31996L0042



Official Journal L 170 , 09/07/1996 P. 0034 - 0034


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/42/KE

tal-25 ta' Ġunju 1996

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Artikolu 12(3)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE [3] jistabbilixxi li r-regoli li jikkonċernaw it-tassazzjoni fuq prodotti agrikoli għajr dawk li jaqgħu taħt il-kategorija 1 fl-Anness H għandhom ikunu deċizi b'mod unanimu mill-Kunsill qabel il-31 ta' Diċembru 1994 fuq proposta mill-Kummissjoni; billi, sa dik id-data, dawk l-Istati Membri li kienu diġà japplikaw rata mnaqqsa jistgħu jibqgħu jagħmlu hekk filwaqt li dawk li japplikaw rata ta' livell stabbilit ma jistgħux japplikaw rata mnaqqsa; billi dik tagħti lok għal posponiment ta' sentejn fl-applikazzjoni tar-rata ta' livel stabbilit;

Billi l-esperjenza wriet li l-iżbilanċ strutturali fir-rati tal-VAT applikabbli mill-Istati Membri għall-prodotti agrikoli fis-setturi tal-florikultura u l-ortikultura wasslet għal rapporti ta' każijiet ta' attivitajiet frodulenti; billi dak l-iżbilanċ strutturali huwa riżultat dirett ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 12(3)(d) u għandu jiġi mrażżan kif xieraq;

Billi l-aktar soluzzjoni xierqa tkun li tiġi estiza lill-Istati Membri kollha, fuq bażi transizzjonali, l-għażla li japplikaw rata mnaqqsa lill-fornimenti ta' prodotti agrikoli fis-setturi tal-florikultura u l-ortikultura u ta' l-injam użat bħala ħatab,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 12(3)(d) għandu jiġi mħassar;

2. dan li ġej għandu jidħol fl-Artikolu 28(2):

"(i) L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa għall-fornimenti ta' pjanti ħajjin (inklużi basal, għeruq u oħrajn simili, fjuri maqtugħa u weraq tat-tiżjin) u injam użat bħala ħatab.'"

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi domestika li jadottaw fis-settur kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 1995.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Pinto

[1] ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 26.

[2] ĠU C 236, tal-11.9.1995, p. 10.

[3] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 95/7/KE (ĠU L 102, tal-5.5.1995, p. 18).

--------------------------------------------------