31996L0070



Official Journal L 299 , 23/11/1996 P. 0026 - 0028


Id-Direttiva 96/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-28 ta’ Ottubru 1996

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jagixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

(1) Billi d-Direttiva 80/777/KEE [4] armonizzat il-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-isfruttar u l-bejgħ ta’ l-ilmijiet minerali naturali;

(2) Billi l-iskopijiet primarji ta’ kull regola fuq ilmijiet minerali naturali għandhom ikunu biex jipproteġu s-saħħa tal-konsumaturi, biex iżommu l-konsumaturi milli jkunu mqarrqa u jassiguraw kummerċ ġust;

(3) Billi hu mixtieq li tiġi emendata d-Direttiva 80/777/KEE biex tieħu kont tal-progress tekniku u xjentifiku mill-1980; billi hu mixtieq ukoll li jkunu razzjonalizzati d-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva skond id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi ta’ l-ikel tal-Komunità;

(4) Billi hu neċessarju li jkun estiż il-perjodu ta’ rikonoxximent ta’ l-ilmijet minerali naturali li joriġinaw minn pajjiżi terzi biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi;

(5) Billi hu neċessarju li jkunu kjarifikati ċ-ċirkustanzi li taħthom l-użu ta’ arja arrikkita bl-ożonu jista’ jkun permess biex jissepara elementi li m’humiex stabbli minn ilmijiet minerali naturali taħt kondizzjonijiet li għandhom jassiguraw li l-kompożizzjoni ta’ l-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali tiegħu m’hix affettwata;

(6) Billi l-inklużjoni tad-dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika ta’ l-ilma minerali naturali għandha tkun magħmula bilfors biex tassigura li l-konsumatur hu informat;

(7) Billi hu xieraq li jkunu provduti ċerti dispożizzjonijiet fuq l-ilma tan-nixxiegħa;

(8) Billi hu ta’ min, biex tkun assigurata l-operazzjoni bla xkiel tas-suq intern għall-ilmijiet minerali naturali, li tkun introdotta proċedura biex tippermetti azzjoni koordinata bejn l-Istati Membri f’sitwazzjonijiet urġenti li jistgħu jippreżentaw riskju lis-saħħa pubblika;

(9) Billi proċedura biex tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw l-ilmijiet minerali naturali, senjatament fir-rigward tal-limiti għal-livelli f’ċerti kostitwenti ta’ ilmijiet minerali naturali, għandhom ikunu stabbiliti; billi għandhom ikunu adottati wkoll dispożizzjonijiet għall-indikazzjoni, fuq l-ittikkettjar, ta’ livelli għoljin ta’ ċerti kostitwenti; billi għandhom ikunu determinati metodi ta’ analiżi, inklużi il-limiti ta’ skoperta, biex tkun verifikata l-assenza tat-tniġġis ta’ ilmijiet naturali minerali, u proċeduri għal kampjun u metodi ta’ analiżi għal iċċċekkjar ta’ karatteristiċi mikrobijoloġiċi ta’ ilmijiet naturali minerali;

(10) Billi kwalunkwe deċiżjoni fuq ilmijiet minerali naturali li x’aktarx tħalli effett fuq is-saħħa pubblika għandha tkun adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 80/777/KEE hi hawnhekk emendata kif ġej:

1. It-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 1(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Il-validità taċ-ċertifikazzjoni msemmija fit-tieni sub-paragrafu ma tistax teċċedi perjodu ta’ ħames snin. Ma għandux ikun neċessarju li tittenna l-proċedura tar-rikonoxximent msemmija fl-ewwel sub-paragrafu jekk iċ-ċertifikazzjoni tiġġedded qabel l-aħħar ta’ l-imsemmi perjodu."

2. L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 4

1. Ilma minerali naturali, fl-istat tiegħu fis-sors, ma jistax ikun is-suġġett ta’ xi trattament ħlief għas-:

(a) separazzjoni ta’ l-elementi tiegħu li m’humiex stabbli, bħal komposti tal-ħadid u tal-kubrit, b’filtrazzjoni jew dekantazzjoni, possibbilment preċeduta b’ossiġinazzjoni, sakemm dan it-trattament ma jbiddilx il-kompożizzjoni ta’ l-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-propjetajiet tiegħu;

(b) separazzjoni ta’ komposti ta’ ħadid, magneżju u tal-kubrit u arseniku minn ċerti ilmijiet minerali naturali bi trattament ta’ arja arrikkita bl-ożonu sakemm dan it-trattament ma jibdilx l-kompożizzjoni ta’ l-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-propjetajiet tiegħu, u sakemm;

- it-trattament jikkonforma il-kondizzjonijiet għall-użu biex ikun stabbilit b’mod konformi mal-proċedura fl-Artikolu 12 u wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/273//KE [5],

- it-trattament hu notifikat lil, u speċifikament kontrollat minn, l-awtoritajiet kompetenti;

(c) is-separazzjoni ta’ kostitwenti li m’humiex mixtieqa ħlief għal dawk speċifikati f’(a) jew (b), sakemm dan it-trattament ma jbiddilx il-kompożizzjoni ta’ l-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-propjetajiet tiegħu, u sakemm:

- it-trattament jikkonforma l-kondizzjonijiet għall-użu li għandhom ikun stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 u wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel,

- it-trattament hu notifikat lil, u speċifikament kontrollat minn, l-awtoritajiet kompetenti;

(d) l-eliminazzjoni totali jew parzjali ta’ dijossidju tal-karbonju ħieles b’metodi esklussivament fiżiċi.

2. Ilma minerali naturali, fil-istat tiegħu fis-sors, ma jistax ikun suġġett għal xi żieda għajr l-introduzzjoni jew ir-ri-introduzzjoni tad-diossidu tal-karbonju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima III.

3. B’mod partikolari, kull trattament ta’ disinfettar b’kull mezz u, bla ħsara għal paragrafu 2, iż-żieda ta’ elementi batterjostatiċi jew kull trattament ieħor li x’aktarx ibiddel l-għadd ta’ kolonja vijabbli ta’ l-ilma minerali naturali għandu jkun ipprojbit.

4. Il-paragrafu 1 m’għandux jikkostitwixxi impediment għall-utilizzazzjoni ta’ l-ilmijiet minerali naturali u ilmijiet tan-nixxiegħa fil-fabbrikazzjoni tas-soft drinks."

3. L-Artikolu 7(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

"2. It-tikketti fuq ilmijiet minerali naturali għandhom jagħtu wkoll l-informazzjoni mandatorja li ġejja:

(a) dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika, li tagħti l-kositwenti karatteristiċi tagħha;

(b) il-post fejn in-nixxiegħa hi sfruttata u l-isem tan-nixxiegħa;

(c) informazzjoni fuq kull trattament imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b) u (ċ).

2 a. Fl-assenza tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq informazzjoni fuq kull trattament msemmi fil-paragrafu 2 (ċ), Stati Membri jistgħu iżommu id-dispożizzjoni nazzjonali."

4. L-Artikolu 7(3) għandu jitħassar.

5. Il-paragrafi li jmiss għandhom jiżdiedu ma’ l-Artikolu 9:

"4a. It-terminu ‘ilma tan-nixxiegħa’ li għandu jkun riservat għal ilma li hu maħsub għall-konsum tal-bniedem fl-istat naturali tiegħu, u bbottiljat fis-sors, li:

- jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ l-isfruttar stabbiliti fl-Annessi II, il-paragrafi 2 u 3, li għandu jkun kompletament applikabbli għall-ilmijiet tan-nixxiegħa,

- jissodisfa l-ħtiġiet mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Artikolu 5,

- jissodisfa l-ħtiġiet tat-tikkettjar ta’ l-Artikolu 7(2)(b) u (ċ) u l-Artikolu 8,

- ma sarlux xi trattament ħlief għal dak imsemmi fl-Artikolu 4. Trattamenti oħrajn jistgħu ikunu notifikati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

Barra minn dan, ilmijiet tan-nixxiegħa għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju li għandha x’taqsam mal-kwalità ta’ l-ilma initiż għall-konsum tal-bniedem [6].

4 b. Fl-assenza tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq it-trattament ta’ l-ilmijiet tan-nixxiegħa msemmija fir-raba’ daħla ta’ l-Artikolu 9(4a) Stati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq it-trattamenti."

6. L-Artikolu 10(2) għandu jitħassar.

7. L-Artikolu li jmiss għandu jiddaħħal:

"L-Artikolu 10a

1. Fejn Stat Membru għandu raġunijiet dettaljati biex jikkonsidra li l-ilma minerali naturali ma jħarix id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, jew jipperikola s-saħħa pubblika, għalkemm jiċċirkula ħieles fi Stat Membru wieħed jew iżjed, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jirrestrinġi jew jissospendi l-kummerċ f’dak il-prodott fit-territorju tiegħu. Hu għandu immedjatment jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn b’dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Fuq talba ta’ kull Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Istat Membru li rrikonoxxa l-ilma għandu jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna r-rikonoxximent ta’ l-ilma, flimkien mar-riżultati tal-verifiki regolari.

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ir-raġunijet imqajma mill-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 1 fil-Kumitat Permanenti għall-Ikel, u għandu mbagħad jagħti l-opinjoni tiegħu mill-ewwel u jieħu l-miżuri xierqa.

4. Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li l-emendi lil din id-Direttiva huma neċessarji biex tassigura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, hi għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, bil-ħsieb li tadotta dawk l-emendi. L-Istat Membru li adotta miżuri ta’ salvagwardji jista’, f’dik l-eventwalità, iżommhom sa kemm l-emendi jkunu adottati."

8. L-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 11

1. Id-deċiżjoni għandha tittieħed b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12:

- il-limiti għal-livelli tal-kostitwenti ta’ l-ilma minerali naturali,

- kull dispożizzjoni għall-indikazzjoni fuq l-ittikkettjar ta’ livelli għoljin ta’ ċerti kostitwenti,

- il-kondizzjonijet għall-użu ta’ arja arrikkita bl-ożonu msemmija fl-Artikolu 4(1)(b).

- l-informazzjoni fuq trattamenti msemmija fl-Artikolu 7(2)(ċ).

2. Dan li ġej jista’ jkun adottat b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

- metodi ta’ analiżi, inklużi l-limiti ta’ skoperta, biex jiddeterminaw l-assenza ta’ tniġġis ta’ l-ilmijiet minerali naturali,

- il-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjun u l-metodi ta’ analiżi neċessarji għall-iċċekkjar tal-karatteristiċi mikrobijoloġiċi ta’ l-ilmijiet minerali naturali."

9. L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

"L-Artikolu 11a

Kull deċiżjoni li x’aktarx tħalli effett fuq is-saħħa pubblika għandha tkun adottata mill-Kummisjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel."

L-Artikolu 2

Stati Membri għandhom, fejn neċessarju, jemendaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom biex:

- kummerċ fi prodotti li huma konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Ottubru 1997,

- kummerċ fi prodotti li m’humiex konformi ma’ din id-Diretiva b’effett mit-28 ta’ Ottubru 1998, Madanakollu, kummerċ fi prodotti mqiegħda fis-suq jew ittikkettati qabel dik id-data u li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jistgħu ikomplu sa kemm il-ħażniet jispiċċaw.

Huma għandhom mill-ewwel jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 1996.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 314, tal-11.11.1994, p. 4, u ĠU C 33, tas-6.2.1996, p. 15

[2] ĠU C 110, tat-2.5.1995, p. 55.

[3] L-Opinjoni mill-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Ottubru 1995 (ĠU C 287, tat-30.10.1995, p. 101), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 59, tat-28.2.1996, p. 44), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 1996 (ĠU C 166, ta’ l-10.6.1996, p.61. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1996.

[4] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

[5] ĠU L 167, tat-18.7.1995, p. 22.

[6] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p.11. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

--------------------------------------------------