31997D0690



Official Journal L 293 , 27/10/1997 P. 0003 - 0004


Id-Deċiżjoni tal-kunsill

ta’ l-20 ta’ Ottubru 1997

li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ pożizzjoni komuni 97/356/PESK definita mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ Artikolu J.2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika

(97/690/CFSP)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari Artikoli J.2 u J.11 tiegħu,

Billi l-Artikolu 7 tal-pożizzjoni komuni 97/356/CFSP tat-2 ta’ Ġunju 1997 [1] jipprovdi li l-Unjoni Ewropea hija lesta li tgħin sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet tal-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika fuq il-bażi ta’ proposti ta’ proġetti konkreti, b’mod partikolari permezz ta’ l-Organizzazzjoni għall-Għaqda fl-Afrika (OAU) u organizzazzjonijiet sottoreġjunali Afrikani;

Billi, fid-dawl tal-ftehim adottat mill-Kunsill fit-2 ta’ Ġunju 1997 dwar il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ konflitti fl-Afrika u sabiex jitħaffu l-isforzi għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha ssostni l-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni, Immaniġġjar u s-Soluzzjoni ta’ Konflitti fl-Afrika (aktar ’il quddiem msejjaħ "il-Mekkaniżmu"), li kien twaqqaf mill-OAU fid-disgħa u għoxrin Assemblea tagħha li saret fil-Kajr f’Ġunju ta’ l-1993;

Billi, sabiex il-Mekkaniżmu ta’ l-OAU ikun f’pożizzjoni li jista’ jopera, huwa essenzjali li jiżdiedu l-faċilitajiet ta’ komunikazzjoni fil-kwartieri ta’ l-OAU, fl-uffiċċji nazzjonali u reġjunali tagħha u fil-post fejn isiru l-missjonijiet; billi l-OAU ssottomettiet proġett speċifiku bħala parti minn proġett konsolidat ta’ proposti sabiex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu ta’ l-OAU f’dan ir-reġjun;

Billi din hija miżura sperimentali u l-valutazzjoni tagħha tagħmilha possibbli biex l-Unjoni Ewropea twessa’ l-koperazzjoni ma’ l-OAU u tikkunsidra għajnuna għal proġetti oħra ippreżentati mill-OAU, li jkunu eżaminati individwalment mill-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1. L-Unjoni Ewropea għandha ssostni l-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni, Immaniġġar u s-Soluzzjoni ta’ Konflitti fl-Afrika mwaqqaf mill-OAU f’Ġunju ta’ l-1993, li l-għan tiegħu huwa li tagħmilha possibbli li jiġu identifikati kmieni egħjun ta’ konflitti u li tittieħed azzjoni għalihom malajr.

2. Bl-għan li tiġi mtejba l-effikaċja operazzjonali tal-Mekkaniżmu u minħabba n-nuqqasijiet li ġew osservati fil-qasam tal-komunikazzjoni fl-Afrika, l-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea għall-1997 ser jiġi indirizzat lejn il-ħtiġiet ta’ l-OAU sabiex jiżdiedu l-faċilitajiet tal-komunikazzjoni fil-kwartieri ta’ l-OAU, fl-uffiċji nazzjonali u reġjunali tagħha u fil-post tal-missjonijiet tagħha, inkluż taħriġ f’dak is-settur.

Artikolu 2

Fit-twettiq ta’ din id-deċiżjoni, tiġi ikkunsidrata l-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza bejn għajnuna lill-OAU mogħtija mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u parteċipanti oħra fil-konferenzi dwar diplomazija preventiva li saru f’Washington (1995), Brussel u Madrid (1996).

Artikolu 3

1. Bl-għan li jiġu koperti l-ispejjeż tal-forniment ta’ tagħmir u tat-taħriġ ta’ impjegati ta’ l-OAU, ammont ta’ 860000 ECU għandu jitħallas mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 1997.

2. L-ispiża ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri tal-budget u r-regoli tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 4

Il-Kunsill għandu, sitt xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jevalwa l-azzjoni meħuda skond id-Deċiżjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Ottubru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Boden

[1] ĠU L 153, tal-11.6.1997, pġ. 1.

--------------------------------------------------