31996R1488



Official Journal L 189 , 30/07/1996 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96

tat-23 ta' Lulju 1996

dwar il-miżuri finanzjarji u tekniċi li jakkumpanjaw il-(MEDA) ir-riforma ta' l-istrutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija Ewro-Mediterranja.

IL-KUNSILL TA'L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-Kunsill Ewropew fil-laqgħat tiegħu f'Lisbona, Korfu u Essen għamel enfasi li l-Mediterran huwa żona prijoritarja għall-Unjoni Ewropea u adotta l-għan li jistabbilixxi sħubija Ewro-Mediterranja;

Billi l-Kunsill Ewropew ta' Cannes fil-laqgħa tiegħu tas-26 u s-27 ta' Ġunju 1995 reġa' afferma l-importanza strateġika li huwa jagħti lit-tkabbir ta' dimensjoni ġdida fir-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma' l-imsieħba Mediterranji billi jibni fuq ir-rapport tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 1995 imħejji, b'mod partikolari, fuq il-bażi, tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 1995 fuq it-tisħiħ tal-politika Mediterranja ta' l-Unjoni Ewropea;

Billi hemm bżonn li jsiru sforzi biex ikun assigurat li l-Mediterran isir żona ta' stabbilità u sigurtà politika u billi l-politika Komunitarja dwar il-Mediterran għandu jkollha sehem biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u l-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinanza, waqt li tiġi rispettata l-liġi internazzjonali u l-fruntieri barranin ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-Mediterran, li m'humiex membri;

Billi t-twaqqif aħħari ta' żona ta' kummerċ ħieles Ewro -Mediterranja aktarx li jrawwem l-istabbilità u l-prosperità fir-reġjun tal-Mediterran;

Billi għall-imsieħba Mediterranji t-twaqqif ta' żona ta' kummerċ ħieles tista' tkun tinvolvi riformi strutturali mill-qiegħ;

Billi huwa għaldaqstant meħtieġ li jissaħħu l-isforzi li saru jew li għad iridu jsiru mill-imsieħba Mediterranji biex jirriformaw l-istrutturi ekonomiċi, soċjali u amministrattivi tagħhom;

Billi d-djalogu bejn il-kulturi u bejn is-soċjetajiet ċivili għandu jiġi żviluppat, b'mod speċjali billi jitħajjru l-attivitajiet ta' taħriġ, l-iżvilupp u l-koperazzjoni deċentralizzata;

Billi l-koperazzjoni reġjonali intensifikata u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' rabtiet ekonomiċi u kurrenti kummerċjali bejn it-territorji tal-Mediterran u l-imsieħba li jkunu jwasslu għal riforma u ristrutturar ekonomiku għandhom jiġu mħajra;

Billi l-protokolli bilaterali dwar il-koperazzjoni finanzjarja u teknika konklużi mill-Komunità ma' l-imsieħba Mediterranji pprovdew bażi inizjali siewja għall-koperazzjoni, billi issa huwa meħtieġ li wieħed jibni fuq l-esperjenza li nkisbet u li jidħol għal stadju ġdid ta' relazzjonijiet, fil-qafas tas-sħubija.

Billi r-regoli għall-amministrazzjoni ta' sħubija bħal din għandhom jitfasslu, waqt li tiġi assigurata t-trasparenza u l-konsistenza sħiħa ta' l-azzjoni li tittieħed billi jintużaw approprjazzjonijiet mill-estimi;

Billi għal dan il-għan dan ir-Regolanment se jkun japplika għas-sensiela ta' miżuri li kienu jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1762/92 tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar l-implimentazzjoni tal-protokolli dwar il-koperazzjoni finanzjarja u teknika li ġew konklużi mill-Komunità mal-pajjiżi Mediterranji li m'humiex membri [3] u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1763/92 tad-29 ta' Ġunju 1992 rigward il-koperazzjoni finanzjarja tal-pajjiżi kollha Mediterranji ma dawk li m'humiex membri [4] favur miżuri li l-ambitu tagħhom imur lil hinn mill-kapaċitajiet ta' pajjiż wieħed waħdu.

Billi, għaldaqstasnt, dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolamenti hawn fuq imsemmija mill-1 ta' Jannar 1997, mentri hemm il-bżonn, madankollu, li jinżamm fis-seħħ ir-Regolament (KEE) Nru 1762//92 dwar l-immaniġġar tal-protokolli finanzjarji li jkunu għadhom applikabbli f'dik id-data u għad-dedikazzjoni ta' fondi li jkunu baqgħu mill-protokolli finanzjarji li jkunu skadew;

Billi l-ammont ta' referenza finanzjarja, fis-sens tal-punt 2 tad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 1995 hi inkluż f'dan ir-Regolament għall-perjodu 1995 sal-1999, bla ma b'daqshekk taffettwa l-poteri ta' l-awtorità ta' l-estimi kif inhuma definiti mit-Trattat;

Billi. għar-rigward tal-proġetti ambjentali s-self maħruġ mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Bank", mir-riżorsi tiegħu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnu stess, b'konformità ma' l-Istatut tiegħu, jista' jirċievi sussidju fir-rata ta' l-interessi;

Billi fl-operazzjonijiet ta' self li jkunu jinvolvu sussidji fir-rata ta' l-interesssi, il-ħruġ tas-self mill-Bank mir-riżorsi tiegħu u l-għoti ta' sussidju fir-rata ta' l-interessi finanzjat mir-riżorsi ta' l-estimi ta' l-Komunità għandhom ikunu marbuta flimkien u huma kondizzjonati minn xulxin; billi l-Bank jista', b'konformità ma' l-Istatut tiegħu u b'mod partikolari b'deċiżjoni unanima tal-Bord tad-Diretturi tiegħu fil-preżenza ta' opinjoni sfavorevoli mill-Kummissjoni, jiddeċiedi li joħroġ self mir-riżorsi tiegħu, bil-kondizzjoni li jingħata s-sussidju fir-rata ta' l-interessi; billi, minħabba dan l-aspettt, huwa meħtieġ li jassigura li l-proċedura adottata għall-għoti ta' sussidji fir-rata ta' l-interessi tirriżulta f'kull każ f'deċiżjoni espliċita, dwar jekk għandux jingħata jew għandux ikun miċħud is-sussidju, skond kif ikun il-każ;

Billi huwa meħtieġ li jsiru disposizzjonijiet għal Kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri biex jgħinu lill-Bank fil-ħidma mogħtija lilu biex jimplimenta dan ir-Regolament;

Billi biex jassigura mmaniġġar effettiv tal-miżuri provduti f'dan ir-Regolament u biex jiġu faċilitati r-relazzjonijiet mal-pajjiżi benefiċjarji jeħtieġ li dan isir fuq medda ta' bosta snin;

Billi l-miżuri skond dan ir-Regolament imorru lil hinn mill-istruttura ta' l-għajnuna għall-iżvilupp u huma maħsuba biex japplikaw biss għall-pajjiżi li huma parzjalment klassifikabbli bħala pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi, għalhekk, dan ir-Regolament ma jistax ikun adottat minbarra ħlief fuq il-bażi tal-poteri provduti fl-Artikolu 235 tat-Trattat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Il-Komunità sa timplimenta miżuri fl-istruttura tal-prinċipji u l-prijoritajiet tas-sħubija Ewro-Mediterranja biex tappoġġa l-isforzi li l-pajjiżi u territorji Mediterranji li m'humiex membri elenkati fl-Anness I (minn issa ‘l quddiem imsejjħa "imsieħba Mediterranji") jagħmlu biex jirriformaw l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom u biex ittaffu xi konsegwenzi soċjali u ambjentali li jistgħu jirriżultaw mill-iżvilupp ekonomiku.

2. Il-benefiċjarji tal-miżuri ta' appoġġ jistgħu jinkludu mhux biss Stati u reġjuni iżda wkoll awtoritajiet lokali, organizzazzjonijiet reġjonali, aġenziji pubbliċi, komunitajiet lokali jew tradizzjonali, organizzazzjonijiet li jappoġġaw il-kummerċ, operaturi privati, koperattivi, soċjetajiet għall-għajnuna ta' xulxin, assoċjazzjonijiet, fundazzjonijiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

3. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimetazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu mill-1995 sa l-1999 sa jkun ta' 424,5 miljun ECU.

L-approprijazzjonijiet annwali sa jkunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 2

1. L-għan ta' dan ir-Regolament ikun dak li jikkontribwixxi, permezzz tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, favur inizjattivi ta' interess komuni fit-tliet setturi tas-sħubija Ewro-Mediterranja: it-tisħiħ ta' l-istabbilità politika u d-demokrazija, il-ħolqien ta' żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles, u l-iżvilupp tal-koperazzjoni ekonomika u soċjali, b'konsiderazzjoni xierqa għad-dimensjoni umana u kulturali.

2. Il-miżuri ta' appoġġ għandhom jitwettqu waqt li jitqiesu l-għanijiet li jintlaħqu l-istabbilità u l-prosperità fit-tul, b'mod partikolari fl-oqsma tat-transizzjoni ekonomika, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u l-koperazzjoni kemm dik reġjonali kif ukoll minn pajjiż għall-ieħor. L-għanijiet u d-dettalji tal-proċeduri rilevanti għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u l-osservanza tal-liġi kif ukoll lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, li jikkostitwixxu element essenzali minnhom, u li meta dan l-element jitkasbar jiġġustifika li jittieħdu l-miżuri xierqa

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha, bi qbil ma' l-Istati Membri u fuq il-bażi ta' skambju reċiproku u regolari ta' l-informazzjoni, inkluż l-iskambju ta' l-informazzjoni mil-lokal, speċjalment għar-rigward ta' programmi u proġetti indikattivi, tassigura li jkun hemm kordinazzjoni effettiva ta' l-isforzi għall-għajnuna li jsiru mill-Komunità u mill-Istati Membri individwali, biex tiżdied il-koerenza u l-komplimetarjetà fil-programmi tagħhom ta' koperazzjoni. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-kordinazzjoni u l-koperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, mal-programmi ta' koperazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u ma' donaturi oħra.

2. Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati mill-Komunità jew indipendentement jew fil-forma ta' ko-finanzjament ma' l-imsieħba Mediterranji nfushom jew ma' korpi pubbliċi jew privati ta' l-Istati Membri u tal-Bank, fuq naħa minnhom, jew ma korpi multilaterali jew pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

1. Il-miżuri li għandhom jiġu finanzjati skond dan ir-Regolament għandhom jintgħażlu billi jitqiesu, fost ħwejjeġ oħra, il-prijoritajiet tal-benefiċjarji, il-ħtiġijiet li qed jinbtu, kemm dawn ikunu kapaċi jassorbu u l-progress milħuq fir-riforma strutturali.

L-għażla għandha tkun ibbażata fuq il-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' dawk il-miżuri biex jilħqu l-għanijiet li lejhom huwa indirizzat l-appoġġ Komunitarju, konformi, fejn japplika, mad-disposizzjonijiet ta' l-assoċjazzjoni jew il-Ftehim ta' Koperazzjoni.

2. Programmi indikattivi li jkopru perjodi ta' tliet snin għandhom jiġu stabbiliti, b'kollegament mal-Bank, fuq livell nazzjonali u reġjonali. Għandhom iqisu l-prijoritajiet li jkunu ġew identifikati ma' l-imsieħba Mediterranji, inklużi l-konklużjonijiet tad-djalogu ekonomiku. Dawn għandhom jiġu aġġornati ta' kull sena, kif ikun meħtieġ.

Il-programmi għandhjom jiddefinixxu l-għanijiet prinċipali ta' l-linji gwida u l-prijoritajiet settorali ta' l-appoġġ Komunitarju fiż-żoni msemmija fit-Taqsima II ta' l-Anness II, flimkien mal-fatturi għall-evalwazzjoni tal-programmi. Il-programmi għandhom jinkludu ammonti indikattivi (ġenerali u skond is-settur prijoritarju) u jelenkaw il-kriterji għall-iffinanzjar tal-programmi konċerati, waqt li jqisu l-bżonn li jingħata lok għal riserva xierqa għall-implimentazzjoni tat-titolu MEDA.

Il-programmi jistgħu jiġu emendati billi titqies l-esperjenza miksuba, il-progress milħuq mill-imsieħba Mediterranji fir-riforma strutturali, l-istabbilizzazzjoni makro-ekonomika u l-progress soċjali kif ukoll ir-riżultati tal-koperazzjoni ekonomika skond il-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni ġodda.

3. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament għandhom ikunu bbażati primarjament fuq il-programmi indikattivi.

Artikolu 6

1. Il-finanzjament Komunitarju għandu jkun ġeneralment fil-forma ta' għotjiet jew ta' kapital spekulattiv. Għar-rigward tal-miżuri ta' koperazzjoni fil-qasam ta' l-ambjent dan jista' jieħu wkoll is-sura ta' imgħax sussidjat fuq self mogħti mill-Bank mir-riżorsi tiegħu stess. Ir-rata sussidjata għandha tkun ta' 3 %.

2. L-għotjiet jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw jew jikkofinanzjaw attivitajiet, proġetti jew programmi li jikkontribwixxu biex ikunu jistgħu jseħħu l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 2. Il-limitu tal-finanzjament għal kull għotja għal attivitajiet, proġetti jew programmi sa jkun jiddependi wkoll minn kemm dawk l-għotjiet ikunu kapaċi jirrendu qligħ finanzjarju. Il-finanzjament li jkun ħareġ għad-disposizzjoni tas-settur privat għandu jkun ġeneralment skond il-kondizzjonijiet kummerċjali, biex ikun evitat, kemm jista' jkun possibli, li jitħarbtu s-swieq finanzjarji lokali.

3. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u kull ftehim ieħor li għandu x'jaqsam mal-finanzjament u l-kuntratti li joħorġu minnhom, fosthom, dawk dwar is-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni u l-verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri, fejn japplikaw, biex dawn isiru fuq il-post.

Is-superviżjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri fuq l-operazzjonijiet finanzjati skond dan ir-Regolament u maniġġati mill-Bank għandhom jitwettqu skond il-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni, il-Bank u l-Qorti ta' l-Awdituri.

4. Il-kapital spekulattiv għandu jintuża, l-ewwel u qabel kollox, biex jirrendu disponibbli l-fondi individwali, jew il-fondi li jkunu hekk meqjusa, għal intrapriżi (privati jew imħallta) fis-settur tal-produzzjoni, b'mod partikolari dawk li jistgħu jlaqqgħu persuni naturali jew legali li huma ċittadini ta' Stat Membru Komunitarju ma' dawk ta' pajjiżi jew territorji Mediterranji li ma jkunux membri.

Il-kapital spekulattiv provdut jew imħaddem mill-Bank jista' jieħu s-sura ta':

(a) self subordinat, li għalih jitħallsu rimborsi u interessi biss wara li jiġu ssetiljati pretensjonijiet bankarji oħra;

(b) self kondizzjonat li l-ħlas lura u d-dewmien tagħhom jiddependi mill-esekuzzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti meta jkun ingħata s-self;

(ċ) ishma temporanji minoritarji għan-nom tal-Komunità fil-kapital ta' intrapriżi stabbiliti fil-pajjiżi jew it-territorji ta' l-Istati Mediterranji li ma jkunux membri;

(d) finanzjament ta' ishma fil-forma ta' self kondizzjonat mogħti lill-imsieħba Mediterranji jew, bil-kunsens tagħhom, lil intrapriżi f'dawk il-pajjiżi Mediterranji msieħba, kemm direttament kif ukoll permezz ta' internmedjarji ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Artikolu 7

1. Miżuri skond dan ir-Regolament jistgħu jkopru l-ispiża ta' l-importazzjoni ta' oġġetti u servizzi u l-ispiża lokali meħtieġa biex jitwettqu proġetti u programmi. It-taxxi, id-dazji u l-imposti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju.

Il-kuntratti għall-implimentazzjoni ta' miżuri finanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament għandhom jirċievu, mingħand l-imsieħeb ikkonċernat, trattament fiskali u doganali xejn anqas favorevoli minn dak li jagħti lill-Istat l-aktar preferut jew lill-organizzazzjoni internazzjonali ta' l-iżvilupp l-aktar preferuta.

2. L-ispejjeż li jinqalgħu waqt il-preparazzjoni, il-bidu, l-insegwiment, il-kontroll u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' l-appoġġ jistgħu jiġu koperti wkoll.

3. Spejjeż rigward l-operat u l-manutenzjoni, b'mod partikolari dawk li sa jiġu finanzjati b'valuta estera, jistgħu jiġu koperti fl-istruttura tal-programmi tat-taħriġ, il-komunikazzjoni u r-riċerka u f'dik ta' proġetti oħra.. Bħala regola ġenerali, dawn l-ispejjeż jistgħu jiġi koperti biss fl-istadju tal-bidu u għandhom jitnaqqsu progressivament.

4. Għal proġetti ta' investiment fis-settur tal-produzzjoni, il-finanzjament Komunitarju għandu jkun miżjud mar-riżorsi ta' l-istess benefiċjarju jew mal-finanzjament skond il-kondizzjonijiet tas-suq, waqt li tittieħed konsiderazzjoni tan-natura tal-proġett. Il-kontribuzzjoni tar-riċevitur jew dik rappreżentata minn finanzjament skond il-kondizzjonijiet tas-suq għandha tilħaq il-massimu tagħha. F'kull każ il-finanzjament Komunitarju, inkluż dak li jkun jinvolvi r-riżorsi tal-Bank stess, m'għandux jiskorri t-80 % ta' l-ispejjeż totali ta' l-investiment. Dak il-massimu għandu jkun ta' natura eċċezzjonali u għandu jkun ġustifikat kif imiss min-natura ta' l-operazzjoni.

Artikolu 8

1. Sejħiet għall-offerti u għall-kuntratti għandhom ikunu miftuħa fuq kondizzjonijiet ugwali għall-persuni kollha naturali u legali fl-Istati Membi u fl-imsieħba Mediterranji.

2. Il-Kummissjoni għandha tassigura li jkun hemm:

- parteċipazzjoni wiesgħa kemm jista' jkun b'kondizzjonijiet ugwali f'listi eliminatorji u f'appalti għal provvisti, xogħlijiet u servizzi,

- it-trasparenza meħtieġa u s-serjetà fl-applikazzjoni tal-kriterji tas-selezzjoni u tal-evalwazzjoni,

- kompetizzjoni effettiva fost id-ditti, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet li jkunu interessati fl-inizjattivi finanzjati mill-programm,

- is-sottomissjoni b'urġenza, quddiem il-Kumitat tal-MED, ta' gwida proċedurali rigward l-implimentazzjoni dettaljata ta' dawn l-għanijiet, li tiġi eżaminata skond l-Artikolu 1.

3. Fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tindika s-suġġett, il-kontenut u l-valur tal-kuntratti stipulati.

- darba fis-sena, previżjoni tal-kuntratti għal servizzi u attivitajiet ta' koperazzjoni teknika li għandhom jingħataw wara s-sejħiet għall-offerti għal matul it-12-il xahar li jiġu wara l-pubblikazzjoni.

- darba kull tliet xhur, xi emendi li jkunu saru fil-previżjoni msemmija.

4. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, b'kollegament ma' l-Istati Membri, lid-ditti, lill-organizzazzjonijiet u lill-istituzzjonijiet kollha fi ħdan il-Komunità li jkunu interesssati, id-dokumentazzjoni, meta dawn jitolbuha, dwar l-aspetti ġenerali tal-programmi MEDA u dwar dak li jkun meħtieġ biex dawn jipparteċipaw fil-programmi.

5. Il-proposti għall-finanzjament għandu jkun fihom indikazzjonijiet tal-kuntratti mistennija, inklużi l-valuri stmati, il-proċedura dwar kif se jingħataw u d-dati li fihom hemm il-ħsieb li joħorġu s-sejħiet għall-offerti.

6. Il-kuntratti għandhom jingħataw lill-kumpaniji f'konformità mad-disposizzjonijiet relevanti tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

7. Ir-riżultati tas-sejħiet għall-offerti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat ta' l-Artikolu 11, kull sitt xhur, informazzjoni speċifika dettaljata dwar il-kuntratti konklużi fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti MEDA.

8. Fil-każ ta' ko-finanzjament, il-parteċipanti li jkunu minn pajjiżi li m'humiex fost l-imsieħba Mediterranji u li jkunu interessati f'sejħiet għall-offerti u l-kuntratti jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, kull każ għalih. F'dawn il-każi, il-parteċipazzjoni fl-intrapriżi minn pajjiżi terzi għandha tiġi aċċettata biss jekk ikun hemm reċiproċità.

Artikolu 9

1. Il-linji gwida għall-programmi indikattivi msemmija fl-Artikolu 5(2) għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, waqt li dan ikun jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, wara djalogu ma' l-imsieħba Mediterranji kkonċernati.

Flimkien mal-proposti, il-Kummissjoni għandha tibgħat bħala informazzjoni l-ippjanar finanzjarju globali tal-programmi waqt li tagħti indikazzjoni ta' l-ammont totali tal-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali, kif ukoll l-allokazzjoni skond il-pajjiż benefiċjarju u s-settur prijoritarju ta' l-ammont sħiħ li jiġi adottat f'dawk il-programmi.

2. Il-programmi indikattivi u l-emendi għalihom, flimkien mad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament li jkunu bbażati prinċipalment fuqhom, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 11.

3. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament li jiskorru iż-2000000 ECU barra minn dawk li huma relatati ma' sussidji tar-rati ta' l-interessi fuq self mill-Bank u ma' kapital spekulattiv għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, suġġetti għall-paragrafi minn 4 sa 6.

4. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' l-allokazzjonijiet totali għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11. Fl-ambitu ta' allokazzjoni globali, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet għal finanzjament li ma jkunx jiskorri ż-2000000 ECU. Il-Kumitat provdut fl-Artikolu 11 għandu jiġi informat b'mod regolari u bla dewmien, u f'kull każ qabel il-laqgħa li tkun tmiss, dwar id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ta' miżuri li ma jkunux sa jinvolvu aktar minn 2000000 ECU.

5. Id-deċiżjonijiet li jemendaw id-deċiżjonijiet ta' finanzjament adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fejn dawn ma jkunux sa jinvolvu emendi essenzali jew irbit addizzjonali li jiskorri t-2-% tar-rabta oriġinali. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11 immedjatament dwar deċiżjonijiet bħal dawn.

6. Il-programmi ta' skambji taħt koperazzjoni deċentralizzata għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11.

7. Id-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sussidji fuq ir-rata ta' l-interessi fuq self mill-Bank għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12. Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament li għandhom x'jaqsmu mal-kapital spekulattiv għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

Artikolu 10

1. Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament li jkunu ġew iffinanzjati mill-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu amministrati mill-Kummissjoni skond ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Fil-proposti għall-finanzjament imressqa lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11 u l-istimi msemmija fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha toqgħod għall-prinċipji ta' kontrol finanzjarju serju u, b'mod partikolari, dawk ta' l-ekonomija u ta' l-infiq li jħalli benefiċċju, kif imsemmi fir-Regolamenti Finanzjarji.

Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn Kumitat, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat MED" li jkun kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Rappreżentant mill-Bank għandu jieħu sehem fil-proċeduri, bla ma jkollu d-dritt li jivvota.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li l-President jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mistenni li jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu aġġustati skond il-metodu stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat. Iżda, jekk il-miżuri ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta' tliet xhur, il-Kunsill ikun baqa' lura milli jaġixxi, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

4. Il-Kumitat jista' jeżamina kull kwestjoni oħra relatata ma' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li tkun imqanqla mill-President tiegħu, possibbilment fuq talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru, u b'mod partikolari kull kwestjoni li tkun relatata ma' l-implimentazzjoni ġenerali msemmija fl-Artikoli 4 u 5.

5. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu b'maġġoranza kwalifikata.

6. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-Kumitat regolarment infurmat u għandha tfornih bl-informazzjoni dwar l-implimentazzzjoni tal-miżuri skond dan ir-Regolament.

7. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm regolarment infurmat dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1. Għar-rigward tal-proġetti li sa jiġu finanzjati minn self sussidjat fil-qasam ta' l-ambjent, il-Bank għandu jfassal il-proposta finanzjarja skond l-Istatut tiegħu. Il-Bank għandu jitlob li jkollu l-opinjoni tal-Kummissjoni, f'konformità ma' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tiegħu, u tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14.

2. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 għandu joħroġ b'opinjoni dwar il-proposta tal-Bank. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jwasssal għand il-Kumitat il-posizzjoni ta' l-istituzzjoni tiegħu dwar il-proġett ikkonċernat, u b'mod partikolari dwar il-konformità tiegħu ma' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament u mal-linji gwida ġenerali adottati mill-Kunsill. B'żieda ma' dan, il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14 għandu jiġi nfurmat mill-Bank dwar is-self mhux sussidjat li l-Bank ikun fi ħsiebu jagħti mir-riżorsi tiegħu stess.

3. Fuq il-bażi ta' dik il-konsultazzjoni, il-Bank għandu jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni ta' finanzjament biex tagħti s-sussidju fir-rata ta' l-interessi għall-proġett ikkonċernat.

4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat tal-MED abbozz tad-deċiżjoni li tawtorizza jew, jekk ikun il-każ, tirrifjuta l-finanzjament ta' sussidju fir-rata ta' l-interessi.

5. Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-Bank, li, fejn id-deċiżjoni tippermetti s-sussidju, hija tkun tista toħroġ is-self.

Artikolu 13

1. Il-Bank għandu jissottometti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14, għall-opinjoni tiegħu, il-proġetti li jikkonċernaw l-operazzjonijiet b'kapital spekulattiv. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jwassal għand dak il-Kumitat il-posizzjoni ta' l-istituzzjoni tiegħu dwar il-proġett ikkonċernat u b'mod partikolari dwar il-konformità tiegħu ma' l-għanijiet ta' dan ir-Regolament u mal-linji gwida ġenerali adottati mill-Kunsill.

2. Fuq il-bażi ta' dik il-konsultazzjoni, il-Bank għandu jibgħat il-proġett għand il-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tal-finanazjament fiż-żmien li jkun jgħodd għall-karatteristiċi tal-proġett.

4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 lill-Bank, li għandu jieħu l-miżuri xierqa.

Artikolu 14

1. Kumitat li jkun jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat ta' l-Artikolu 14", għandu jkun stabbilit fil-Bank. Dak il-Kumitat għandu jkun presedut mir-rappreżentant ta' l-Istat Membru li dak iż-żmien ikollu l-presidenza tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank; is-segretarjat tiegħu għandu jkun provdut mill-Bank. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jieħu sehem fil-proċeduri.

2. Ir-regoli tal-proċedura tal-Kumitat skond l-Artikolu 14 għandhom jiġu adottati unanimament mill-Kunsill.

3. Il-Kumitat għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat.

4. Fil-Kumitat ta' l-Artikolu 14, il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu aġġustati f'konformità ma' l-Artikolu 148(2) tat-Trattat.

Artikolu 15

1. Il-Kummissjoni għandha, flimkien mal-Bank, teżamina l-progress milħuq fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jittieħdu skond dan ir-Regolament u għandhonm jissottomettu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' kull sena, mhux aktar tard mit-30 ta' April. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni dwar il-miżuri finanzjati matul is-sena, b'reqqa speċjali għall-konfidenzalità, u għandu jipprovdi evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

2. Il-Kummissjoni u l-Bank għandhom jivvalutaw il-proġetti prinċipali li jkunu jikkonċernaw lil kull wieħed minnhom biex jiddeterminaw jekk l-għanijiet ikunux intlaħqu u biex jistabbilixxu linji gwida biex tiżdied l-effettività ta' l-attivitajiet fil-ġejjieni. Ir-rapport ta' evalwazzjoni, b'reqqa speċjali għall-konfidenzalità, għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew. Għar-rigward ta' l-operazzjonijiet kontrollati mill-EIB, ir-rapporti għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri.

3. Kull tliet snin il-Kummissjoni għandha, flimkien mal-Bank, tipproduċi rapport ta' evalwazzjoni totali dwar il-politika tal-koperazzjoni favur l-imsieħba Mediterranji u din għandha tissottomettih bla dewmien lill-Kumitat tal-MED.

Ta' kull sena l-Kumitat tal-MED għandu jirċievi dettalji preċiżi dwar il-komposizzjoni u l-attivitajiet tas-sistemi eżistenti.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat evalwazzjoni għal kull programm kull sentejn.

4. Għar-rigward tal-koperazzjoni deċentralizzata, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kumitat tal-MED dettalji preċiżi dwar il-komposizzjoni u l-attivitajiet tas-sistemi eżistenti kull sena u wara li jiġi evalwat kull programm kull sentejn.

5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri ta' kull sena dwar ir-riżorsi li jkunu għadhom disponibbli jew li jkunu diġa ġew allokati.

6. Il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina dan ir-Regolament qabel it-30 ta' Ġunju 1999. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill qabel il-31 ta' Diċembru 1998 rapport ta' evalwazzjoni akkumpanjat minn proposti rigward ir-Regolament fil-ġejjieni u, jekk ikunu meħtieġa, l-emendi li għandhom isirulu.

Artikolu 16

Il-proċedura definittiva għalbiex jiġu adottati l-miżuri xierqa fejn element essenzali għall-kontinwazzjoni ta' l-għajnuna għal imsieħeb Mediterrranju jkun nieqes għandha tiġi determinata qabel it-30 ta' Ġunju 1997.

Artikolu 17

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1763/92 qiegħed b'dan jiġi revokat b'effett mill-31 ta' Diċembru 1996.

2. Mill-1 ta' Jannar 1997, ir-Regolament (KEE) Nru 1762/92 għandu japplika għall-immaniġġjar tal-protokolli li jkunu għadhom fis-seħħ f'dik id-data u għar-rabta tal-fondi li jkun fadal taħt il-protokolli li jkunu skadew.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 232, tas-6.9.1995, p. 5 uĠU C 150, ta' l-24.5.1996, p. 15.

[2] ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 184 u l-Opinjoni mgħotija fl-20 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 198, tat-8.7.1996).

[3] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 1.

[4] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

TERRITORJI U PAJJIŻI MSIEĦBA LI HUMA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu ta' l-Alġerija

Ir-Repubblika ta' Ċipru

Ir-Repubblika Għarbija ta' l-Eġittu

L-Istat ta' Israel

Is-Saltna tal-Ġordan

Ir-Repubblika Lebaniża

Ir-Repubblika ta' Malta

Is-Saltna tal-Marokk

Ir-Repubblika Għarbija Sirjana

Ir-Repubblika tat-Tunisija

Ir-Repubblika tat-Turkija

It-Territorji Okkupati ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent

--------------------------------------------------

ANNESS II

GĦANIJIET U REGOLI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ARTIKOLU 2

I. (a) L-appoġġ favur it-transizzjoni ekonomika u t-twaqqif ta' żona Ewro-Mediterranja ta' kummerċ ħieles għandha tinkludi b'mod partikolari:

- il-ħolqien ta' l-impjiegi u l-iżvilupp tas-settur privat, inkluż it-titjib fl-ambjent kummerċjali u l-appoġġ għall-SME's,

- il-promozzjoni ta' l-investiment, il-koperazzjoni industrijali u l-kummerċ fost il-Komunità Ewropea u l-imsieħba Mediterranji, kif ukoll fost l-imsieħba Mediterranji nfushom,

- it-titjib fl-infrastruttura ekonomika, li possibilment għandu jkun jinkludi s-sistemi finanzjarji u dawk ta' tassazzjoni.

(b) Operazzjonijiet b'appoġġ favur programmi ta' aġġustament strutturali, implimentati fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji:

- il-programmi ta' appoġġ għandhom ikunu mfassla biex jikkoreġu l-bilanċ finanzjarju maġġuri u joħolqu ambjent ekonomiku li jkun favorevoli għal tkabbir aċċelerat, waqt li fl-istess ħin itejjeb il-prosperità tal-popolazzjoni,

- il-programm ta' appoġġ għandu jiġi adattat għas-sitwazzjoni partikolari ta' kull pajjiż u għandu jikkonsidra l-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali,

- il-programm ta' appoġġ għandu jistabbilixxi miżuri li jkunu intiżi, b'mod partikolari, biex itaffu l-effetti negattivi li l-proċess ta' aġġustament strutturali jista' jkollu fuq il-kondizzjonijiet soċjali u fuq l-impjiegi, speċjalment it-taqsimiet anqas privileġġati tal-popolazzjoni,

- il-programmi ta' appoġġ għandhom ikunu orjentati lejn il-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles mal-Komunità Ewropea,

- l-isburżar ta' flus bil-ħeffa għandu jkun wieħed mill-fatturi prinċipali tal-programmi ta' appoġġ.

Biex ikunu eliġibbli, il-pajjiżi għandhom jissodisfaw dawn il-kriterji li ġejjin:

- il-pajjż ikkonċernat għandu jidħol għal programm ta' riforma approvat mill-istituzzjonijiet ta' Breton Woods jew għandu jimplimenta programmi rikonoxxuti bħala analogi, b'kordinazzjoni ma' dawk l-istituzzjonijiet, iżda mhux bilfors finanzjati minnhom, skond il-firxa makro-ekonomika u l-effettività tar-riformi,

- għandha titqies is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, u b'mod partikolari l-livell ta' kemm dan għandu dejn u kemm għandu piż ta' imgħax xi jħallas fuq id-dejn, l-istat tal-bilanċ tal-pagamenti u d-disponibbilità tal-valuta, is-sitwazzjoni ta' l-estimi, is-sitwazzjoni monetarja, il-livell ta' PGN ras għal ras u l-livell ta' disimpjiegi.

II. L-appoġġ biex jintlaħaq bilanċ soċjo-ekonomiku aħjar għandu jinkludi b'mod partikolari:

- il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' l-iżvilupp,

- it-titjib fis-servizzi soċjali, speċjalment fis-setturi tas-saħħa, l-ippjanar tal-familja, il-provvista ta' l-ilma, is-sanità u d-djar,

- il-ġlieda kontra l-faqar,

- l-iżvilupp rurali armonjuż u integrat u t-titjib tal-kondizzjonijiet urbani ta' l-għajxien,

- il-koperazzjoni aktar sħiħa fis-sajd u fl-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi marini,

- il-koperazzjoni ambjentali aktar sħiħa,

- it-titjib ta' l-infrastruttura ekonomika, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport, l-enerġija, l-iżvilupp rurali, it-teknoloġija ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni,

- l-iżvilupp integrat tar-riżorsi umani biex dawn jikkumplimentaw il-programmi ta' l-Istati Membri, b'mod speċjali għar-rigward tat-taħriġ vokazzjonli sostnut fil-kuntest tal-koperazzjoni industrijali, u t-titjib tal-potenzal għar-riċerka xjentifika u teknoloġika,

- it-tisħiħ tad-demokrazija u tad-drittijiet umani,

- il-koperazzjoni kulturali u l-iskambji taż-żgħażagħ,

- permezz tal-miżuri hawn fuq imsemmija, il-koperazzjoni u l-għajnuna teknika biex tonqos l-immigrazzjoni llegali, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità internazzjonali.

III. Il-koperazzjoni reġjonali u minn pajiż għall-ieħor għandha tiġi appoġġata permezz ta':

(a) it-twaqqif u l-iżvilupp ta' strutturi għall-koperazzjoni reġjonali bejn l-imsieħba Mediteranji;

(b) - it-twaqqif ta' l-infrastruttura meħtieġa għall-kummerċ reġjonali, inklużi t-trasport, il-komunikazzjoni u l-enerġija,

- it-titjib fl-istrutturi regolatorji u l-proġetti infrastrutturali iżgħar fil-kuntest ta' faċilitajiet li jaqsmu l-fruntieri,

- il-koperazzjoni fuq il-livell tar-reġjuni ġeografiċi kbar kif ukoll miżuri komplimentari għal dawk li diġa ttieħdu f'dan il-qasam fi ħdan il-Komunità, inkluż l-appoġġ tal-konnessjoni bejn is-sistemi tat-trasport u l-enerġija ta' l-imsieħba Mediterranji u s-sistemi trans-Ewropej;

(ċ) attivitajiet oħra reġjonali, inkluż id-djalogu Ewro-Għarbi;

(d) l-iskambji bejn is-soċjetà ċivili ta' l-Unjoni u l-imsieħba Mediterranji, f'dan il-kuntest, il-koperazzjoni deċentralizzata:

- għandu jkollha bħala għan li tidentifika l-benefiċjarji mhux governattivi ta' l-għajnuna Komunitarja,

- għandha tikkonċentra b'mod partikolari fuq il-ħolqien ta' sistemi li jgħaqqdu flimkien l-universitajiet u r-riċerkaturi, il-komunitajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-medja, in-negozju privat u l-istituzzjonijiet kulturali fis-sens l-aktar wiesa', u l-korpi l-oħra elenkati fil-lista IV.

Il-programmi għandhom jikkonċentraw fuq it-tħajjir ta' bdil ta' l-informazzjoni bejn is-sistemi u fuq ir-rabtiet fit-tul bejn dawk li jkunu msieħba fis-sistemi.

IV. L-iggvernar tajjeb għandu jiġi nkoraġġit billi jingħata l-appoġġ lill-istituzzjonijiet u lill-protagonisti li jkunu l-pern fis-soċjetà ċivili bħal ma huma l-awtoritajiet lokali, il-gruppi rurali u parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet ta' għajnuna lil xulxin, it-trade unions, il-medja u l-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw il-kummerċ u billi tingħata l-għajnuna biex tittejjeb il-ħila ta' l-amministrazzjoni pubblika biex tkun tista' tiżviluppa tattiċi politiċi u timmaniġġa l-implimentazzjoni tagħhom.

V. Il-miżuri li jittieħdu skond dan ir-Regolament għandhom iqisu l-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fil-ħajja ekonomika u soċjali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-edukazzjoni u l-ħolqien ta' l-impjiegi għan-nisa.

Il-miżuri għandhom iqisu wkoll il-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni u l-ħolqien ta' l-impjiegi għaż-żgħażagħ biex tiġi faċilitata l-integrazzjoni soċjali tagħhom.

VI. L-attivitajiet finanzjati skond dan ir-Regolament għandhom prinċipalment jieħdu s-sura ta' għajnuna teknika, taħriġ, bini ta' istituzzjonijiet, informazzjoni, seminars, studji, proġetti għall-investiment f'intrapriżi żgħar, f'azjendi żgħar u ta' daqs medju u f'infrastrutturi u azzjonijiet immirati biex jenfasizzaw in-natura Komunitarja ta' l-għajnuna. Għandha tiġi utilizzata l-koperazzjoni deċentralizzata fejn din tidher li tista' tkun effettiva. Operazzjonijiet ta' kapital spekulattiv u sussidji fir-rata ta' l-interessi għandhom jiġu finanzjati b'kollaborazzjoni mal-Bank.

VII. Għandhom jitqiesu l-konsiderazzjonijiet ambjentali waqt it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' l attivitajiet finanzjati permezz ta' dan ir-Regolament.

--------------------------------------------------