31996D0198



Official Journal L 063 , 13/03/1996 P. 0010 - 0011


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta' l-4 Marzu 1996

dwar proċedura ta' allarm u emerġenza għall-qsim tal-piż fir-rigward tad-dħul u r-residenza ta' refuġjati fuq bażi temporanja (96/198/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu K.3 (2) (a) ta' l-istess,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 Settembru 1995 dwar il-qsim tal-piż fir-rigward tad-dħul u r-residenza ta' refuġjati fuq bażi temporanja [1],

Billi r-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija trid tiġi supplimentata jekk il-prinċipji stipulati fiha għandhom jiġu applikati b'mod effettiv meta jinqalgħu sitwazzjonijiet ta' kriżi li jkunu jeħtieġu azzjoni mingħajr dewmien;

Billi huwa neċessarju għal dan l-iskop li tiġi introdotta proċedura ta' allarm u emerġenza,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1. Bidu tal-proċedura

Fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, Stat Membru jew il-Kummissjoni, tista’ tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat ta' Koordinament li ssir riferenza għalih fl-Artikolu K.4, li l-membri tiegħu jingħataw parir minn dawk responsabbli fl-Istati Membri għall-kwistjonijiet ta' refuġju u emigrazzjoni, sabiex jinnotaw jekk tkunx teżisti sitwazzjoni li tkun teħtieġ azzjoni flimkien bi ftehim mill-Unjoni Ewropea għad-dħul u r-residenza ta' refuġjati fuq bażi temporanja.

Meta tkun prevista azzjoni ta' dan it-tip, il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 Settembru 1995 iridu jiġu sodisfatti.

Perjodikament u f'kull każ qabel il-laqgħa, il-Presidenza għandha, b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u bl-assistenza tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, tipprepara rapport dwar is-sitwazzjoni. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Istati Membri.

2. Aġenda għall-laqgħa

L-aġenda għall-laqgħa tista’ b'mod partikolari tkopri dan l-ġej:

- studju tas-sitwazzjoni u stima tad-daqs tal-moviment tal-popolazzjoni,

- valutazzjoni ta' l-espedjenza ta' ntervent urġenti fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea,

- studju ta' possibilitajiet oħra, inkluża azzjoni lokali,

- it-tħejjija ta' orarju u pjan progressiv għall-ħtiġiet antiċipati għad-dħul,

- indikazzjoni minn kull Stat Membru tan-numru ta' persuni li jkunu ser jiddaħħlu u meta dawn ser jiddaħħlu, skond il-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 Settembru 1995,

- koordinazzjoni ma’ l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja,

- skambju ta' informazzjoni mal-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-koordinazzjoni tal-pjan tad-dħul,

- koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

3. Deċiżjoni dwar il-qsim tal-piż

Fid-dawl ta' l-eżitu tal-proċeduri tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Koordinament fuq imsemmi, għandha tiġi ippreparata proposta sabiex tiġi sottomessa lill-Kunsill għall-approvazzjoni.

Jekk jiġi meqjus neċessarju, skond il-paragrafu 3 tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 Settembru 1995 u jekk ikun għadda xahar mingħajr ma jintlaħaq ftehim fil-Kumitat ta' Koodinament, id-dispożizzjonijiet stipulati bir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill għal każijiet urġenti jistgħu jiġu applikati.

4. Osservazzjoni mill-qrib tas-sitwazzjoni

Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti dettaljati biex jiddaħħlu refuġjati.

Waqt li tkun għaddejja l-kriżi, il-Kumitat ta' Koordinament hawn fuq imsemmi jista’ jżomm laqgħat spissi f'intervalli li għandhom jiġu deċiżi mill-Kumitat innifsu u skond il-bażi tal-paragrafu 2 ta' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Marzu 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Baratta

[1] ĠU C 262, tas-7.10.1995, p. 1.

--------------------------------------------------