Official Journal L 055 , 06/03/1996 P. 0022 - 0026
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas-26 ta’ Frar 1996 dwar ikel maħsub sabiex jintuża f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar oġġetti ta’ l-ikel maħsubin għal użu nutrittiv partikolari [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, Billi l-miżuri tal-Komunità li għalihom hemm provdut b’din id-Direttiva ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li diġà hemm provdut għalihom bid-Direttiva 89/398/KEE; Billi l-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma varji u huma ġeneralment magħżulin bħala dawk maħsubin biex jissostitwixxu d-dieta kollha ta’ kuljum u dawk maħsubin biex jissostitwixxu parti mid-dieta ta’ kuljum; Billi l-kompożizzjoni ta’ tali prodotti għandha tkun tali li tissodisfa l-ħtiġiet nutrittivi ta’ kuljum għal nutrijenti essenzjali, per eżempju biex tipprovdi parti sinifikanti minn dawk il-ħtiġiet, kif jista’ jkun il-każ, tal-persuni li għalihom huma maħsubin; Billi dan l-aħħar ġew żviluppati numru ta’ prodotti biex jintużaw bħala sostituti għal snacks u biex jissuplixxu ċerti kwantitajiet ta’ makronutrijenti u mikronutrijenti essenzjali magħżula; billi l-kompożizzjoni essenzjali ta’ dawk il-prodotti għandha tiġi adottata f’data iktar tard; Billi, barra minn hekk, l-enerġija pprovduta bil-prodotti koperti minn din id-Direttiva għandha tiġi ristretta; Billi l-kontenut ta’ l-enerġija ta’ xi prodotti maħsubin sabiex jissostitwixxu d-dieta kollha ta’ kuljum huwa baxx ħafna; billi regoli speċifiċi għal dawn il-prodotti ta’ enerġija baxxa ħafna għandhom jiġu adottati f’data aktar tard; Billi din id-Direttiva tirrifletti għarfien kurrenti dwar dawn il-prodotti; billi kwalunkwe modifika biex tippermetti għal innovazzjoni bbażata fuq il-progress xjentifiku u tekniku għandha tiġi deċiża bil-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/398/KEE; Billi bi qbil ma’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/398/KEE, id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sustanzi b’għanijiet nutrittivi speċifiċi biex jintużaw fil-manifattura tal-prodotti għandhom jiġu stabbiliti f’Direttiva separata tal-Kummissjoni; Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu ta’addittivi fil-manifattura tal-prodotti għandhom jiġu stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill rilevanti; Billi bi qbil ma’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/398/KEE, il-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma soġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta’ l-affarijiet ta’ l-ikel [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/102/KE [3]; billi, fejn huwa xieraq, din id-Direttiva tadotta u tespandi fuq iż-żjidiet u l-eċċezzjonijiet ta’ dawk ir-regoli ġenerali; Billi, b’mod partikolari, in-natura u d-destinazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Direttiva jeħtieġu ttikkettjar nutrittiv għall-valur ta’ l-enerġija u n-nutrijenti ewlenin li jkun fihom; Billi l-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel kien, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE, ġie kkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-saħħa pubblika; Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva hija "Direttiva speċifika" fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398/KEE u tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ kompożizzjoni u ttikkettjar għal ikel għal użu nutrittivi partikolari maħsub għal użu f’dieti ta’enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż u ppreżentat bħala tali. 2. Ikel għal użu f’dieti ta’ enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż huwa ikel fformulat speċjali li, meta jintuża kif avżat mill-fabbrikant, jissostitwixxi għal kollox jew parzjalment id-dieta kollha ta’ kuljum. Dan huwa maqsum f’żewġ kategoriji: (a) prodotti ppreżentati bħala sostituti għad-dieta kollha ta’ kuljum; (b) prodotti ppreżentati bħala sostituti għal waħda jew iktar minn l-ikliet tad-dieta ta’ kuljum; L-Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità biss kemm-il darba jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva. L-Artikolu 3 Ikel kopert b’din id-Direttiva għandu jikkonforma mal-kriterji ta’ kompożizzjoni speċifikati fl-Anness I. L-Artikolu 4 Il-komponenti individwali kollha li jagħmlu il-prodotti li hemm riferenza għalihom fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2), kif mibjugħin, għandhom ikunu miżmumin fl-istess pakkett. L-Artikolu 5 1. L-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott għandu jkun: (a) għal prodotti koperti mill-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2), "Sostitut għad-dieta totali għall-kontroll tal-piż"; (b) għal prodotti koperti bil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), "Sostitut ta’ ikla għall-kontroll tal-piż"; 2. L-ittikkettjar tal-prodotti konċernati għandu jkollu, flimkien mad-dettalji li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, id-dettalji mandatarji li ġejjin: (a) il-valur ta’ l-enerġija disponibbli espressa f’kJ u kcal, u l-kontenut ta’ proteini, karboidrati u xaħam, espressi f’forma numerika, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott lest għall-użu kif propost għall-konsum; (b) il-kwantità medja ta’ kull mineral u kull vitamina li għalihom, il-kondizzjonijiet mandatarji huma stipulati fil-paragrafu 5 ta’ l-Anness 1, espressi f’forma numerika, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott lest għall-użu kif propost għall-konsum. Barra minn dan, għal prodotti msemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), informazzjoni dwar il-vitamini u l-minerali elenkati fit-Tabella tal-punt 5 ta’ l-Anness I għandhom ikunu espressi wkoll bħala persentaġġ tal-valuri kif definiti fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE [4]; (ċ) istruzzjonijiet għal preparazzjoni xierqa, fejn meħtieġ, u dikjarazzjoni dwar l-importanza li wieħed isegwi dawk l-istruzzjonijiet; (d) jekk prodott, meta wżat kif avżat mill-fabbrikant, jipprovdi l-ammont ta’ kuljum ta’ polyols f’eċċess ta’ 20 g kuljum, ikun hemm dikjarazzjoni b’effett li dak l-ikel jista’ jkollu effett lassattiv; (e) dikjarazzjoni dwar l-importanza li wieħed jieħu ammont ta’ fluwidu adegwat kuljum; (f) għal prodotti msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1(2): (i) dikjarazzjoni li l-prodott jipprovdi ammonti adegwati tan-nutrijenti essenzjali kollha għall-ġurnata; (ii) dikjarazzjoni li l-prodott m’għandux jintuża għal iktar minn tliet ġimgħat mingħajr parir mediku; (g) għal prodotti msemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 1(2), dikjarazzjoni b’effett li l-prodotti huma utili għall-użu maħsub biss bħala parti minn dieta ta’ enerġija ristretta u li ikel ieħor għandu jkun parti meħtieġa ta’ dieta bħal din. 3. L-ittikkettjar, l-irriklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti konċernati ma jagħmlux riferenza għar-rata jew l-ammont ta’ telf tal-piż li jista’ jirriżulta mill-użu tagħhom jew għat-tnaqqis fis-sens tal-ġuħ jew f’żjieda fis-sens ta’ xaba’. L-Artikolu 6 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Settembru 1997. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għandhom jiġu applikati b’tali mod li: - jippermettu kummerċ fi prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, sa l-1 ta’ Ottubru 1997, - jipprojbixxu kummerċ fi prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, b’effett mill-31 ta’ Marzu 1999. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, hum’għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn riferenza bħal din fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza bħal din għandha tiġi adottata mill-Istati Membri. L-Artikolu 7 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 8 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Frar 1996. Għall-Kummissjoni Martin Bangemann Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27. [2] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. [3] ĠU L 291, tad-29.11.1993, p. 14. [4] ĠU L 276, tas-6.10.1990, p. 40. -------------------------------------------------- L-ANNESS I KOMPOŻIZZJONI ESSENZJALI TA’ IKEL GĦAL DIETI TA’ ENERĠIJA RISTRETTA L-ispeċifikazzjonijiet jirreferu għall-prodotti lesti għall-użu, impoġġija fis-suq bħala tali jew kostitwiti mill-ġdid kif avżat mill-fabbrikant. 1. Enerġija 1.1. L-enerġija pprovduta minn prodott imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandhiex tkun inqas minn 3360 kJ (800 kcal) u m’għandhiex taqbeż il-5040 kJ (1200 kcal) għar-razzjon totali ta’ kuljum. 1.2. L-enerġija pprovduta minn prodott imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) m’għandhiex tkun inqas minn 840 kJ (200 kcal) u m’għandhiex taqbeż il-1680 kJ (400 kcal) għal kull ikla. 2. Proteini 2.1. Il-proteini li jinsabu fil-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) m’għandhomx jipprovdu inqas minn 25 % u mhux aktar minn 50 % ta’ l-enerġija totali tal-prodott. Fi kwalunkwe każ l-ammont ta’ proteini tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandux jaqbeż il-125 g. 2.2. Id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija dwar il-proteini jirriferu għal proteina li l-indiċi kimiku tagħha huwa daqs dak tal-proteini ta’ riferenza tal-FAO/WHO (1985) mogħti fl-Anness 2. Jekk l-indiċi kimiku huwa iktar baxx minn 100 % tal-proteina ta’ riferenza, il-livelli minimi ta’ proteina għandhom jiġu miżjuda b’mod li jikkorrispondi. Fi kwalunkwe każ l-indiċi kimiku tal-proteini għandu jkun għalinqas ugwali għal 80 % ta’ dak tal-proteini ta’ riferenza. 2.3. L-"indiċi kimiku" għandu jfisser il-proporzjon l-aktar baxxa bejn il-kwantità ta’ kull aċidu amminiku essenzjali tal-proteini tat-test u l-kwantità ta’ kull aċidu amminiku li jikkorrispondi tal-proteina ta’ riferenza. 2.4. Fil-każijiet kollha, iż-żieda ta’ aċidu amminiku hija permessa biss għall-għan ta’ titjib tal-valur nutrittiv tat-taħlita tal-proteini, u biss fil-proporzjonijiet meħtieġa għal dak il-għan. 3. Xaħam 3.1. L-enerġija miksuba mix-xaħam m’għandhiex taqbeż it-30 % ta’ l-enerġija disponibbli totali tal-prodott. 3.2. Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a), il-linoleic acid (f’forma ta’ gliċeridi) m’għandux ikunx inqas minn 4,5 g. 3.3. Għal prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(b), il-linoleic acid (f’forma ta’ gliċeridi) m’għandux ikunx inqas minn 1 g. 4. Fibra tad-dieta Il-kontenut tal-fibra tad-dieta ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) m’għandhiex tkun inqas minn 10 g u m’għandhiex tkun aktar minn 30 g għar-razzjon ta’ kuljum. 5. Vitamini u minerali 5.1. Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandhom jipprovdu għad-dieta sħiħa ta’ kuljum għalinqas: 100 % ta’ l-ammonti ta’ vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella 1. 5.2. Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) jipprovdu għalinqas 30 % ta’ l-ammonti ta’ vitamini u minerali speċifikati fit-Tabella għal kull ikla; iżda l-ammont ta’ potassju għal kull ikla pprovdut minn dawn il-prodotti għandu jkun għalinqas 500 mg. TABELLA Vitamina A | (μg RE) | 700 | Vitamina D | (μg) | 5 | Vitamina E | (mg-TE) | 10 | Vitamina Ċ | (mg) | 45 | Tijamin | (mg) | 1,1 | Riboflavin | (mg) | 1,6 | Niacin | (mg-NE) | 18 | Vitamina B6 | (mg) | 1,5 | Folat | (μg) | 200 | Vitamina B12 | (μg) | 1,4 | Biotin | (μg) | 15 | Aċidu Panoteniku | (mg) | 3 | Kalcju | (mg) | 700 | Fosfru | (mg) | 550 | Potassju | (mg) | 3100 | Ħadid | (mg) | 16 | Żingu | (mg) | 9,5 | Ram | (mg) | 1,1 | Jodju | (μg) | 130 | Silenju | (μg) | 55 | Sodju | (mg) | 575 | Manjesju | (mg) | 150 | Manganiż | (mg) | 1 | -------------------------------------------------- L-ANNESS II MUDELL TAL-KONDIZZJONI TA’ L-AĊIDU AMMINIKU [1] | g/100 g proteini | Cystine + methionine | 1,7 | Histidine | 1,6 | Isoleucine | 1,3 | Leucine | 1,9 | Lysine | 1,6 | Phenylalanine + turosine | 1,9 | Threonine | 0,9 | Tryptophan | 0,5 | Valine | 1,3 | --------------------------------------------------