Official Journal L 155 , 12/06/1997 P. 0001 - 0002
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Marzu 1997 [1] li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta' dazji minn fuq prodotti tekonoloġiċi ta' l-informatika (97/359/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien ma' l-Artikolu 228(2), l-ewwel sentenza tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi fl-Aġenda l-ġdida Transatlantika adottata fil-konferenza UE-SU f'Madrid fit-13 ta' Diċembru 1995, ġie deċiż li għandu jsir tentattiv sabiex jiġi konkluż Ftehim dwar Teknoloġija ta' l-Informatika; Billi, wara xi rapporti mill-Kummissjoni dwar il-konsultazzjonijiet ta' tfittxija tagħha ma' pajjiżi terzi, fis-16 ta' Novembru 1996, il-Kunsill iddeċieda li jiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi bil-għan li jiġi konkluż Ftehim dwar Teknoloġija ta' l-Informatika; Billi fit-13 ta' Diċembru 1996, fl-ewwel Konferenza ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Singapor, ġiet adottata Dikjarazzjoni Ministerjali dwar kummerċ fi prodotti tekonoloġiċi ta' l-informatika; billi d-Dikjarazzjoni tistabilixxi ċerti pre-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-eliminazzjoni ta' tariffi għal prodotti teknoloġiċi ta' l-informatika; billi dawn il-pre-kondizzjonijiet ġew sodisfatti; Billi d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi ta' l-informatika flimkien ma' l-annessi u d-dokumenti mehmuża jikkostitwixxu l-Ftehim dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi ta' l-informatika; Billi l-Iskeda KE-ITA CXL, li timmodifika l-iskeda Komunitarja eżistenti, għandha tiġi sottomessa lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; Billi l-Ftehim dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi ta' informatika flimkien mal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu għandu jiġi approvat f'isem il-Komunità, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi ta' informatika flimkien mal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu għandu jiġi approvat f'isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim u tal-Komunikazzjoni huwa mehmuż ma' din id- Deċiżjoni. Artikolu 2 Kif meħtieġ mill-paragrafu 4 ta' l-Anness tad-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar kummerċ fi prodotti teknoloġiċi ta' l-informatika, il-Kunsill: (i) jinnota li parteċipanti li jirrapresentaw madwar 90 fil-mija tal-kummerċ dinji fi prodotti tekonoloġiċi ta' informatika innotifikaw l-aċċettazzjoni tagħhom; u (ii) japprova, f'isem il-Komunità, it-talbiet fi stadji differenti tal-parteċipanti fl-ITA. Artikolu 3 Il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex din tissottometti lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ il-modifiki għall-iskeda Komunitarja kif stipulata fl-Iskeda KE-IT CXL li tinsab fil-Ftehim anness. Artikolu 4 Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem il-Komunità, jagħti n-notifika msemmija fid-Dikjarazzjoni Ministerjali. Artikolu 5 Din id-Deċisjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Marzu 1997. F'isem il-Kunsill Il-President H. Van Mierlo [1] It-test konsolidat ta' din id-Deċisjoni jinkorpora korrezzjonijiet approvati mill-Kunsill fl-14 ta' Mejju 1997 --------------------------------------------------