31997D0620



Official Journal L 254 , 17/09/1997 P. 0017 - 0018


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta’ Settembru 1997

dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti tas-sajd li joriġinaw fiċ-Ċina u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/368/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(97/620/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE ta’ l-10 ta’ Diċembru 1990 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 19,

Billi, ma’ l-importazzjoni tal-laħam tad-denb tal-gamblu ta’ l-ilma ħelu msajjar li joriġina fi stabbiliment ta’ proċessar fiċ-Ċina, ġiet individwata l-preżenza ta’ Vibrio cholerae;

Billi l-preżenza ta’ Vibrio cholerae fl-ikel hija riżulat ta’ prattiċi iġjeniċi ħżiena qabel u/jew wara l-ipproċessar ta’ ikel u tista’ tkun ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem;

Billi l-importazzjonijiet ta’ prodotti mill-istabbiliment konċernat fiċ-Ċina m’għandhomx għalhekk jitħallew aktar;

Billi spezzjonijiet tal-Komunità fiċ-Ċina u r-riżultati ta’ kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera tal-Komunità urew li jista’ jkun hemm riskji għas-saħħa f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/368/KE dwar xi miżuri protettivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti tas-sajd li joriġinaw fiċ-Ċina [3], kif emendata bid-Deċiżjoni 97/587/KE [4], tiddisponi għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd friski li joriġinaw fiċ-Ċina u għal obbligu li prodotti tas-sajd iffriżati jew proċessati li joriġinaw fiċ-Ċina jistgħu jiġu sistematikament sottomessi għal eżami mikrobijoloġiku;

Billi d-Deċiżjoni 97/368/KE għandha tiġi riveduta qabel it-30 ta’ September 1997 u fuq il-bażi tas-sejbiet preżenti għandu jkun hemm bżonn li jittawwlu l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni sat-28 ta’ Frar 1998;

Billi l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal prodotti tas-sajd, friski, iffriżati jew proċessati, li joriġinaw miċ-Ċina

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħut, fil-forom kollha, li joriġinaw fl-istabbiliment li ġej fiċ-Ċina: Yangcheng Fengbao Aquatic Food Co. Ltd. (Kodiċi ta’ l-Impjant Nru 3200/02226).

Artikolu 3

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 97/368/KE id-data 30 ta’ Settembru 1997 għandha tiġi sostitwita bit-28 ta’ Frar 1998.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet miċ-Ċina sabiex iġibuhom konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament.

Artikolu 5

L-infieq kollu li jkun sar permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun a karigu tal-kunsinnatur, tal-kunsinnatarju jew ta’ l-aġent tagħhom.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ September 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummisjoni

[1] ĠU Nru L 373, tal-31.12.1990, p. 1.

[2] ĠU Nru L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1.

[3] ĠU Nru L 156, tat-13.6.1997, p. 57.

[4] ĠU Nru L 238, tad-29.8.1997, p. 45.

--------------------------------------------------