31996R0296



Official Journal L 039 , 17/02/1996 P. 0005 - 0008


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96

tas-16 ta’ Frar 1996

dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta' kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (EEC) Nru 2776/88

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxil-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1287/95 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/729/KE tal-31 ta’ Ottubru 1994 dwar id-dixxiplina fl-estimi finanzjarji [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi l-Artikolu 4 (5) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 jistipula illi l-Istati Membri jridu huma stess jimmobilizzaw il-fondi sabiex ikopru n-nefqa tat-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, minn issa ‘l quddiem imsejjħa ‘it-Taqsima Garanziji tal-FAEGG’; billi skond l-istess Regolament, il-Kummissjoni tikkonċedi biss avvanzi ta' kull xahar dwar il-prenotament tan-nefqa effettwata mill-Istati Membri;

Billi, bil-ħsieb illi tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla fl-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet rigward it-Taqsima Garanziji tal-FAEGG, kull aġenzija tal-ħlas għandha żżomm kontijiet li għandhom x'jaqsmu esklussivament man-nefqa li trid tiġi ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG;

Billi trid tiġi organizzata t-trasmissjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni ta' l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam man-nefqa li trid tiġi ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG; billi, f’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi rrikonoxxut illi l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-kwantitajiet għandha tibbenefika minn ċertu marġini ta’ impreċiżjoni li tista’ tiġi spjegata, fost ħwejjeġ oħra, mid-diffikultajiet amministrattivi marbuta ma' l-istabbiliment tagħhom; billi, dan japplika wkoll għall-estimi dwar in-nefqa li, filwaqt li jridu jkunu ta' min joqgħod fuqhom, huma min-natura tagħhom ta’ karattru approssimattiv; billi, barra minn hekk, mhux xieraq li tintalab il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-irkupri fejn din tikkostitwixxi piż amministrattiv tqil;

Billi r-regolamenti komuni tal-biedja jinkludu temmiet taż-żmien sabiex jitħallsu l-għajnuniet lill-benefiċjarji mill-Istati Membri; billi l-ħlasijiet kollha effettwati wara dawn it-temmiet taż-żmien, u li għalihom ma jkunx iġġustifikat id-dewmien fil-ħlas, iridu jitqiesu bħala mhux eliġibbli, u għalhekk ma jistgħux, fil-prinċipju jkunu bla ħsara għal avvanz fuq il-prenotament tan-nefqa; billi, madankollu, sabiex jiġi mmodullat l-impatt finanzjarju fil-proporzjon tad-dewmien miġrur fil-ħlas, it-tnaqqis fl-avvanzi għandu jkun iggradwat bħala funzjoni tad-daqs tad-dewmien irreġistrat;

Billi, fejn l-Istati Membri jonqsu milli jilħqu t-temmiet taż-żmien miftiehma għan-notifika ta' l-informazzjoni li għandha x'taqsam man-nefqa jew li jiżguraw il-konsistenza ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista', skond l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE, tiddiferixxi kif xieraq il-ħlas ta' l-avvanzi għall-prenotament;

Billi l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1883/78 tat-2 ta’ Awissu 1978 rigward ir-regoli ġenerali dwar il-finanzjament ta’ l-intervent tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1571/93 [5], li jistipula illi fejn miżura ta’ intervent tintitola x-xiri għall-ħażna u l-magazzinaġġ ta’ prodotti, l-ammont iffinanzjat irid jiġi stabbilit mill-kontijiet annwali stabbiliti mill-aġenziji ta’ l-intervent; billi r-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 3492/90 [6] jistabbilixxi r-regoli ġenerali u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dawn il-kontijiet; billi għandhom jiġu ċċarati l-proċeduri li skondhom il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri joqgħod għas-sistema ta’ l-avvanzi għall-prenotament;

Billi l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 (2) (a) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 jistipula illi n-nefqa għal Ottubru jkollha x'taqsam ma’ Ottubru jekk magħmula bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru u ma' Novembru jekk tkun magħmula mis-16 sal-31 ta’ Ottubru; billi huwa preferibbli illi tiġi evitata d-diviżjoni tal-kontijiet ipprovvduti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78, minħabba l-komplessità tagħhom; billi, kif xieraq, għandu jiġi stipulat illi n-nefqa li toħroġ mill-ħidmiet ta’ Settembru għandha tiġi ttrattata fil-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas fuq il-bażi ta’ 50 % rigward l-ewwel 15-il jum ta’ Ottubru, u l-bqija, inkluż kull aġġustamenti jew korrezzjoni, rigward l-aħħar 16-il jum ta’ Ottubru;

Billi l-Artikolu 5a tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 jawtorizza r-rimunerazzjoni tal-fondi mmobilizzati minn ċerti Stati Membri; billi għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri għad-dikjarazzjoni minn dawn l-Istati Membri ta’ l-imgħax impost mill-Komunità;

Billi l-kunċett tan-nefqa li trid tiġi ddikjarata kull xahar mill-aġenziji tal-ħlas għandu jiġi ddefinit kif approprjat;

Billi hija meħtieġa preżentazzjoni uniformi tad-dokumenti li jridu jintbagħtu mill-Istati Membri; billi bil-ħsieb tal-ħtieġa ta’ addattamenti ta' spiss ta’ dawn id-dokumenti għall-bidliet fil-ħtiġijiet tal-korp maniġerjali, il-Kummissjoni trid tkun f’posizzjoni illi tadotta u taddatta mingħajr dewmien, skond proċedura ssimplifikata, l-għamliet li jridu jintużaw;

Billi sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet f’din il-materja huwa tal-parir li jinbidel b'Regolament ġdid ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2776/88 [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEEC) Nru 775/90 [8];

Billi l-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji (FAEGG),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Wara l-approvazzjoni ta' l-avvanzi, skond l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 (2) (a) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri, ġewwa l-istruttura ta’ l-approprjazzjonijiet ta' l-estimi finanzjarji, il-fondi meħtieġa sabiex ikopru n-nefqa li trid tiġi ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG, f'kont miftuħ għal dan l-għan minn kull Stat Membru mat-Tesorier tiegħu jew ma' kull istituzzjoni finanzjarja oħra.

2. L-isem u n-numru ta’ dan il-kont għandu jiġi nnotifikat minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 2

Kull aġenzija tal-ħlas għandha żżomm il-kontijiet li jkopru biss l-użu tal-fondi magħmula disponibbli lilha għalbiex toħroġ il-flus għall-ħlas tan-nefqa riferita fl-Artikolu 1 (2) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

L-Artikolu 3

1. Mhux iktar tard mit-tieni jum tax-xogħol ta' kull ġimgħa, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-fax dwar in-nefqa totali effettwata mill-bidu tax-xahar sat-tmiem tal-ġimgħa ta’ qabel.

Għandhom jintgħamlu żewġ notifikazzjonijiet meta l-ġimgħa tgħaddi minn xahar għall-ieħor.

2. In-notifika finali ta’ kull xahar għandha tinkludi, b’żieda mad-dettalji tan-nefqa, kull tagħrif li jispjega kull differenza sostanzjali bejn l-estimi finanzjarji mfassla skond il-paragrafu 5 u n-nefqa attwalment miġrura.

3. F'kull 10 jum ta’ kull xahar, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, b'telekopja, id-dettalji dwar l-ammont totali tan-nefqa effettwat matul ix-xahar ta’ qabel.

Madankollu, il-komunikazzjoni li jkollha x'taqsam man-nefqa effettwata bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru għandha tiġi nnotifikata l-iżjed tard sal-25 jum ta’ l-istess xahar.

4. In-notifika riferita fil-paragrafu 3 għandha tinkludi t-tqassim skond il-kapitoli tan-nomenklatura ta' l-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

Madankollu, fejn il-monitorjar ta’ l-estimi finanzjarji huwa bla ħsara għal kondizzjonijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’ titlob tqassim iktar iddettaljat.

5. Fil-20 jum ta’ kull xahar, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni, elettronikament u f’żewġ kopji tal-karta, sett ta’ dokumenti li jippermettu l-prenotament għall-estimi finanzjarji Komunitarji tan-nefqa effettwata matul ix-xahar ta’ qabel.

Madankollu, is-sett tad-dokumenti li jippermetti l-prenotament tan-nefqa effettwata bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru jrid jiġi sottomess l-iżjed tard sal-10 ta’ Novembru.

6. Is-sett tad-dokumenti riferiti fil-paragrafu 5 għandu jikkonsist fi:

(a) dikjarazzjoni, stabbilita minn kull aġenzija tal-ħlas, imqassma skond in-nomenklatura ta' l-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u skond it-tip tan-nefqa, ta’:

- in-nefqa effettwata matul ix-xahar ta’ qabel,

- in-nefqa totali effettwata mill-bidu tas-sena sat-tmiem tax-xahar ta’ qabel,

- il-kwantitajiet (tunnellati metriċi, ettolitri, ettari, intestatura, eċċ.) li magħha jkollha x'taqsam in-nefqa riferita fit-tieni inċiż, fejn imsemmija fin-nomenklatura ddettaljata ta’ l-estimi finanzjarji,

- l-estimi tan-nefqa skond lista mfassla mill-Kummissjoni wara diskussjonijiet fil-Kumitat tal-FAEGG. L-estimi jistgħu jkopru, kif xieraq:

- ix-xahar korrenti u x-xahrejn li jiġu wara,

- ix-xahar korrenti, ix-xahrejn li jiġu wara u sa l-aħħar tas-sena;

(b) fejn xieraq, sommarju ta' l-informazzjoni riferita fil-(a);

(ċ) fejn xieraq, ġustifikazzjoni rigward id-differenza bejn in-nefqa effettwata matul ix-xahar ta’ qabel kif indikata fil-komunikazzjoni korrenti u kif indikata fil-komunikazzjoni riferita fil-paragrafu 3.

7. In-nefqa għal Ottubru għandu jkollha x'taqsam ma' Ottubru jekk effettwata mill-1 sal-15 ta’ Ottubru u ma' Novembru jekk effettwata mis-16 sal-31 ta’ Ottubru.

L-Artikolu 4

1. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mibgħuta skond l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjonijiet u tagħmel l-avvanzi fix-xahar dwar il-prenotament tan-nefqa, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE.

2. L-avvanzi dwar il-prenotament għandhom jiġu mnaqqsa għan-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien stabbiliti kif ġej:

(a) fejn in-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien tkun ugwali għal 4 % jew inqas tan-nefqa effettwata qabel it-temmiet taż-żmien, ma għandha ssir l-ebda riduzzjoni, irrispettivament min-numru tax-xhur tad-dewmien,

(b) ‘il fuq mill-għatba ta’ 4 %, kull nefqa iktar li ssir effettwata b’dewmien ta’ sa:

- xahar għandha tiġi mnaqqsa b’10 %,

- xahrejn għandha tiġi mnaqqsa b’25 %,

- tliet xhur għandha tiġi mnaqqsa b’45 %,

- erba' xhur għandha tiġi mnaqqsa b’70 %,

- ħames xhur jew iżjed għandha tiġi mnaqqsa b’100 %.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tapplika skala differenti taż-żmien u/jew riduzzjonijiet iktar baxxi jew xejn għal kollox, jekk jiġu ffaċċjati kondizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġjar għal ċertu miżuri, jew jekk jiddaħħlu ġustifikazzjonijiet imsejsa fis-sod mill-Istati Membri.

Ir-riduzzjonijiet riferiti f’dan l-Artikolugħandhom isiru skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE.

3. Il-kontrolli dwar il-konformità mat-temmiet taż-żmien għall-għanijiet tal-ħlas ta’ l-avvanzi dwar ir-prenotament għandhom isiru tliet darbiet f’kull sena ta’ l-estimi finanzjarji:

- fuq in-nefqa effettwata sal-31 ta’ Jannar,

- fuq in-nefqa effettwata sat-30 ta’ April,

- fuq in-nefqa effettwata sal-31 ta’ Awissu,

Kull qbiż tal-limiti tat-temmiet taż-żmien matul Settembru u Ottubrugħandu jitqies fid-deċiżjoni dwar il-clearance tal-kontijiet għajr fejn ikun innotat qabel id-deċiżjoni finali tas-sena finanzjarja li jkollha x'taqsam ma' l-avvanzi.

4. Kull riduzzjoni magħmula skond l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 94/729/KE u b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-qbiż tal-limiti tat-temmiet taż-żmien għandhom isiru mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni sossegwenti dwar il-clearance tal-kontijiet.

5. Il-Kummissjoni, wara li tkun għarrfet lill-Istati Membri interessati, tista’ tiddiferixxi l-ħlas ta’ l-avvanzi lill-Istati Membri kif ipprovvdut fl-Artikolu 5 (2) (a) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 fejn in-notifiki riferiti fl-Artikolu 3 jaslu tard jew ikollhom diskrepanzi li jagħmluha ta' ħtieġa li jsiru verifiki supplimentari.

L-Artikolu 5

1. In-nefqa riferita fl-Artikolu 4 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78 għandha tiġistabbilita skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3492/90.

Din in-nefqa, li toħroġ mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3730/87 [9], u dik riferita fl-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 [10], għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ skond metodu uniformi stabbilit mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8.

2. L-ammonti tan-nefqa riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet mill-aġenziji tal-ħlas matul ix-xahar wara dak li għalih jirreferu l-ħidmiet. Il-ħidmiet li jridu jiġu koperti fil-kontijiet adottati fl-aħħar ta’ kull xahar għandhom ikunu dawk li jiġru bejn il-bidu tas-sena finanzjarja u t-tmiem ta’ dan ix-xahar.

Madankollu, għall-ħidmiet li jkunu saru f’Settembru, 50 % tan-nefqa għandha tiddaħħal fil-kontijiet għal Ottubru, u l-bilanċ f'dawk għal Novembru.

Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jirrigwardaw il-ħidmiet għandhom ikunu marbutin mas-settijiet tad-dokumenti li jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-10 ta’ Novembru u għall-20 ta’ Diċembru.

3. Għall-ammonti tad-deprezzament ġenerali stabbiliti skond l-Artikolu 8 (5) tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78, il-paragrafu 2 ma għandux japplika, u dawn l-ammonti għandhom jiddaħħlu fil-kontijiet fid-dati stabbiliti bir-regolament li jipprovdi għalihom.

L-Artikolu 6

Dawk l-Istati Membri li għalihom tkun ġiet approvata l-imposta ta' imgħax skond l-Artikolu 5a tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 għandhom idaħħlu dan l-imgħax fil-kontijiet, skond ir-regoli ffissati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2775/88 tas-7 ta’ Settembru 1988, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat l-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 729/70 [11].

L-Artikolu 7

1. In-nefqa pretesa rigward xahar mogħti għandha tidħol fil-ħlasijiet u l-irċevuti effettwati attwalment matul dan ix-xahar. Tista’ tinkludi korrezzjonijiet għall-informazzjoni rrapportata rigward ix-xhur ta’ qabel ta’ l-istess sena.

Għal sena ‘n’, għandha titqies in-nefqa effettwata mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru tas-sena ‘n-1' sal-15 ta’ Ottubru tas-sena ‘n’.

2. Għall-għanijiet ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċifiċi tar-regoli Komunitarji, għandhom jiġu riferiti d-dati li ġejjin:

(a) għan-nefqa riferita fl-Artikolu 5 (1), id-dati li fihom l-aġenzija tal-ħlas iddaħħalhom fil-kontijiet skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b) għall-ammonti riferiti fl-Artikolu 10 (6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3813/89 [12]:

- għan-nefqa li trid tiġi pprenotata skond l-ewwel sena, id-data li fiha jkunu saru l-ħlasijiet ikkapitalizzati,

- għan-nefqa li trid tiġi pprenotata skond is-snin ta’ wara, is-sitt xahar tas-sena finanzjarja;

(ċ) għat-tipi l-oħra kollha ta’ nefqa:

- id-data li fiha l-kont ta' l-aġenzija jkun ġie ddebitat, jew,

- id-data li fiha l-aġenzija interessata tkun ħarġet u bagħtet id-dokument tal-ħlas lill-istitut finanzjarju jew lill-benefiċjarju.

3. L-ordnijiet għall-ħlas mhux eżegwiti u l-ħlasijiet li kienu ddebitati lill-kont u mbagħad reġgħu saru akkreditati għandhom jidhru fil-kontijiet bħala tnaqqis min-nefqa rigward ix-xahar li matulu n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni jew il-kanċellament jiġu rraportati lill-aġenzija tal-ħlas.

4. Fejn il-ħlasijiet dovuti skond it-Taqsima Garanziji tal-FAEGG jiġu ingombrati bi pretensjonijiet, għandhom jitqiesu li kienu ġew effettwati fl-intier tagħhom fit-tifsira tal-paragrafu 1:

- fid-data tal-ħlas tas-somma li tkun għadha dovuta lill-benefiċjarju, jekk il-pretensjoni tkun inqas min-nefqa li tkun tħallset,

- fid-data tal-ħlas tan-nefqa, jekk din ta’ l-aħħar tkun inqas minn jew ugwali għall-pretensjoni.

5. L-informazzjoni kumulattiva li għandha x'taqsam man-nefqa li tista’ tiġi riferita għal sena speċifika, li trid tiġi ssottomessa lill-Kumissjoni sal-10 ta’ Novembru, tista’ tiġi kkorreġuta biss fil-kontijiet annwali li jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 5 (1) (b) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

6. Madankollu, il-korrezzjonijiet effettwati mill-Kummissjoni għall-informazzjoni riferita fl-Artikolu 5 li tirrigwarda s-sena kollha għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat tal-FAEGG u indikata fl-anness għal deċiżjoni li għandha x'taqsam ma' l-avvanzi u għandha tiddaħħal fil-kontijiet mill-aġenziji matul ix-xahar indikat mid-deċiżjoni msemmija.

L-Artikolu 8

L-għamla tad-dokumenti riferiti fl-Artikolu 3 (6) u l-Artikolu 5 (1) għandhom jiġu stabbiliti minn deciżjoni tal-Kummissjoni meħuda wara konsultazzjoni mal-Kumitat.

L-Artikolu 9

Ir-Regolament (KEE) Nru 2776/88 huwa hawnhekk imħassar b’effett mis-16 ta’ Ottubru 1995.

L-Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-ewwel darba għan-nefqa tat-tieni nofs ta’ Ottubru 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Frar 1996.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 94, tat-28. 4. 1970, p. 13.

[2] ĠU L 125, tat-8. 6. 1995, p. 1.

[3] ĠU L 293, tat-12. 11. 1994, p. 14.

[4] ĠU L 216, tal-5. 8. 1978, p. 1.

[5] ĠU L 154, tal-25. 6. 1993, p. 46.

[6] ĠU L 337, ta' l-4. 12. 1990, p. 3.

[7] ĠU L 249, tad-9. 9. 1988, p. 9.

[8] ĠU L 83, tat-30. 3. 1990, p. 85.

[9] ĠU L 352, tal-15. 12. 1987, p. 1.

[10] ĠU L 84, tas-27. 3. 1987, p. 1.

[11] ĠU L 249, tat-8. 9. 1988, p. 8.

[12] ĠU L 371, tal-20. 12. 1989, p. 17.

--------------------------------------------------