31996L0046



Official Journal L 214 , 23/08/1996 P. 0018 - 0024


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/46/KE

tas-16 ta’ Lulju 1996

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/12/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

Billi, l-Annessi II u III mad-Direttiva 91/414/KEE iddikjaraw il-ħtiġiet tad-dossier li jrid jiġi ssottomess mill-applikanti rispettivament sabiex tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I u sabiex jiġi awtorizzat prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

Billi huwa meħtieġ illi jiġi indikat, fl-Annessi II u III, lill-applikanti, preċiżament kemm jista’ jkun, kull dettal dwar it-tagħrif meħtieġ, bħalma huma ċ-ċirkostanzi, il-kondizzjonijiet u l-protokolli tekniċi li taħthom trid tiġi ġġenerata ċerta informazzjoni; billi dawn id-disposizzijonijiet għandhom jiġu introdotti hekk kif ikunu disponibbli sabiex jippermettu lill-applikanti li jużawhom fit-tħejjija tal-fajls tagħhom;

Billi huwa issa possibbli illi jiġu introdotti iktar dettalji dwar il-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni li tirrigwarda l-metodi analitiċi għas-sustanza attiva kif ipprovdut fit-Taqsima 4 tal-Parti A ta’ l-Anness II;

Billi huwa issa possibbli wkoll illi jiġu introdotti iktar dettalji dwar il-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni li tirrigwarda l-metodi analitiċi għall-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif ipprovdut fit-Taqsima 5 tal-Parti A ta’ l-Anness II;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/414/KE hija emendata kif ġej:

1. fil-Parti A ta’ l-Anness II it-Taqsima intestata "4. Il-Metodi Analitiċi" tiġi mibdula bl-Anness I ma’ hawn;

2. fil-Parti A ta’ l-Anness III it-Taqsima intestata "5. Il-Metodi Analitiċi" tiġi mibdula bl-Anness I ma’ hawn.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-30 ta’ April 1997. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1996.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Lulju 1996.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

[2] ĠU L 65, tal-15.3.1996, p. 20.

--------------------------------------------------

ANNESS I

"4. IL-METODI ANALITIĊI

Daħla

Id-disposizzjonijiet ta’ din it-taqsima jkopru biss il-metodi analitiċi meħtieġa għall-kontroll ta’ wara r-reġistrazzjoni u għall-għanijiet tal-monitorjar.

Għall-metodi analitiċi użati għall-ġenerazzjoni ta’ l-informazzjoni meħtieġa f’din id-Direttiva jew għal għanijiet oħra l-applikant irid jipprovdi ġustifikazzjoni għall-metodu użat; fejn meħtieġ trid tiġi żviluppata gwida sseparata għal dawn il-metodi fuq il-bażi ta’ l-istess ħtiġiet kif iddefiniti għall-metodi tal-kontroll ta’ wara r-reġistrazzjoni u għall-għanijiet tal-monitorjar.

Iridu jiġu pprovduti deskrizzjonijiet tal-metodi u jridu jinkludu d-dettalji tat-tagħmir, tal-materjali u tal-kondizzjonijiet użati.

Safejn u sakemm huwa prattikabbli dawn il-metodi jridu jużaw l-avviċinment l-iktar sempliċi, jinvolvu nefqa minima, u jeħtieġu t-tagħmir li huwa komunement disponibbli.

Għal din it-Taqsima japplika dan li ġej:

Impuritajiet | Kull komponent għajr is-sustanza attiva pura li tkun preżenti fis-sustanzaattiva kif iffabbrikata (inklużi l-iżomeri mhux attivi) li toriġina fil-proċesstal-fabbrikazzjoni jew mid-degradazzjoni matul il-ħażna, |

Impuritajiet rilevanti | L-impuritajiet ta' interess tossikoloġiku u/jew ekotossikoloġiku jew ambjentali |

Impuritajiet sinifikanti | L-impuritajiet b'kontenut ta' 1 g/kg fis-sustanza attiva kififfabbrikata |

Metaboliti | Il-metaboliti jinkludu l-prodotti li joħorġu mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tas-sustanza attiva, |

Metaboliti rilevanti | Il-metaboliti ta' interess tossoloġiku u/jew ekotossoloġiku jew ambjentali |

Fuq talba jridu jiġu pprovvduti l-kampjuni li ġejjin:

(i) l-istandards analitiċi tas-sustanza attiva pura;

(ii) il-kampjuni tas-sustanza attiva kif iffabbrikata;

(iii) l-istandards analitiċi tal-metaboliti rilevanti u tal-komponenti l-oħra kollha inklużi fid-definizzjoni tal-fdal;

(iv) jekk disponibbli, il-kampjuni ta’ referenza tas-sustanzi għall-impuritaijiet rilevanti.

4.1. Il-metodi għall-analiżi tas-sustanza attiva kif iffabbrikata

Għal dan il-punt japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(i) Speċifiċità

L-ispeċifiċità hija l-kapaċità ta’ metodu li jagħmel distinzjoni bejn l-analit li jkun qiegħed jitkejjel u s-sustanzi l-oħra.

(ii) Linearità

Il-linearità hija ddefinita bħala l-kapaċità tal-metodu, f’firxa mogħtija, li jikseb korrelazzjoni lineari aċċettabbli bejn ir-riżultati u l-konċentrazzjoni ta’ l-analit fil-kampjuni.

(iii) Eżattezza

L-eżattezza ta’ metodu hija ddefinita bħala l-grad li tiegħu il-valur stabblit ta’ l-analit f’kampjun jikkorrespondi mal-valur tar-referenza aċċettat (per eżempju l-ISO 5725).

(iv) Preċiżjoni

Il-preċiżjoni hija ddefinita bħala l-qrubija tal-qbil bejn ir-riżultati ta’ testijiet indipendenti miksuba fuq kondizzjonijiet preskritti.

Tennija: Il-preċiżjoni taħt il-kondizzjonijiet tat-tennija, jiġifieri l-kondizzjonijiet fejn ir-riżultati ta’ testijiet indipendenti jinkisbu bl-istess metodu fuq materjali identiċi tat-testijiet fl-istess laboratorju mill-istess operatur li juża l-istess tagħmir f’intervalli qosra taż-żmien.

L-abbiltà tar-riproduzzjoni mhix meħtieġa għas-sustanza attiva kif iffabbrikata (għad-definizzjoni ta’ l-abbiltà tar-riproduzzjoni ara l-ISO 5725).

4.1.1. Il-metodi, li jridu jiġu deskritti fis-sħiħ, iridu jiġu pprovduti sabiex jiġu stabbiliti s-sustanzi attivi puri fis-sustanza attiva kif iffabbrikata kif speċifikata fid-dossier issottomess bħala appoġġ ta’ l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. L-applikabbiltà tal-metodi eżistenti tas-Cipac trid tiġi rrappurtata.

4.1.2. Iridu jiġu pprovduti wkoll il-metodi sabiex jiġu stabbiliti l-impuritajiet u l-addittivi (per eżempju l-istabbilizzaturi) sinifikanti u/jew rilevanti fis-sustanza attiva kif iffabbrikata.

4.1.3. L-ispeċifiċità, linearità, l-eżattezza u l-abbiltà tat-tennija

4.1.3.1. Trid tiġi murija u rrappurtata l-ispeċifiċità tal-metodi ssottomessi. B’żieda ma’ dan irid jiġi stabbilit il-kobor ta’ l-interferenza mis-sustanzi l-oħra preżenti fis-sustanza attiva kif iffabbrikata (per eżempju l-iżomeri, l-impuritajiet jew l-addittivi).

Filwaqt li l-interferenzi minħabba l-komponenti l-oħra jistgħu jiġu identifikati bħala żbalji sistematiċi fl-istima ta’ l-eżattezza tal-metodi proposti sabiex tiġi stabbilita s-sustanza attiva pura fis-sustanza attiva iffabbrikata, trid tiġi pprovduta spjega għal kull interferenza li tiġri li jikkontribwixxi għal iktar minn ± 3 % tal-kwantità totali stabbilita. Irid jiġi muri wkoll il-grad ta’ l-interferenza għall-metodi sabiex jiġu stabbiliti l-impuritajiet.

4.1.3.2. Trid tiġi stabbilita u rrappurtata l-linearità tal-metodi proposti fuq firxa approprjata. Sabiex tiġi stabbilita s-sustanza attiva pura, il-firxa tal-kalibrazzjoni trid testendi (għal mill-inqas 20 %) l-ogħla u l-inqas kontenut nominali ta’ l-analit fis-soluzzjonijiet analitiċi rilevanti. Iridu jiġu stabbiliti kalibrazzjonijiet doppji fi tliet konċentrazzjonijiet jew iktar. Alternattivament, huma aċċettabbli ħames konċentrazzjonijiet, kull waħda minnhom bħala miżura waħdiena. Ir-rapporti ssottomessi jridu jinkludu l-ekwazzjoni tal-linja tal-kalibrazzjoni u l-koeffiċjent tal-korrelazzjoni u dokumentazzjoni rappreżentattiva u ttikkettjata b’mod xieraq mill-analiżi, per eżempju l-kromatogrammi.

4.1.3.3. Tenħtieġ l-eżattezza għall-metodi sabiex tiġi stabbilita s-sustanza attiva pura u l-impuritajiet sinifikanti u/jew rilevanti fis-sustanza attiva kif iffabbrikata.

4.1.3.4. Għall-abbiltà tat-tennija sabiex tiġi stabbilita s-sustanza attiva pura fil-prinċipju jrid jintgħamel miminu ta’ ħames azzjonijiet dwar kif jiġu stabbiliti. Trid tiġi rrappurtata d-devjazzjoni standard relattiva (DSR %). Jistgħu jiġu skartati l-oġġetti li jibqgħu barra (outliers) identifikati permezz ta’ metodu xieraq (per eżempju l-eżami Dixons jew Grubbs). Fejn l-oġġetti li jibqgħu barra (outliers) jkunu ġew skartati, dan il-fatt irid jiġi indikat b’mod ċar. Trid tiġi ppruvata spjega dwar ir-raġuni rigward l-okkorrenza ta’ l-oġġetti individwali li jibqgħu barra (outliers).

4.2. Il-metodi sabiex jiġu stabbiliti l-fdalijiet

Il-metodi jridu jkunu kapaċi li jistabbilixxu s-sustanza attiva u/jew il-metaboliti rilevanti. Għal kull metodu u għal kull matriċi rappreżentattiva rilevanti, iridu jiġu stabbiliti b’mod esperimentali u rrappurtati l-ispeċifiċità, il-preċiżjoni, l-irkupru, u l-limitu dwar kif jiġu stabbiliti.

Fil-prinċipju, il-metodi proposti dwar il-fdalijiet għandhom ikunu metodi ta’ ħafna fdalijiet; irid jiġi stmat u rrappurtat metodu ta’ ħafna fdalijiet rigward kemm ikun xieraq għalbiex jistabbilixxi l-fdalijiet. Fejn il-metodi proposti tal-fdalijiet ma jkunux metodi ta’ ħafna fdalijiet, jew ma jkunux kompatibbli ma’ dawn il-metodi, irid jiġi propost metodu alternattiv. Fejn din il-ħtieġa tirriżulta f’numru eċċessiv ta’ metodi għall-komposti individwali, jista’ jkun aċċettabbli "metodu komuni tan-nofs".

Għal din it-taqsima japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(i) Speċifiċità

L-ispeċifiċità hija l-kapaċità ta’ metodu li jagħmel distinzjoni bejn l-analit li jkun qiegħed jitkejjel u s-sustanzi l-oħra.

(ii) Preċiżjoni

Il-preċiżjoni hija ddefinita bħala l-qrubija tal-qbil bejn ir-riżultati indipendenti tat-testijiet miksuba taħt kondizzjonijiet stabbiliti.

Abbiltà tat-tennija: Il-preċiżjoni f’kondizzjonijiet tat-tennija, jiġifieri l-kondizzjonijiet fejn ir-riżultati indipendenti tat-testijiet jinkiseb bl-istess metodu fuq materjali identiċi tat-test fl-istess laboratorju mill-istess operatur bl-użu ta’ l-istess tagħmir f’intervalli qosra taż-żmien.

L-abbiltà tar-riproduzzjoni: Billi d-definizzjoni ta’ l-abbiltà tar-riproduzzjoni f’pubblikazzjonijiet rilevanti (per eżempju, fl-ISO 5725) b’mod ġenerali mhux prattikabbli għall-metodi analitiċi tal-fdalijiet, l-abbiltà tar-riproduzzjoni fil-kuntest ta’ din id-Direttiva hija ddefinita bħala l-validazzjoni ta’ l-abbiltà tat-tennija ta’ l-irkupru, minn matriċijiet rappreżentattivi u f’livelli rappreżentattivi, minn mill-inqas laboratorju wieħed li jkun indipendenti minn dak li fil-bidu vvalida l-istudju (dan il-laboratorju indipendenti jista’ jkun fl-istess kumpanija) (validazzjoni ta’ laboratorju indipendenti)

(iii) Irkupru

Il-perċentwal ta’ l-ammont tas-sustanza attiva jew tal-metabolita rilevanti miżjud oriġinarjament ma’ kampjun tal-matriċi approprjata li ma jkun fih l-ebda livell ta’ l-analit li jista’ jiġi osservat.

(iv) Il-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti

Il-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti (sikwit riferit bħala l-limitu tal-kwantifikazzjoni) huwa ddefinit bħala l-konċentrazzjoni l-iktar baxxa ttestjata, li fiha normalment jinkiseb irkupru medju aċċettabbli (normalment minn 70 sa 110 % b’ devjazzjoni standard ta’ preferibbilment = 20 %; f’ċerti każi ġġustifikati, jistgħu jiġu aċċettati rati medji ta’ rkupru iktar baxxi jew iktar għolja kif ukoll devjazzjonijiet standard relattivi ogħla).

4.2.1. Il-fdalijiet fuq u/jew fil-pjanti, il-prodotti mill-pjanti, l-oġġetti ta’ l-ikel (ta’ oriġini mill-pjanti jew mill-annimali), l-għalf ta’ l-annimali

Il-metodi ssottomessi jridu jkunu xierqa sabiex jiġu stabbiliti l-komponenti kollha inklużi fid-definizzjoni tal-fdalijiet kif issottomesi skond id-disposizzjonijiet tal-punti 6.1 u 6.2 tat-taqsima 6, sabiex jgħinu lill-Istati Membri li jistabbilixxu l-konformità ma’ l-LMFijiet stabbiliti jew biex jistabbilixxu l-fdalijiet li jkunu jistgħu jiġu maqlugħa minn posthom.

L-ispeċifiċità tal-metodi trid tgħin li jiġu stabbiliti l-komponenti kollha inklużi fid-definizzjoni tal-fdalijiet, bl-użu ta’ metodu konfermatorju addizzjonali jekk ikun approprjat.

Trid tiġi stabbilita u rrappurtata l-abbiltà tat-tennija. Il-porzjonijiet analitiċi rreplikati għat-test jistgħu jiġu mħejjija minn kampjun komuni minn fuq il-post ittrattat, li jkun fih il-fdalijiet miġrura. Alternattivament, il-porzjonijiet analitiċi rreplikati għat-test jistgħu jiġu mħejjija minn kampjun komuni mhux ittrattat bl-alikwoti msaħħa fil-livell/i meħtieġ/a.

Iridu jiġu rrappurtati r-riżultati minn validazzjoni ta’ laboratorju indipendenti.

Iridu jiġu stabbiliti u rrappurtati l-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti inkluż l-irkupru individwali u medju. Iridu jiġu stabbiliti u rrappurtati d-devjazzjoni standard relattiva ġenerali, kif ukoll id-devjazzjoni standard relattiva għal kull livell ta’ tisħiħ.

4.2.2. Il-fdalijiet fil-ħamrija

Iridu jiġu ssottomessi l-metodi għall-analiżi tal-ħamrija għall-kompost ġenitur u/jew għall-metaboliti rilevanti.

L-ispeċifiċità tal-metodi trid tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kompost ġenitur u/jew il-metaboliti rilevanti, bl-użu ta’ metodu konfermatorju addizzjonali jekk ikun approprjat.

Iridu jiġu stabbiliti u rrappurtati l-abbiltà tat-tennija, l-irkurpu u l-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti inkluż l-irkupru individwali u medju. Iridu jiġu stabbiliti sperimentalment u rrappurtati d-devjazzjoni standard relattiva totali, kif ukoll id-devjazzjoni standard relattiva għal kull livell ta’ tisħiħ.

Il-limitu propost sabiex jiġu stabbiliti ma jridx jaqbeż konċentrazzjoni li tkun ta’ interess rigward l-espożizzjoni ta’ l-organiżmi mhux fil-mira jew minħabba l-effetti fototossiċi. Normalment il-limitu propost ta’ kif jiġu stabbiliti ma għandux jaqbeż iż-0,05 mg/kg.

4.2.3. Il-fdalijiet fl-ilma (inkluż l-ilma tax-xorb, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ)

Iridu jiġu ssotomessi l-metodi għall-analiżi fl-ilma għall-kompost ġenitur u/jew għall-metaboliti rilevanti.

L-ispeċifiċità tal-metodi trid tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kompost ġenitur u/jew il-metaboliti rilevanti, bl-użu ta’ metodu konfermatorju addizzjonali jekk ikun approprjat.

Iridu jiġu stabbiliti u rrappurtati l-abbiltà tat-tennija, l-irkurpu u l-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti inkluż l-irkupru individwali u medju. Iridu jiġu stabbiliti sperimentalment u rappurtati d-devjazzjoni standard relattiva ġenerali, kif ukoll id-devjazzjoni standard relattiva għal kull livell tat-tisħiħ.

Għall-ilma tax-xorb il-limitu propost kif jiġu stabbiliti ma jridx jaqbeż iż-0,1 ìg/l. Għall-ilma tal-wiċċ il-limitu propost kif jiġu stabbiliti ma jridx jaqbeż konċentrazzjoni li jkollha impatt fuq l-organiżmi mhux fil-mira meqjusa bħala inaċċettabbli skond il-ħtiġiet ta’ l-Anness VI.

4.2.4. Il-fdalijiet fl-arja

Iridu jiġu ssottomessi l-metodi ta’ l-analiżi fl-arja tas-sustanza attiva u/jew tal-metaboliti rilevanti msawra matul jew ftit wara l-applikazzjoni għajr jekk jista’ jiġi ġġustifikat illi x’aktarx ma tiġrix l-espożizzjoni ta’ l-operaturi, tal-ħaddiema jew tan-nies li jkunu qegħdin iħarsu..

L-ispeċifiċità tal-metodi trid tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kompost ġenitur u/jew il-metaboliti rilevanti, bl-użu ta’ metodu konfermatorju addizzjonali jekk ikun approprjat.

Iridu jiġu stabbiliti u rrappurtati l-abbiltà tat-tennija, l-irkurpu u l-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti inkluż l-irkupru individwali u medju. Iridu jiġu stabbiliti sperimentalment id-devjazzjoni standard relattiva ġenerali, kif ukoll id-devjazzjoni standard relattiva għal kull livell tat-tisħiħ.

Il-limitu propost kif jiġu stabbiliti jrid iqis il-valuri tal-limitu rilevanti bbażati fuq is-saħħa jew il-livelli rilevanti ta’ l-espożizzjoni.

4.2.5. Il-fdalijiet fil-fluwidi u tat-tessuti tal-ġisem

Fejn sustanza attiva tiġi kklassifikata bħala tossika jew tossika ħafna jridu jiġu ssottomessi l-metodi analitiċi approprjati.

L-ispeċifiċità tal-metodi trid tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kompost ġenitur u/jew il-metaboliti rilevanti, bl-użu ta’ metodu konfermatorju addizzjonali jekk ikun appoprjat.

Iridu jiġu stabbiliti l-abbiltà tat-tennija, l-irkurpu u l-limitu ta’ kif jiġu stabbiliti inkluż l-irkupru individwali u medju. Iridu jiġu stabbiliti sperimentalment u rrappurtati d-devjazzjoni standard relattiva ġenerali, kif ukoll id-devjazzjoni standard relattiva għal kull livell ta’ tisħiħ."

--------------------------------------------------

ANNESS II

"5. IL-METODI ANALITIĊI

Daħla

Id-disposizzjonijiet ta’ din it-taqsima jkopru biss il-metodi analitiċi meħtieġa għall-kontroll ta’ wara r-reġistrazzjoni u għall-għanijiet tal-monitorjar.

Għall-metodi analitiċi użati għall-ġenerazzjoni tat-tagħrif kif meħtieġ f’din id-Direttiva jew għal għanijiet oħra l-applikant irid jipprovdi ġustifikazzjoni għall-metodu użat; fejn meħtieġ trid tiġi żviluppata gwida sseparata għal dawn il-metodi fuq il-bażi ta’ l-istess ħtiġiet kif iddefiniti għall-metodi għall-kontroll ta’ wara r-reġistrazzjoni u għall-għanijiet tal-monitorjar.

Iridu jiġu pprovduti d-deskrizzjonijiet tal-metodi u jridu jinkludu d-dettalji tat-tagħmir, tal-materjali u tal-kondizzjonijiet użati.

Safejn huwa prattikabbli dawn il-metodi jridu jużaw l-avviċinament l-iktar sempliċi, jinvolvu nefqa minima, u jeħtieġu tagħmir disponibbli komunement.

Għal din it-taqsima japplika dan li ġej:

Impuritajiet | Kull komponent għajr is-sustanza attiva pura li tkun preżenti fis-sustanza attiva kif iffabbrikata (li tinkludu l-isomeri mhux attivi) li toriġina mill-proċess tal-fabbrikazzjoni jew mid-degradazzjoni matul il-ħażna |

Impuritajiet rilevanti | L-impuritajiet ta' tħassib tossoloġiku u/jew ekotossoloġiku jew ambjentali |

Metaboliti | Il-metaboliti jinkludu l-prodotti li joħorġu mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tas-sustanza attiva, |

Metaboliti rilevanti | Il-metaboliti ta' tħassib tossoloġiku u/jew ekotossoloġiku jew ambjentali |

Fuq talba, iridu jiġu pprovduti l-kampjuni li ġejjin:

(i) il-kampjuni tat-tħejjija;

(ii) l-istandards analitiċi tas-sustanza attiva pura;

(iii) il-kampjuni tas-sustanza attiva kif iffabbrikata;

(iv) l-istandards analitiċi tal-metaboliti rilevanti u l-komponenti l-oħra kollha inklużi fid-definizzjoni tal-fdal;

(v) jekk disponibbli, il-kampjuni tas-sustanzi tar-referenza għall-impuritaijiet rilevanti.

Għad-definizzjonijiet ara l-punti 4.1. u 4.2 tat-Taqsima 4 ta’ l-Anness II

5.1. Il-metodi għall-analiżi tat-tħejjija

5.1.1. Iridu jiġu pprovduti l-metodi, li jridu jiġu deskritti fis-sħiħ, sabiex jiġu stabbiliti s-sustanzi attivi fit-tħejjija. Fil-każ ta’ tħejjija li jkun fiha iktar minn sustanza attiva waħda għandu jiġi pprovdut metodu kapaċi li jistabbilixxi kull waħda, fil-preżenza ta’ l-oħra. Jekk ma jiġix issottomess metodu kkombinat, iridu jiġu ddikjarati r-raġunijiet tekniċi. Trid tiġi rrapportata l-applikabbiltà tal-metodi eżistenti tas-Cipac.

5.1.2. Iridu jiġu pprovduti wkoll metodi sabiex jiġu stabbliti fit-tħejjija ta’ l-impuritajiet rilevanti, jekk il-kompożizzjoni tat-tħejjija tkunx hekk illi — fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni teoretika — dawn l-impuritajiet jistgħu jissawru fil-proċess tal-fabbrikazzjoni tagħha jew mid-degradazzjoni matul il-ħażna.

Jekk meħtieġ, iridu jiġu ssottomessi l-metodi sabiex jiġu stabbiliti l-formolanti jew il-kostitwenti tal-formolanti fit-tħejjija.

5.1.3. L-ispeċifiċità, il-linearità, l-eżattezza u l-abbiltà tat-tennija

5.1.3.1. Trid tiġi murija u rrappurtata l-ispeċifiċità tal-metodi ssottomessi. B’żieda ma’ dan, irid jiġi stabbilit il-kobor ta’ l-interferenza minn sustanzi oħra preżenti fil-tħejjija.

Filwaqt li l-interferenzi minħabba l-komponenti l-oħra jistgħu jiġu identifikati bħala żbalji sistematiċi fl-istima ta’ l-eżattezza tal-metodi proposti, trid tiġi pprovduta spjega għal kull interferenza li tiġri li tikkontribwixxi iżjed minn ± 3 % tal-kwantità totali stabbilita.

5.1.3.2. Trid tiġi stabbilita u rrappurtata l-linearità tal-metodi proposti fuq firxa approprjata. Il-firxa tal-kalibrazzjoni trid testendi (għal mill-inqas 20 %) l-ogħla u l-inqas kontenut nominali ta’ l-analit fis-soluzzjonijiet analitiċi rilevanti tat-tħejjija. Iridu jsiru deċiżjonijiet dwar il-kalibrazzjonijiet idduplikati fi tliet konċentrazzjonijiet jew iktar. Alternattivament, huma aċċettabbli ħames konċentrazzjonijiet, kull waħda bħala miżura waħdiena. Ir-rapporti ssottomessi jridu jinkludu l-ekwazzjoni tal-linja tal-kalibrazzjoni u l-koeffiċjent tal-korrelazzjoni u dokumentazzjoni rappreżentattiva u ttikkettjata kif xieraq mill-analiżi, p.e. il-kromatogrammi.

5.1.3.3. L-eżattezza trid normalment tkun meħtieġa biss għall-metodi sabiex jiġu stabbiliti s-sustanza attiva pura u l-impuritajiet rilevanti fit-tħejjija.

5.1.3.4. Għall-abbiltà tat-tennija jrid fil-prinċipju jsir miminu ta’ ħames deċiżjonijiet. Trid tiġi rrappurtata d-devjazzjoni standard rilevanti (id-DSR %). L-oġġetti li jibqgħu barra (outliers) identifikati permezz tal-metodu approprjat (per eżempju t-test Dixons jew Grubbs), jistgħu jiġu skartati. Fejn l-oġġetti li jitħallew barra jiġu skartati, dan il-fatt irid jiġi indikat b’mod ċar. Trid tiġi ppruvata spjega rigward ir-raġuni ta’ l-okkorrenza ta’ l-oġġetti individwali li jibqgħu barra.

5.2. Il-metodi analitiċi sabiex jiġu stabbiliti l-fdalijiet

Iridu jiġu ssottomessi l-metodi analtiċi sabiex jiġu stabbiliti l-fdalijiet għajr jekk jiġi ġġustifikat illi jistgħu jiġu applikati l-metodi diġà ssottomessi skond il-ħtiġiet tal-punt 4.2 tat-Taqsima 4 ta’ l-Anness II.

Japplikaw l-istess disposizzjonijiet ipprovduti fil-punt 4.2. tat-Taqsima 4 ta’ l-Anness II."

--------------------------------------------------