31995R3067



Official Journal L 329 , 30/12/1995 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3067/95

tal-21 ta' Diċembru tal-1995

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1956/88 billi jadotta dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Iskema ta' l-Ispezzjoni Konġunta u Internazzjonali adottata mill-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1956/88 [3] li jimplimenta l-Iskema ta' l-Ispezzjoni Konġunta u Internazzjonali adottata mill-Organizzazzjoni tas-Sajd tal-Majjistral ta' l-Atlantiku (NAFO) Kummisjoni tas-Sajd fl-10 ta' Frar 1988;

Billi fl-interess li jitjieb il-kontroll u l-infurzar fiż-Żona Regolatriċi NAFO, il-Komunità Ewropea ftiehmet kemm fl-istruttura tal-Ftehim fuq Sajd mal-Kanada ta' l-20 ta' April 1995 u fil-laqgħa riċenti tal-Kummissjoni tas-Sajd fil-11 sal-15 ta' Settembru 1995 biex timmodifika l-Iskema msemmija ta' Spezzjoni Konġunta u Internazzjonali;

Billi, skond l-Artikolu XI tal-KonvenzjoniNAFO, dawn it-tibdiliet sejrin, fl-assenza ta' oġġezzjonijiet, jorbtu lill-Partijiet Kontraenti minn Novembru 1995;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 1956/88 jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1956/88 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. Dan li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 2(ii) ta' l-Anness bħala t-tieni sotto-paragrafu:

"Spezzjonijiet ta' bastimenti għandhom isiru b'mod mhux diskriminatorju. In-numru ta' spezzjonijiet għandu jiġi bbażat fuq id-daqs tal-flotta, waqt li jiġu kkunsidrati r-reġistrazzjonijiet tagħhom ta' konformità. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-ispetturi tagħhom jieħdu kura speċjali biex jevitaw dannu lill-merkanzija jew lit-tagħmir spezzjonat. Indħil kemm f'attivitajiet tas-sajd u kif ukoll f'attivitajiet mhux tas-sajd għandu jiġi minimizzat. Ekwipaġġi u bastimenti li jaħdmu b'konformità mal-Miżuri ta' NAFO ta' Konservazzjoni u Infurzar m'għandhomx ikunu soġġetti għal fastidju. L-ispezzjonijiet għandhom isiru biss sabiex jiġi aċċertat li r-regoli NAFO huma rispettati."

2. Dawn li ġejjin għandhom jiġu mdaħħla bħala paragrafi ġodda 9 u 10 ta' l-Anness u l-paragrafi eżistenti 9 sa 15 għandhom jiġu rinumerati bħall-paragrafi 11 sa 17 rispettivament.

"9. Il-ksur ovvju li ġej għandu jkun soġġett għall-proċeduri mniżżla fil-paragrafu 10:

(i) rapporti mhux korretti ta' qbid;

(ii) vjolazzjonijiet tad-daqs tal-ħoloq tax-xibka;

(iii) vjolazzjonijiet tas-sistema ta' sejħa;

(iv) interferenza mas-sistema ta' segwiment tas-satellita;

(v) tfixkil lil spettur jew osservatur milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha;

(vi) sajd għal speċi li hija soġġetta għal moratorju jew li għaliha s-sajd huwa projbit.

10. Minkejja l-paragrafi 7 u 8:

(i) Jekk spettur ta' NAFO jħarrek bastiment talli għamel, sa punt serju, ksur ovvju kif elenkat fil-paragrafu 9, il-Parti Kontraenti tal-bastiment għandu jiżgura li l-bastiment interessat huwa spezzjonat fi żmien 72 siegħa minn spettur awtorizzat kif imiss minn dik il-Parti Kontraenti. Sabiex jippriserva l-provi, l-ispettur NAFO għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura sigurtà u kontinwità tal-provi, u jista' jibqa' abbord il-bastiment għall-perjodu meħtieġ, sabiex jipprovdi informazzjoni lil-ispettur, awtorizzat kif imiss, dwar il-ksur ovvju.

(ii) Meta ġustifikat, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni jew l-ispettur awtorizzat mill-imsemmija awtorità tal-bastiment interessat għandhom, meta hekk awtorizzati, jeħtieġu l-bastiment biex jipproċedi minnufih f'port fil-qrib, magħżul mill-Kaptan, li għandu jkun wieħed milli ġejjin, St. John's, Halifax, il-port fejn il-bastiment ikun stazzjonat jew port indikat mill-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni, għal spezzjoni bir-reqqa taħt l-awtorità ta' l-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni u fil-preżenza ta' spettur NAFO minn kull Parti Kontraenti oħra li tixtieq tipparteċipa. Jekk il-bastiment ma jkunx mgħajjat biex imur fil-port, il-Parti Kontraenti għandha tipprovdi ġustifikazzjoni xierqa b'manjiera f'waqtha lis-Segretarju Eżekuttiv li għandu jagħmilha disponibbli fuq talba lil kull Parti Kontraenti.

(iii) Meta spettur NAFO jħarrek bastiment talli għamel ksur ovvju kif elenkat fil-paragrafu 9, l-ispettur għandu jirrapporta dan minnufih lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni u lis-Segretarju Eżekuttiv, li wara għandu minnufih jirraporta, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Partijiet Kontraenti l-oħra b'bastiment ta' spezzjoni fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

(iv) Meta bastiment huwa meħtieġ li jipproċedi f'port għal spezzjoni bir-reqqa skond il-paragrafu (ii), spettur ta' NAFO minn Parti Kontraenti oħra jista', bla ħsara għall-kunsens tal-Parti Kontraenti tal-bastiment, jitla' fuq il-bastiment hekk kif ikun qed jipproċedi lejn port, jista' jibqa' abbord il-bastiment hekk kif jipproċedi lejn port u jista' jkun preżenti waqt l-ispezzjoni tal-bastiment fil-port.

(v) Jekk ikun skopert ksur ovvju tal-Miżuri ta' Konsevazzjoni u Infurzar, li fil-fehma tal-ispettur awtorizzat kif imiss tal-Parti Kontraenti tal-bastiment kif imsemmi fi (ii) huwa serju biżżejjed, dak l-ispettur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura sigurtà u kontinwità mal-provi, inkluż kif xieraq, is-siġġillar ta' l-istiva tal-bastiment għal spezzjoni eventwali mal-moll."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Atienza Serna

[1] ĠU Ċ 200, ta' l-4.8.1995, p. 15.

[2] L-Opinjoni mogħtija fil-15 ta' Diċembru 1995 (għad mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 175, tas-6.7.1988, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 761/94 (ĠU L 90, tas-7.4.1994, p. 7).

--------------------------------------------------