31996R1251



Official Journal L 161 , 29/06/1996 P. 0136 - 0141


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/96

tat-28 ta' Ġunju 1996

li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fis-settur tal-laħam tat-tjur u ta' l-albumina (abjad tal-bajd)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/96 tat-18 ta' Ġunju 1996 dwar l-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet stipulati fl-Iskeda CXL magħmula wara l-konklużjoni tan-negozjati ta' l-Artikolu XXIV.6 tal-GATT [1],

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-bajd [2], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2916/95 [3], u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi, l-Komunità intrabtet, fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li tiftaħ kwoti tat-tariffi għal ċerti prodotti fis-settur tal-laħam tat-tjur; billi għandhom għalhekk isiru regoli dettaljati sabiex jiġu applikati dawn il-kwoti għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 1996 sat-30 ta' Ġunju 1997;

Billi ċerti kwoti ma nfetħux matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 1996 sat-30 ta' Ġunju 1996; billi, għalhekk, dawn għandhom jiġu miżjuda mal-kwantitajiet li hemm previsti f'dan ir-Regolament;

Billi l-amministrazzjoni ta' l-arranġamenti għandha tkun ibbażata fuq liċenzji ta' l-importazzjoni; billi, għal dak il-għan, għandhom jiġu stipulati regoli dettaljati għall-għoti ta' l-applikazzjonijiet u għall-informazzjoni li għandha tidher fuq applikazzjonijiet u l-liċenzji, minkejja l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 tas-16 ta' Novembru 1988 li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u ta' l-esportazzjoni u ċertifikati li jiffissaw bil-quddiem għall-prodotti agrikoli [4], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2137/95 [5]; billi, għandhom ukoll isiru provvedimenti għal liċenzji li jinħarġu wara perjodu ta' konsiderazzjoni, u billi fejn meħtieġ, jiġi applikat perċentwal uniku ta' aċċettazzjoni; billi huwa fl-interess ta' l-importaturi u l-esportaturi li jippermettu li tiġi rtirata applikazzjoni ta' liċenzja wara li jkun ġie ffissat il-koefiċjent ta' l-aċċettazzjoni;

Billi, sabiex jiġi żgurat dħul regolari ta' importazzjonijiet, il-kwantitajiet imsemmija fl-Anness I għandhom ikunu mifruxa fuq sena;

Billi, biex tiġi żgurata amministrazzjoni sew tas-sistema, is-sigurtà għall-liċenzji ta' l-importazzjoni skond is-sistema għandha tiġi ffissata għal ECU 20 għal kull 100 kg (piż tal-prodott); billi sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta' spekulazzjoni inerenti fis-sistema fis-settur tal-laħam tat-tjur, għandhom jiġu stipulati kondizzjonijiet preċiżi li jirregolaw d-dħul mill-kummerċjanti fis-sistema msemmija;

Billi lill-operaturi għandha tinġibdilhom l-attenzjoni għall-fatt illi l-liċenzji jistgħu jintużaw biss għal prodotti li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet veterinarji kollha fis-seħħ fil-Komunità;

Billi l-miżuri li hemm provvediment għalihom f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għal-Laħam tat-Tjur u għall-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 1996 sat-30 ta' Ġunju 1997, il-kwoti tat-tariffi ta' l-importazzjoni elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament qed jiġu miftuħa għall-gruppi ta' prodotti u bil-kondizzjonijiet indikati fih.

L-Artikolu 2

Il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu sottodiviżi kif ġej:

- 25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru,

- 25 % minn Ottubru sal-31 ta' Diċembru,

- 25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu,

- 25 % mill-perjodu ta' l-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju.

Minkejja dan, għall-grupp P3 għandha tkun disponibbli kwantità addizzjonali ta' 60 tunnellata metrika mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru.

L-Artikolu 3

L-importazzjonijiet kollha fil-Komunita skond il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu bla ħsara għall-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' l-importazzjoni.

L-Artikolu 4

Il-liċenzji ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) L-applikanti għal-liċenzji ta' l-importazzjoni għandhom ikunu persuni naturali jew ġuridiċi li, fil-ħin meta tintbagħat l-applikazzjoni tagħhom, jistgħu jagħtu prova għas-sodisfazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li huma jkunu importaw mhux anqas minn 50 tunnellata metrika ta' prodotti li jaqgħu fl-iskop tar-Regolament (KEE) Nru 2777/75 f'kull waħda mis-sentejn kalendarji qabel is-sena li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal-liċenzja. Madankollu, l-istabbilimenti li jbiegħu bl-imnut jew ir-ristoranti li jbiegħu l-prodotti tagħhom lill-konsumaturi finali huma esklużi mill-benefiċċji ta' din is-sistema.

(b) L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ma jistgħux ikopru aktar minn wieħed mill-gruppi msemmija fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Jistgħu jinvolvu diversi prodotti koperti b'kodiċi NM u li joriġinaw f'pajjiż wieħed; f'dawn il-każi, il-kodiċi NM kollha għandhom jiġu indikati fit-taqsimiet 15 u 16.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzja għandhom ikollhom x'jaqsmu ma mhux anqas minn tunnellata metrika waħda u mhux iżjed minn 10 % tal-kwantita disponibbli għall-grupp inkwistjoni u għall-perjodi speċifikati fl-Anness 2.

(ċ) It-taqsima 8 ta' l-applikazzjonijiet għal-liċenzji u għal-liċenzji għandha turi l-pajjiż ta' l-oriġini; il-liċenzji għandu jkollhom magħhom l-obbligu li l-importazzjonijiet isiru mill-pajjiż indikat.

(d) It-taqsima 20 ta' l-applikazzjonijiet għal-liċenzja u għal-liċenzji għandha turi wieħed minn dawn li ġejjin:

- Reglamento (CE) no 1251/96

- Forordning (EF) nr. 1251/96

- Verordnung (EG) Nr. 1251/96

- Κανονισμός (ΕΚ) αριθ. 1251/96

- Regulation (EC) No 1251/96

- Règlement (CE) no 1251/96

- Regolamento (CE) n. 1251/96

- Verordening (EG) nr. 1251/96

- Regulamento (CE) no 1251/96

- Asetus (EY) N:o 1251/96

- Förordning (EG) nr 1251/96.

(e) It-taqsima 24 tal-liċenzji għandha turi wieħed minn dawn li ġejjin:

- Reglamento (CE) no 1251/96

- Forordning (EF) nr. 1251/96

- Verordnung (EG) Nr. 1251/96

- Κανονισμός (ΕΚ) αριθ. 1251/96

- Regulation (EC) No 1251/96

- Règlement (CE) no 1251/96

- Regolamento (CE) n. 1251/96

- Verordening (EG) nr. 1251/96

- Regulamento (CE) no 1251/96

- Asetus (EY) N:o 1251/96

- Förordning (EG) nr 1251/96.

L-Artikolu 5

1. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji jistgħu jiġu ppreżentati biss matul l-ewwel għaxart ijiem ta' kull perjodu kif speċifikat fl-Artikolu 2.

2. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji jintlaqgħu biss meta l-applikant jiddikjara bil-miktub li huwa ma jkunx ippreżenta u li jwiegħed li ma jippreżenta l-ebda applikazzjoni fir-rigward tal-perjodu kurrenti u li tikkonċerna prodotti fl-istess grupp fl-Istat Membru li fih tkun ġiet ppreżentata l-applikazzjoni tiegħu jew fi Stat Membru ieħor.

Meta l-applikant jibgħat aktar minn applikazzjoni waħda li tikkonċerna prodotti fl-istess grupp, l-applikazzjonijiet kollha minn dik il-persuna għandhom ikunu inammissibbli. Madankollu, applikant jista' jippreżenta aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzji ta' l-importazzjoni għal prodotti fi grupp wieħed, meta dawn il-prodotti joriġinaw f'pajjiżi diversi. Applikazzjonijiet separati għal kull pajjiż ta' oriġini għandhom jintbagħtu fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru. Għandhom jiġu kkunsidrati, f'dak li jirrigwarda il-massimu msemmi fl-Artikolu 4(b) kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli fis-sottoparagrafu ta' qabel, bħala applikazzjoni waħda.

3. Għandha tiġi ppreżentata sigurtà ta' ECU 20 kull 100 kilogramm għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-importazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fl-Artikolu 1.

4. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, fil-ħames jum tax-xogħol wara t-tmiem tal-perjodu li fih tintbagħat l-applikazzjoni, bl-applikazzjonijiet ippreżentati għal kull wieħed mill-prodotti fil-grupp inkwistjoni. Din in-notifika għandha tinkludi lista ta' applikanti u dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li tkun saret applikazzjoni għalihom fil-grupp.

In-notifiki kollha, inklużi in-notifiki "nil", għandhom isiru permezz ta' telex jew fax fil-jum tax-xogħol stabbilit, stipulat skond il-mudell fl-Anness II f'każi fejn ma ssir l-ebda applikazzjoni, u mal-mudelli fl-Annessi II u III f'każi fejn l-applikazzjonijiet ikunu saru.

5. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi malajr kemm jista' jkun safejn il-kwantitajiet jistgħu jingħataw fir-rigward ta' l-applikazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 4.

Jekk il-kwantitajiet li għalihom ikunu saru applikazzjonijiet għal liċenzji jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli, il-Kummissjoni għandha tiffissa perċentwali uniku ta' aċċettazzjoni għall-kwantitajiet li tkun saret applikazzjoni għalihom. Fejn dan il-perċentwal huwa anqas minn 5 %, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tagħtix il-kwantitajiet li tkun saret l-applikazjoni għalihom; is-sigurtajiet għandhom jiġu rilaxxati minnufih.

L-operaturi jistgħu jirtiraw l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tagħhom fi żmien għaxart ijiem utli wara l-pubblikazzjoni tal-perċentwal uniku ta' aċċettazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jekk l-applikazzjoni tal-perċentwal tirriżulta fl-iffissar ta' kwantita anqas minn 20 tunnellata metrika. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan fi żmien ħamest ijiem wara l-irtirar ta' l-applikazzjoni għal-liċenzja u għandhom jirrilaxxjaw is-sigurtà minnufih.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kwantità li jkun baqa', li għandha tiġi miżjuda mal-kwantità disponibbli fir-rigward il-perjodu wara l-perjodu ta' kwota msemmi fl-Artikolu 1.

6. Il-liċenzji għandhom jinħarġu malajr kemm jista' jkun wara li l-Kummissjoni tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha.

7. Il-liċenzji għandhom jintużaw biss għall-prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet veterinarji kollha fis-seħħ fil-Komunità.

L-Artikolu 6

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, il-liċenzji ta' l-importazzjoni għandhom ikunu validi sa 150 jum mid-data tal-ħruġ attwali.

Madankollu, il-liċenzji mhumiex validi wara t-30 ta' Ġunju 1997.

Il-liċenzji ta' l-importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu trasferibbli.

L-Artikolu 7

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KEE) Nru 3719/88.

Madankollu, minkejja l-Artikolu 8(4) ta' dak ir-Regolament, il-kwantità importata skond dan ir-Regolament ma tistax taqbeż dik murija fit-taqsimiet 17 u 18 tal-liċenzja ta' l-importazzjoni. Il-figura 0 għandha f'dan is-sens tiddaħħal fit-taqsima 19 tal-liċenzja.

L-Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-l ta' Lulju 1996.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Ġunju 1996.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 146, ta' l-20.6.1996, p. 1.

[2] ĠU L 282, ta' l-1.11.1975, p. 77.

[3] ĠU L 305, tad-19.12.1995, p. 49.

[4] ĠU L 331, tat-2.12.1988, p. 1.

[5] ĠU L 214, tat-8.9.1995, p. 21.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

(f'tunnellati) |

Grupp Nru | Il-Kodiċi NM | Dazju applikabbli (EKU/tunnellata metrika) | Kwoti tat-Tariffi mill- 1.7.1996– tat- 30.6.1997 |

P 1 | 02071110 | 131 | 1240 |

| 02071130 | 149 | |

| 02071190 | 162 | |

| 02071210 | 149 | |

| 02071290 | 162 | |

P 2 | 02071310 | 512 | 800 |

| 02071320 | 179 | |

| 02071330 | 134 | |

| 02071340 | 93 | |

| 02071350 | 301 | |

| 02071360 | 231 | |

| 02071370 | 504 | |

| 02071420 | 179 | |

| 02071430 | 134 | |

| 02071440 | 93 | |

| 02071460 | 231 | |

P 3 | 02071410 | 795 | 236 |

P 4 | 02072410 | 170 | 200 |

| 02072490 | 186 | |

| 02072510 | 170 | |

| 02072590 | 186 | |

| 02072610 | 425 | |

| 02072620 | 205 | |

| 02072630 | 134 | |

| 02072640 | 93 | |

| 02072650 | 339 | |

| 02072660 | 127 | |

| 02072670 | 230 | |

| 02072680 | 415 | |

| 02072730 | 134 | |

| 02072740 | 93 | |

| 02072750 | 339 | |

| 02072760 | 127 | |

| 02072770 | 230 | |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1251/96

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1251/96

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------