31996L0056



Official Journal L 236 , 18/09/1996 P. 0035 - 0035


Id-Direttiva 96/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-3 ta’ Settembru 1996

li temenda d-Direttiva 67/548/KEE rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

Billi t-taqsira ‘KEE’ tidher f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’sustanzi perikolużi [4];

Billi l-Artikolu Ġ tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea biddel il-kliem ‘Komunità Ekonomika Ewropea’ bil-kliem ‘Komunità Ewropea’; billi t-taqsira ‘KEE’ għandha għalhekk tinbidel bit-taqsira ‘KE’ fid-dispożizzjonijiet fuq imsemmija;

Billi, iżda, operaturi ekonomiċi s-soltu jkollhom ħażniet kbar ta’ tikketti; billi ċerti sostanzi perikolużi provduti b’mod validu b’tikketti bit-taqsira ‘KEE’ jistgħu jinħażnu f’siti ta’ produzzjoni għal perjodu relattivament twil qabel ma jitqiegħdu fis-suq; billi din il-bidla fit-taqsira tista’ toħloq spejjeż żejda għal dawk l-operaturi; billi għandu jkun iffissat perjodu raġonevoli li matulu jistgħu xorta jitqiegħdu fis-suq sostanzi perikolużi li t-tikketti tagħhom ikollhom ‘numru KEE’ u l-kliem ‘tikketta KEE’;

Billi d-Direttiva 67/548/KEE għandha tkun emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 67/548/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

(a) fl-Artikolu 21(2), il-kliem ‘Numru KEE’ huwa b’dan mibdul bil-kliem ‘numru KE’;

(b) fl-Artikolu 23(2)(f), il-kliem ‘numru KEE’ huwa b’dan mibdul bil-kliem ‘numru KE’ u l-kliem ‘tikketta KEE’ bil-kliem ‘tikketta KE’.

Iżda, l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ sostanzi li t-tikketti tagħhom ikollhom ‘numru KEE’ u l-kliem ‘tikketta KEE’ sal-31 ta’ Diċembru 2000.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 1998. Ghandhom jgharrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta dawn il-miżuri jkunu adottati mill-Istati Membri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza ghandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Settembru 1996.

Għal Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Ghall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 73, tat-13.3.1996, p. 20.

[2] Opinjoni mogħtija fit-28 ta’ Frar 1996 (ĠU C 153, tat-28.5.1996, p. 1).

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fit-13 ta’ Frar 1996 (ĠU C 65, ta’ l-4.3.1992, p. 26). Pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta’ l-4 t’ Marzu 1996 (ĠU C 134, tas-6.5.1996, p. 9) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 1996 (ĠU C 166, ta’ l-10.6.1996, p. 60).

[4] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/69/KE (ĠU L 381, tal-31.12.1994, p. 1) u bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

--------------------------------------------------