31995R2801



Official Journal L 291 , 06/12/1995 P. 0003 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2801/95

tad-29 ta' Novembru 1995

li jemenda r-Regolament Nru 79/65/KEE li jistabbilixxi network għall-ġbir ta’ l-informazzjoni dwar il-kontabilità ta' l-introjti u l-ħidma kummerċjali ta’ l-azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea

Il-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi r-Regolament tal-Kunsill Nru 79/65/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1965 li jistabbilixxi network għall-ġabra ta’ l-informazzjoni dwar il-kontabilità ta' l-introjti u l-ħidma kummerċjali ta’ l-azjendi agrikoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea [2] jistabbilixxi għal ċerti Stati Membri n-numru ta’ l-azjendi li jibagħtu ritorn fil-firxa ta' l-istħarriġ;

Billi l-firxa ta' l-istħarriġ tan-network ta’ l-informazzjoni trid tikkomprendi l-azjendi agrikoli kollha ta’ ċertu daqs ekonomiku, irrispettivament minn kull xogħol li l-operatur jista’ jidħol għalih; billi din il-firxa għandha terġa’ tiġi eżaminata perjodikament fid-dawl ta’ l-informazzjoni l-ġdida rigward l-Istħarriġ dwar l-Istruttura ta' l-Azjendi Agrikoli;

Billi l-azjendi li jibagħtu ritorn iridu jiġu magħżula skond ir-regoli stabbiliti fil-kuntest ta’ pjan immirat li jiksebkampjun rappreżentattiv tal-kontabilità tal-firxa ta' l-istħarriġ; billi n-numru ta’ l-azjendi meħtieġ sabiex jipprovdikampjun rappreżentattiv għandu jiġi eżaminat wara l-analiżi tal-firxa riċenti ta’ l-informazzjoni fl-istħarriġ;

Billi r-regoli ddettaljati sabiex tiġi applikata, b'mod partikolari l-għatba għad-daqs ekonomiku u għan-numru ta’ l-azjendi li jibagħtu ritorni għal kull diviżjoni, jiġu adottati, skond il-proċedura tal-Kumitat tal-Komunità; billi għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji tekniċi bħalma hu d-daqs approprjat tal-kampjun fir-regoli ddettaljati ta’ l-applikazzjoni; billi, sabiex jiġi żġurat avviċinament uniformi, in-numru ta’ l-azjendi li jibagħtu ritorn għandu jiġi ffissat skond din il-proċedura għall-Istati Membri kollha;

Billi, wara l-adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja fl-Unjoni Ewropea, l-Anness mar-Regolament Nru 79/65/KEEC għandu jiġi ssupplimentat bil-lista tad-diviżjonijiet għal dawn l-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

L-Artikolu 1

1. "L-Artikolu 4

1. L-istħarriġ referit fl-Artikolu 1 (2)(a) għandu jkopri l-azjendi agrikoli li għandhom daqs ekonomiku ugwali għal jew ikbar minn għatba espressa fl-unitajiet ta' daqs Ewropew (UDE), kif definita fit-tipoloġija Komunitarja.

2. Biex tikkwalifika bħala azjenda, azjenda agrikola:

(a) għandha jkollha daqs ugwali għal, jew akbar minn għatba li trid tiġi stabbilita skond il-paragrafu 1;

(b) għandha tinħadem minn bidwi li jżomm il-kontijiet jew li juri r-rieda u kapaċi jżomm il-kontijiet ta' l-azjenda agrikola u li jkun lest li jippermetti l-informazzjoni dwar il-kontabilità li tkun disponibbli għall-Kummissjoni;

(ċ) għandha tkun rappreżentattiva, flimkien ma’ l-azjendi oħra u fil-livell ta’ kull diviżjoni, tal-firxa ta' l-istħarriġ.

3. In-numru massimu ta' l-azjendi li jibagħtu ritorn għandu jkun ta' 80000 għall-Komunità.

4. Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, u b'mod partikolari l-għatba dwar id-daqs ekonomiku u n-numru ta’ l-azjendi li jibagħtu ritorn għal kull diviżjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19."

2. L-Anness mar-Regolament Nru 79/65/EEC għandu jiġi miżjud ma’ dak elenkat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament jibda japplika mis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Novembru 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Atienza Serna

[1] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Novembru 1995 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] ĠU 109, tat-23,6.1995, p. 1895/65. Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-Awstrija | tikkostitwixxi diviżjoni waħda |

Il-Finlandja | 1.Etelä Suomi2.Sisä-Suomi3.Pohjanmaa4.Pohjois-Suomi |

L-Isvezja | 1.Il-Pjanuri ta' l-Isvezja tan-Nofs in-Nhar u Ċentrali2.Iż-żoni afforestati u ż-żoni mħallta agrikoli u bil-foresti ta' l-Isvezja tan-Nofs in-Nhar u Ċentrali3.Iż-żona ta' l-Isvezja tat-Tramuntana |

--------------------------------------------------