum li jikkonċerna l-akkwist ta’ operaturi privati tat-telekomunikazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea għandhom ikunu approvati;

Billi l-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-akkwist tat-telekomunikazzjoni u l-Ftehim f’forma ta’ memorandum għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat għax il-Ftehim japplika biss għall-prodotti u s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist ta’ dawn il-prodotti;

Billi huwa xieraq li l-Kunsill għandu jawtorizza lill-Kummissjoni, b’konsulenza ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, biex japprova tibdil minn-naħa tal-Komunità fl-Anness I tal-Ftehim ta’ l-akkwist tat-telekomunikazzjoni; billi, b’dana kollu, din l-awtoriżżazzjoni tkun limitata għat-tibdil li joħroġ mill-applikazzjoni tal-proċedura ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ l-akkwist ta’ l-entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni [1],

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar l-akkwist tat-telekomunikazzjoni u l-Ftehim f’forma ta’ memorandum li jikkonċerna l-akkwist ta’ l-operaturi privati tat-telekomunikazzjoni bejn il-Komuntità Ewropea u r-Repubblika tal-Korea huma b’hekk approvati f’isem il-Komunità.

It-testi tal-Ftehim u tal-memorandum huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’hekk awtorizzat li jaħtar il-persuna li jkollha s-setgħa li tiffirma l-Ftehim u l-memorandum biex b’hekk torbot lill-Komunità.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni hija b’hekk awtorizzata biex tapprova, f’isem il-Komunità, tibdil fl-Anness I tal-Ftehim dwar l-akkwist tat-telekomunikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna f’din ir-responsabbilità minn kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

L-awtorizzazzjoni li hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagrafu għandha tkun limitata għat-tibdiliet li jkun hemm bżonn meta l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/38/KEE jkunu applikati.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Van Aartsen

[1] ĠU L 199, tad-9.8.1993, p. 84. Id-Direttiva kif emendata mill-Att tad-Dħul tal-1994.

--------------------------------------------------