31996R2202



Official Journal L 297 , 21/11/1996 P. 0049 - 0052


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2202/96

tat-28 ta' Ottubru 1996

li jintroduċi skema ta' għajnuna tal-Komunità għall-produtturi ta' ċertu frott taċ-ċitru

IL- KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ([1]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ([2]),

Wara li kkunsidra l-opinjini tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku ([3]),

Billi s-sitwazzjoni preżenti fis-settur tal-frott taċ-ċitru qiegħdha tkompli tiltaqa' ma' diffikultajiet serji fit-tneħħija tal-produzzjoni tal-Komunità; billi dawn id-diffikultajiet huma attribwibbli primarjament għall-aspettti varji tal-produzzjoni, il-produzzjoni żejda u l-kondizzjonijiet tas-suq għall-frott taċ-ċitru frisk u pproċessat;

Billi l-provvista tal-Komunità tal-lumi, grapefruit, larinġ u mandarin qiegħedha tkompli tlaħħaq mat-talba tas-suq għall-prodotti ta' frott frisk għal xi varjetajiet ta' prodotti; billi l-produzzjoni ta' klementini żdiedet b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin sal-limitu li kien hemm produzzjoni żejda; billi s-satsumas, li qegħdin jiġu mibdula mill-klementini fis-suq tal-prodotti tal-frott frisk huma wkoll żejda; billi s-sistema ta' appoġġ għall-produtturi għandha għalhekk tipprovdi inċentiv għad-disponiment tal-frott taċ-ċitru in kwistjoni sabiex jiġi pproċessat f'sugu u bċejjeċ;

Billi jidher xieraq li għandha tiġi mplimentata din is-sistema permezz ta' kuntratti miftiehma bejn dawk li jipproċessaw u l-organizzazzjonijiet ta' produtturi sabiex jiġi żgurat, l-ewwelnett, provvisti regolari għall-industriji ta' l-ipproċessar, u t-tieninett, verifiki effettivi tal-prodotti li għandhom jitwasslu u l-fatt li ġew fil-fatt ipproċessati mill-industrija; billi s-sistema għandha tiggarantixxi provvisti lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità;

Billi din is-sistema l-ġdida għandha tkun kapaċi mill-bidunett li tiffunzjona b'numru suffiċjenti ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi; billi, għal dak il-għan, organizzazzjonijiet tal-produtturi mogħtija għarfien preliminari' skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament għandha tfisser mhux biss l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għalihom jirreferi l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex ([4]), iżda wkoll dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament;

Billi, sabiex il-produtturi jiġu mħeġġa biex jippreżentaw il-prodotti tagħhom għall-ipproċessar milli jirtirawhom, għandhom isiru disposizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jibgħatu frott taċ-ċitru lill-industriji ta' l-ipproċessar; billi l-ammont ta' l-għajnuna għandu jiġi stabbilit għall-perjodu transitorju ta' sitt snin u wara għandu jkun ammont fiss; billi dawk l-ammonti għandhom ikunu kalkolati fuq il-bażi tal-proporzjon eżistenti fl-1995/96 bejn il-kumpens finanzjarju u l-prezz minimu u għandhom ikunu suġġetti għal tnaqqis annwali gradwali matul il-perjodu transitorju, ħlief fil-każ ta' klementini u satsumas, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' prodotti friski; billi fil-każ ta' grapefruit, l-għajnuna li għandha tkun applikata hija dik stabbilita għal-lumi;

Billi l-produzzjoni tal-frott taċ-ċitru fiha nuqqasijiet strutturali skond l-istrateġija tas-suq li jidhru mit-tixrid eċċessiv tal-provvista; billi l-produtturi ndividwali li jibgħatu l-frott-taċ-ċitru tagħhom għall-ipproċessar permezz ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu jikkwalifikaw għas-sistema stabbilta b'dan ir-Regolament; billi għal dan il-għan u biex jiġi żgurat trattament ugwali mas-settur tal-prodotti friski, għandha ssir disposizzjoni għall-ammont ta' għajnuna li għandhom jitnaqqsu; billi, għall-istess raġunijiet strutturali, ikun ġustifikat li tingħata żieda fl-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jagħmlu kuntratt għal aktar minn sena u dwar il-kwantitajiet minimi;

Billi l-kwantitajiet li jistgħu jiġu rtirati mis-suq huma limitati bir-Regolament (KE) Nru 2200/96; billi fil-każijiet fejn il-produzzjoni qiegħdha togħla għandhom jittieħdu passi biex ikun evitat rikors sistematiku għall-ipproċessar bħala alternattiva; billi l-iffissar ta' limitu għall-ipproċessar, li meta jinqabeż, ikkalkulat fuq il-bażi tal-medja matul tliet snin tas-suq, li jkun jeħtieġ tnaqqis fl-għajnuna fis-sena kurrenti tas-suq, tidher li tkun miżura xierqa għal dan il-għan; billi għandhom jiġu provduti limiti fissi, ibbażati fuq il-kwantità medja eliġibbli għall-kumpens finanzjarju matul perjodu ta' riferenza; billi, għandhom isiru disposizzjonijiet għall-introduzzjoni ta' sistema ta' avvanzi, minħabba li l-għajnuna tista' titnaqqas fit-tmiem ta' xi sena tas-suq bħala riżultat li jkun inqabeż il-limitu għall-ipproċessar;

Billi d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandhom ikunu applikati għas-settur tal-frott taċ-ċitru pproċessat biex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli u tal-korpi li jikkontrollaw; billi għandhom ukoll isiru disposizzjonijiet għall-penalitajiet biex jiggarantixxu applikazzjoni uniformi ta' l-iskema l-ġdida mal-Komunità kollha,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skema ta' għajnuna tal-Komunità qiegħdha b'dan tiġi stabbilita għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jwasslu għall-ipproċessar ċertu frott taċ-ċitru maħsud fil-Komunità. Din l-iskema għandha tkun tkopri:

(a) il-lumi, il-grapefruit, il-larinġ, il-mandolina u l-klementini pproċessati f'sugu;

(b) il-klementi u s-satsumas ipproċessati fi bċejjeċ.

Artikolu 2

1. L-iskema li għaliha jirreferi l-Artikolu 1 għandha tkun ibbażata fuq kuntratti bejn, min naħa waħda, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li għandhom l-għarfien jew jiddaħlu provviżorjament taħt ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 u, min-naħa 'l oħra, dawk li jipproċessaw jew l-assoċjazzjonijiet legalment imwaqqfa jew il-unions ta' dawk li jipproċessaw.

2. Dawk il-kuntratti għandhom isiru qabel data speċifika u għal tul minimu stabbilit skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96. Dawn għandhom, inter alia, jispeċifikaw il-kwantitajiet li għalihom jappartjenu, it-tqassim tat-twassil lil dawk li jipproċessaw, u l-prezzijiet li għandhom jittħallsu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u jiddikjaraw li dak li jipproċessa jkollu l-obbligu li jipproċessa l-prodotti koperti bil-kuntratti.

3. Meta jintemmu, il-kuntratti għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri nteressati responsabbli għall-iċċekkjar kwalitattiv u kwantitattiv għar-rigward ta':

(a) prodotti mibgħuta mill-organizzazzjonijiet ta' produtturi lil dawk li jipproċessaw;

(b) l-ipproċessar attwali tal-kwantitajiet mibgħuta.

Artikolu 3

1. Għandha tingħata għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-kwantitajiet mibgħuta għall-ipproċessar skond il-kuntratti li għalihom jirreferi l-Artikolu 2.

2. L-ammont ta' l-għajnuna huwa muri fit-Tabella 1 ta' l-Anness hawn meħmuż.

Iżda:

(a) meta l-kuntratt li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1) ikun ikopri aktar minn sena tas-suq waħda u l-kwantità minima ta' frott taċ-ċitru, li għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, l-ammont ta' l-għajnuna għandu jkun dak indikat fit-Tabella 2 ta' l-Anness hawn meħmuż;

(b) għall-kwantitajiet mibgħuta skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4, l-ammont ta' l-għajnuna għandu jkun dak indikat fit-Tabella 3 ta' l-Anness hawn meħmuż.

3. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5, l-għajnuna għandha titħallas mill-Istati Membri lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li japplikaw għaliha malli l-awtoritajiet ta' spezzjoni ta' l-Istat Membru li fih isir l-ipproċessar ikunu stabbilew li l-prodott kopert bil-kuntratti ikun intbagħt lill-industrija ta' l-ipproċessar.

L-ammont ta' l-għajnuna li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandha titħallas lill-membri tagħhom.

4. Għandhom jiġu addottati miżuri skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 biex jiġi żgurat li l-industrija ta' l-ipproċessar tilħaq l-obbligazzjoni tagħha li tipproċessa l-prodotti mibgħuta mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

Artikolu 4

1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jgħaddu l-benefiċċju ta' l-iskema stabbilit f'dan ir-Regolament lill-produtturi ndividwali li ma jkunux membri ta' xi organizzazzjonijiet bħal dawk li jintrabtu li jbiegħu permezz tagħhom il-produzzjoni tagħhom kollha tal-frott taċ-ċitru maħsuba għall-ipproċessar u li jħallsu miżata li tkun tkopri l-ispejjeż żejda għal ġestjoni mħallsa mill-organizzazzjoni minħabba l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

2. Meta l-paragrafu 1 jiġi applikat,

(a) l-ammont ta' l-għajnuna li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandha titħallas lill-produttur individwali interessat;

(b) il-kwantitajiet mogħtija mill-produtturi individwali m'għandhomx jiġu nklużi fil-kuntratti multi-annwali li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(2)(a).

Artikolu 5

1. Il-limiti ta' l-ipproċessar għandhom jiġu stabbiliti, min-naħa l waħda, għal-lumi, il-grapefruit u l-larinġ separatament, u, min-naħa l oħra, għall-mandolina, il-klementini u s-satsumas meħudin flimkien, kif ġej:

- lumi:

444 000 tunellati,

- grapefruit:

6 000 tunellati,

- larinġ:

1 189 000 tunellati,

- mandolina, klementini u satsumas:

320 000 tunellati.

2. Għal kull sena tas-suq, il-qbiż tal-limiti ta' l-ipproċessar għandu jkun stmat fuq il-bażi tal-kwantità medja pproċessata skond l-iskema stabbilita b'dan ir-Regolament matul l-aħħar tliet snin tas-suq, inkluża s-sena preżenti tas-suq.

3. Meta l-qabża tkun stabbilità skond il-paragrafu 2, l-għajnuna ffissata għas-sena tas-suq preżenti skond l-Artikolu 3(2) għall-prodotti in kwistjoni għandha titnaqqas b'1 % għal kull tranche tal-qabża.

Tranches li jinqabżu għandhom ikunu ugwali għal 1 % tal-livell ta' kull limitu indikat fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari għas-sistema ta' avvanzi, il-ħlas ta' l-għajnuna, il-miżuri tas-sorveljanza u l-penalitajiet, is-snin tas-suq, il-karatteristiċi minimi tal-materja prima mwassla għall-ipproċessar u l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-eċċess tal-limitu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Artikolu 7

Id-disposizzjonijiet tat-Titolu VI li għandhom x'jaqsmu mal-verifiki nazzjonali u tal-Komunità fir-Regolament (KE) Nru 2200/96 għandhom japplikaw għas-sorveljanza tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Jekk ikunu meħtieġa miżuri biex tiġi faċilitata t-transizzjoni mill-arranġamenti ta' qabel għal dawk stabbiliti b'dan ir-Regolament jew biex jiġu applikati l-mekkaniżmi mhux imħassra b'dan ir-Regolament, dawk il-miżuri għandhom ikunu addottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fuq il-bażi ta' l-operazzjoni ta' sentejn, rapport dwar l-applikazzjoni ta' din is-sistema, flimkien ma' proposti xierqa, jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 10

Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika komuni agrarja ([5]). Dawn għandhom ikunu ffinanzjati mis-Sezzjoni ta' Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji (FAEGG).

Artikolu 11

Dan li ġej qiegħed b'dan jiġi mħassar, b'effett mid-data ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/77 tas-17 ta' Mejju 1977 li jipprovdi l-miżuri speċjali biex iħajjru t-tqegħid fis-suq tal-prodotti pproċessati mil-lumi ([6]), u

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3119/93 tat-8 ta' Novembru 1993 li jipprovdi l-miżuri speċjali biex iħajjru l-ipproċessar ta' ċertu frott taċ-ċitru ([7]).

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak li fih jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika mis-sena tas-suq 1997/98.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Ottubru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. YATES

ANNESS

L-ammonti ta' l-għajnuna li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(1)

TABELLA 1 (ECU/100 kg nett)

Sena tas-suq 1997/98 Sena tas-suq 1998/99 Sena tas-suq 1999/2000 Sena tas-suq 2000/01 Sena tas-suq 2001/02 Sena tas-suq 2002/03 u snin tas-suq sussegwenti

Lumi Grapefruit' Larinġ Mandolin Klementini Satsumas' 9,36 9,36 10,03 11,31 8,90 7,34 9,31 9,31 9,98 10,86 8,95 7,69 9,25 9,25 9,94 10,42 8,99 8,04 9,21 9,21 9,89 9,98 9,03 8,40 9,15 9,15 9,85 9,54 9,07 8,75 9,10 9,10 9,80 9,10 9,10 9,10

TABELLA 2 (ECU/100 kg nett)

Sena tas-suq 1997/98 Sena tas-suq 1998/99 Sena tas-suq 1999/2000 Sena tas-suq 2000/01 Sena tas-suq 2001/02 Sena tas-suq 2002/03 u snin tas-suq sussegwenti

Lumi Grapefruit' Larinġ Mandolin Klementini Satsumas' 10,76 10,76 11,54 13,00 10,26 8,44 10,70 10,71 11,48 12,49 10,30 8,85 10,64 10,64 11,43 11,99 10,34 9,25 10,59 10,59 11,37 11,48 10,38 9,66 10,52 10,52 11,33 10,97 10,42 10,06 10,47 10,47 11,27 10,47 10,47 10,47

TABELLA 3 (ECU/100 kg nett)

Sena tas-suq 1997/98 Sena tas-suq 1998/99 Sena tas-suq 1999/2000 Sena tas-suq 2000/01 Sena tas-suq 2001/02 Sena tas-suq 2002/03 u snin tas-suq sussegwenti

Lumi Grapefruit' Larinġ Mandolin Klementini Satsumas' 8,42 8,42 9,03 10,17 8,03 6,61 8,38 8,38 8,98 9,78 8,06 6,92 8,33 8,33 8,95 9,38 8,09 7,24 8,28 8,28 8,90 8,98 8,13 7,56 8,23 8,23 8,86 8,59 8,16 7,88 8,19 8,19 8,82 8,19 8,19 8,19

[1] ĠU Nru C 191, tat-2.7.1996, p. 7.

[2] ĠU Nru C 277, tat-23.9.1996.

[3] ĠU Nru C 212, tat-22.7.1996, p. 88.

[4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

([5]) ĠU Nru L 94, tat-28.4.1970, p. 13. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KE) Nru 1287/95 (ĠU Nru L 125, tat-8.6.1995, p. 1).

([6]) ĠU Nru L 125, tad-19.5.1977, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1199/90 (ĠU Nru L 119, tal-11.5.1990, p. 61).

([7]) ĠU Nru L 279, tat-12.11.1993, p. 17.