31996R0139



Official Journal L 021 , 27/01/1996 P. 0007 - 0018


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/96

tat-22 ta' Jannar 1996

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 3285/94 u (KE) Nru 519/94 dwar id-dokument uniformi ta' sorveljanza tal-Komunità

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar ir-regoli komuni ta' l-importazzjoni u li jħassar r-Regolament (KE) Nru 518/94 [1] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 519/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni minn ċerti pajjizi terzi u li jħassar r-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, (KEE) Nru 1766/82 u (KEE) Nru 3420/83 [2] stabbilew dokument komuni ta' sorveljanza għall-użu f'każijiet ta' sorveljanza ta' qabel tal-Komunità; billi l-mudell għad-dokument ta' sorveljanza, li huwa identiku għaż-żewġ Regolamenti, jidher fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 519/94;

Billi, fl-interess ta' ġestjoni amministrattiva tajba u sabiex jiġu assistiti l-operaturi tal-Komunità, il-kontenut u l-pjan tad-dokument ta'sorveljanza hawn fuq imsemmi ghandhom ikunu, sa fejn hu possibli, bħal formoli tal-licenza għall-importazzjoni komuni kif ipprovduti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 [3], (KE) Nru 3169/94 [4] u (KE) Nru 1150/95 [5] u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 3118/94/KESC [6], waqt li jitqiesu l-karatteristiċi tekniċi tad-dokument ta' sorveljanza;

Billi, skond l-arranġamenti kurrenti applikazzjonijiet għad-dokumenti ta' sorveljanza l-applikazzjonijiet għad-dokumenti ta' sorveljanza għandhom isiru skond formola speċjali li minnha nnifisha tissoddisfa l-funzjoni ta' dokument ta' sorveljanza ladarba mimli u awtentikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; billi, sabiex jiġu ssimplifikati l-formalitajiet li l-importaturi ghandhom jimlew, m'għandux ikun aktar meħtieġ li applikazzjoni għal dokument ta' sorveljanza ssir billi tintuża formula tal-Komunità maħsuba speċjalment għal dak il-għan; billi l-informazzjoni li għandha tinghata fl-applikazzjoni għal dokument ta' sorveljanza għandha, madankollu, tiġi speċifikata;

Billi l-arranġamenti transitorji li jiskadu fil-31 ta' Diċembru 1996 għandhom ikunu għad-dokumenti ta' sorveljanza tal-Komunità li huma diġà stampati u maħruġa mill-Istati Membri sakemm dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 3285/94 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 12(1) u (2) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Prodotti li kienu taħt is-sorveljanza tal-Komunità jistgħu jitpoġġew f'ċirkolazzjoni libera biss ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dan id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istati Membri, minghajr ħlas, għal kull kwantità mitluba f'massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tirċievi applikazzjoni minn kwalunkwe importatur tal-Komunità, ikun fejn ikun il-post fil-Komunità fejn jopera n-negozju tiegħu. Din l-applikazzjoni għandha tkun meqjusa li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li ssir, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

2. Id-dokument ta' sorveljanza għandu jsir fuq formola li tkun bħall-mudell fl-Anness I.

Sakemm id-deċiżjoni li timponi s-sorveljanza ma tgħidx mod ieħor, l-applikazzjoni ta' l-importatur ghad-dokumenti ta' sorveljanza għandha jkollha li ġej biss:

(a) l-isem sħiħ u l-indirizz ta' l-applikant (inkluż numri tat-telefon u numri tal-fax u numru ieħor li jiddentifika l-applikant ma' l-awtorità kompetenti nazzjonali), flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT jekk irid iħallas il-VAT;

(b) fejn hu xieraq, l-isem sħiħ u l-indirizz ta' min jagħmel d-dikjarazzjoni jew xi rappreżentant maħtur mill-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax);

(ċ) deskrizzjoni tal-merkanzija li tagħti:

- l-isem tal-kummerċ tagħhom,

- il-kodiċi tan-nomenklatura maqgħuda tagħhom,

- il-post ta' oriġini tagħhom u l-post tal-konsenja;

(d) il-kwantità ddikjarata, f'kilogrammi u, jekk hu l-każ, kull unità addizzjonali oħra (pari, oġġetti, eċċ.);

(e) il-valur tal-merkanzija, cif fil-fruntiera tal-Komunità, f'ecus;

(f) il-prospett li jidher hawn taħt, bid-data u ffirmat mill-applikant, bl-isem ta' l-applikant imniżżel b'ittri kbar:

"Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-informazzjoni pprovduta f'din l-applikazzjoni hija veru u mogħtija in bona fide, u li jiena stabbilit fil-Komunità.""

2. Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 12:

"8. Il-formoli tad-dokument ta' sorveljanza u l-estratti tiegħu għandhom ikunu doppji, kopja mmarkata "kopja tad-Detentur" u li ġġib in-numru 1, li tinħareġ lill-applikant, u l-oħra mmarkata "Kopja għall-awtorità kompetenti" li ġġib in-numru 2, li għandha tinżamm mill-awtorità li toħroġ id-dokument. Ghal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni l-awtorità kompetenti tista' żżid kopji supplimentari għal formola 2.

9. Il-formoli ghandhom jiġu stampati fuq karta bajda ħielsa minn polpa mekkanika, li tkun intiża għal kitba u li tkun tiżen bejn 55 u 65 grammi kull metru kwadru. Il-qies tagħhom għandu jkun 210 × 297 mm; t-tip ta spazju bejn il-linji għandu jkun 4,24 mm (wieħed minn sitta ta' pulzier); dak li hu mniżżel fil-formola għandu jiġi segwit b'mod preċiż. Iż-żewġ naħat tal-kopja Nru 1, li hu d-dokument ta' sorveljanza nnifsu, għandhom ikollhom ukoll sfond ta' disinn arabesk isfar stampat sabiex jiżvela kull falsifikazzjoni b'mezzi mekkaniċi jew kimiċi.

10. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-istampar tal-formoli. Il-formoli jistgħu wkoll jiġu stampati minn stampaturi maħtura mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. F'każ ta' dan l-aħħar, għandha tidher refernza għall-ħatra mill-Istat Membru fuq kull formola. Kull formola għandu jkollha indikazzjoni ta' l-isem u l-indirizz ta' l-istampatur jew marka li tidentifika l-istampatur."

3. L-Artikolu 14(1) u (2) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Prodotti taħt sorveljanza reġjonali jistgħu jiddaħħlu f'ċirkolazzjoni libera fir-reġjun ikkonċernat biss ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dan id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i), minghajr ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tirċievi l-applikazzjoni minn kull importatur tal-Komunità, irrispettivament mill-post tal-kummerċ tieghu fil-Komunità. Din l-applikazzjoni għandha titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tiġi magħmula, sakemm ma jiġix ippruvat xort'oħra. Id-dokumenti ta' sorveljanza jistgħu jintużaw biss sakemm l-arranġamenti għall-importazzjoni jibqgħu liberalizzati fir-rigward tat-transazzjonijiet ikkonċernati.

2. L-Artikolu 12(2) għandu japplika."

4. L-Anness I huwa hawnhekk mibdul bl-Anness fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 519/94 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 10(1) u (2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Il-prodotti li kienu taħt is-sorveljanza tal-Komunità jistgħu jiddaħħlu f'ċirkolazzjoni libera biss sakemm jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dan id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istati Membri, mingħajr ebda ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi l-applikazzjoni minn kull impurtatur tal-Komunità, irrespettivament mill-post tal-kummerċ tiegħu fil-Komunità. Din l-applikazzjoni titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol minn meta tintbagħat, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

2. Id-dokument ta' sorveljanza għandu jkun magħmul fuq formola li tkun bħall-mudell fl-Anness IV.

Sakemm id-deċiżjoni li tiġi imposta sorveljanza ma tipprovdix il-kuntrarju, l-applikazzjoni ta' l-importatur għal dokument ta' sorveljanza għandu jkollu li ġej:

(a) l-isem sħiħ u l-indirizz ta' l-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax u kull numru ieħor li jidentifika l-applikant ma' l-awtorità nazzjonali kompetenti), kif ukoll n-numru ta' reġistrazzjoni tal-VAT ta' l-applikant jekk hu obbligat li jħallas il-VAT;

(b) fejn hu xieraq, l-isem sħiħ u l-indirizz ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni jew ta' xi rappreżentant maħtur mill-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax);

(ċ) deskrizzjoni tal-merkanzija li tagħti:

- l-isem tal-kummerċ tagħhom,

- il-kodiċi ta' nomenklatura maqgħuda,

- il-post ta' oriġini tagħhom u l-post tal-konsenja;

(d) il-kwantità ddikjarata, f'kilogrammi u, jekk inhu l-każ, kull unitajiet addizzjonali oħra (pari, oġġetti, eċċ.);

(e) il-valur tal-merkanzija, cif mal-fruntiera tal-Komunità, f'ecus;

(f) il-prospett ta' hawn taħt, datat u ffirmat mill-applikant, bl-isem ta' l-applikant imniżżel b'ittri kbar:

"Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-informazzjoni mogħtija f'din l-applikazzjoni hija vera u mogħtija in bona fide, u li jiena stabbilit fil-Komunità,""

2. Il-paragrafi li ġejjien għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 10:

"8. Il-formoli tad-dokument ta' sorveljanza u l-estratti tiegħu għandhom jimtlew darbtejn, kopja waħda, immarkata "Kopja ta' l-applikant" u li ġġib in-numru 1, li għandha tinħareġ lill-applikant, u l-oħra, "Kopja għall-awtorità kompetenti" u li ġġib n-numru 2, trid tinżamm mill-awtorità li toħroġ id-dokument. Għall-għanijiet amministrattivi, l-awtorità kompetenti tista' żżid kopji supplimentari mal-formula 2.

9. Il-formoli għandhom jkunu stampati fuq karta bajda li m'għandhiex ikollha polpa mekkanika, u li tkun intiża għal kitba u li tkun tiżen bejn 55 u 65 grammi kull metru kwadru. Il-qies tagħhom għandu jkun 210 × 297 mm; it-tip ta' spazju bejn il-linji għandu jkun 4,24 mm (wieħed minn sitta ta' pulzier); dak li hu mniżżel fil-formoli għandu jiġi segwit b'mod preċiż. Iż-żewġ naħat tal-kopja Nru 1, li hu d-dokument ta'sorveljanza nnifsu, għandhom ikollhom ukoll sfond ta' disinn arabesk isfar stampat sabiex jirrivela kull falsifikazzjoni b' mezzi mekkaniċi jew kimiċi.

10. L-Istati Membri huma responsabbli għall-istampar tal-formoli. Il-formoli jistgħu wkoll jiġu stampati minn stampaturi maħtura mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. F'dan l-aħħar każ, għandha tidher referenza għall-ħatra mill-Istat Membru fuq kull formola. Kull formola għandu jkollha indikazzjoni ta' l-isem u l-indirizz ta' l-istampatur jew marka li tidentifika l-istampatur.'"

3. L-Artikolu 13(1) u (2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. Prodotti taħt sorveljanza reġjonali jistgħu jitpoġġew biss f'ċirkolazzjoni libera fir-reġjun ikkonċernat ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dan id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat(i) Membru(i) konċernat (i), mingħajr ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi applikazzjoni minn xi impurtatur tal-Komunità, irrispettivament mill-post tal-kummerċ fil-Komunità. Din l-applikazzjoni għandha titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li ssir, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju. Id-dokumenti ta' sorveljanza jistgħu jintużaw biss sakemm l-arranġamenti għall-importazzjoni jibqgħu liberalizzati fil-każ tat-transazzjonijiet konċernati.

2. L-Artikolu 10(2) għandu japplika.'"

4. L-Anness IV huwa mibdul bl-Anness li jinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tieghu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika b'effett mill-1 ta' Jannar 1996. Iżda, l-Istati Membri jistgħu, sat-30 ta' Ġunju 1996, jagħmlu d-dokumenti ta' sorveljanza fuq il-formoli fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 3285/94 u l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 519/94. Id-dokumenti ta' sorveljanza li inħarġu qabel dik id-data jistgħu jintużaw sakemm tiskadi d-data tagħhom u l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 1996.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-l-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Jannar 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Lucchetti

[1] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 53.

[2] ĠU L 67, ta' l-10.3.1994, p. 89.

[3] ĠU L 335, tat-23.12.1994, p. 23. Regolament kif emendat b' Regolament (KE) Nru 1627/95 (ĠU L 155, tas-6.7.1995, p. 8).

[4] ĠU L 335, tat-23.12.1994, p. 33.

[5] ĠU L 116, tat-23.5.1995, p. 3.

[6] ĠU L 330, tal-21.12.1994, p. 6. Rakkomandazzjoni kif emendata l-aħħar bir-Rakkomandazzjoni Nru 393/95/ECSC (ĠU No L 43, tal-25.2.1995, p. 23).

--------------------------------------------------

ANNESS I

"

ANNESS I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------

ANNESS II

"

ANNESS IV

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

"

--------------------------------------------------