31995R2236



Official Journal L 228 , 23/09/1995 P. 0001 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95

tat-18 ta’ Settembru 1995

li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networkstrans-Ewropej

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 129d tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li kien jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [4],

Billi taħt l-Artikolu 3(n) tat-Trattat l-attivitajiet Komunitarji għandhom jinkludu l-inkoraġġiment għall-istabbiliment u l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej;

Billi l-Artikolu 129b tat-Trattat jgħid illi biex tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmijin fl-Artikoli 7a u 130a tat-Trattat il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastrutturi tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija;

Billi l-Artikolu 129b (2) tat-Trattat huwa mmirat biex jippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-networks nazzjonali kif ukoll l-aċċess għal dawn in-networks u għandu jikkunsidra b’mod partikolari l-bżonn li jkun hemm rabta bejn il-gżejjer, ir-reġjuni magħluqa bl-art u dawk periferali mar-reġjuni ċentrali tal-Komunità;

Billi l-Artikolu 129ċ tat-Trattat jipprovdi biex il-Komunità tistabbilixxi serje ta’ linji gwida uffiċjali li jkopru l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-faxex wesgħin ta’ miżuri maħsuba fil-qasam tan-networks trans-Ewropej u li jkunu jistgħu jsostnu l-isforzi finanzjarji ta’ l-Istati Membri biex iwaqqfu n-networks trans-Ewropej;

Billi regoli ġenerali għandom jiġu stabbiliti għall-finanzjament mill-Komunità tan-networks trans-Ewropej, li b’hekk jippermettu l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu;

Billi taħt l-Artikolu 129ċ tat-Trattat Komunitarju tista’ tingħata għajnuna lil proġetti ta’ interess komuni li jiġu identifikati fl-istruttura tat-tagħrif uffiċjali;

Billi l-linji gwida msemmija fl-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat, propost mill-Kummissjoni, qed jiġu kkunsidrati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill; billi, jekk id-deċiżjonijiet li jadottaw dawn il-linji gwida ma jkunux daħlu fis-seħħ meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, għandha ssir dispożizzjoni fuq bażi transitorja għall-possibilità ta’ kontribuzzjoni Komunitarja għal-proġetti speċifiċi ta’ prijorità fil-limiti ta’ l-approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja 1995 u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1995;

Billi l-involviment ta’ finanzjament bil-kapital privat ta’ networks trans-Ewropej għandu jiżdied u s-sħubija bejn is-setturi pubbliċi u privati tiġi żviluppata;

Billi l-għajnuna Komunitarja tista’ tieħu l-forma b’mod partikolari ta’ studji dwar il-fattibilità, il-garanziji fuq self jew sussidji fuq ir-rati ta’ l-interessi; billi dawn is-sussidji u l-garanziji għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari ma’ l-appoġġ finanzjarju mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment jew minn korpi finanzjarji oħra privati jew pubbliċi; billi f’ċerti każi ġustifikati kif suppost għotjiet diretti għall-investimenti jistgħu jiġu kkunsidrati;

Billi l-garanziji ta’ self se jingħataw fuq bażi kummerċjali mill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment jew minn organizzazzjonjiet finanzjarji oħra; billi l-għajnuna finanzjarja Komunitarja tista’ tkopri l-intier jew parti mill-premiums imħallsin mill-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji;

Billi l-għajnuna Komunitarja hija l-aktar maħsuba biex tegħleb xi ostakoli finanzjarji li jistgħu jinħolqu matul il-fażi tal-bidu ta’ proġett;

Billi huwa meħtieġ li jiġi ffissat limitu għall-għajnuna Komunitarja fir-rigward ta’ l-ispiża totali ta’ l-investiment;

Billi l-għajnuna Komunitarja għandha tingħata għal proġetti abbażi ta’ kemm dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 129b tat-Trattat u għall-għanijiet u l-prijoritajiet l-oħra koperti mil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 129ċ tat-Trattat; billi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll aspetti oħra bħall-effett stimulattiv fuq il-finanzi pubbliċi u privati, l-effetti soċjo-ekonomiċi diretti u indiretti ta’ proġetti, b’mod partikolari fuql-impjiegi, u l-konsegwenzi għall-ambjent;

Billi l-Kummissjoni għandha tivvaluta bir-reqqa l-potenzjal għall-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti, bl-għajnuna ta’ analiżi ta’ spejjeż/benefiċċji u ta’kriterji approprjati oħra, kif ukoll il-profitabilità finanzjarja tagħhom;

Billi l-appoġġ finanzjarju Komunitarju taħt l-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat għandu jkun kompatibbli mal-politika Komunitarja, b’mod partikolari dwar in-networks u fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, tal-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; billi l-protezzjoni ambjentali tinkludi stima ta’ l-impatt ambjentali;

Billi huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-poteri u r-responsabbiltajiet rispettivi ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll finanzjarju;

Billi l-Kummissjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni approprjata tal-attivitajiet Komunitarja kollha, speċjalment bejn il-finanzjament taħt in-networks trans-Ewropej, u dak tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, tal-Fond Ewropew ta’ l-Investiment u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, li jeffettwaw in-networks trans-Ewropej;

Billi għandu jkun hemm dispożizzjoni għal metodi approprjati ta’ valutazzjoni, tkomplija ta’ stħarriġ u kontroll ta’ l-għajnuna Komunitarja;

Billi għandu jkun hemm informazzjoni approprjata, pubbliċità u trasparenza dwar l-attivitajiet finanzjarji;

Billi ammont ta’ referenza finanzjarja, fis-sens tal-punt 2 tad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 1995, huwa inkluż f’dan ir-Regolament għall-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr ma b’daqshekk jiġu effettwati l-poteri ta’ l-awtorità tal-budget kif inhuma mfissrin mit-Trattat;

Billi għandha ssir stima qabel it-tmiem tal-perspettiva finanzjarja għall-perjodu 1994-99 dwar jekk u safejn l-azzjoni prevista f’dan ir-Regolament tissodisfa l-ħtiġijiet Komunitarji,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-definizzjoni u l-qasam ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna Komunitarja għal proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tan-networks trans-Ewropej għal infrastrutturi tat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija taħt l-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-eliġibilità

1. Għajnuna Komunitarja tista’ tingħata biss għal proġetti ta’ interess komuni (minn issa ’l quddiem imsejħa "l-proġetti") identifikati fil-parametri tal-linji gwida ta’ l-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat.

Partijiet minn proġetti fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu eliġibbli wkoll sakemm huma jifformaw entitajiet teknikament u finanzjarjament indipendenti.

2. Proġetti se jkunu eliġibbli jekk ikunu finanzjati mill-Istati Membri jew minn awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi li jaħdmu fil-parametri amministrattivi jew legali li tagħmilhom ekwivalenti għal entitajiet pubbliċi, b’mod partikolari impriżi pubbliċi jew privati li jmexxu servizzi pubbliċi jew servizzi fl-interess pubbliku.

Proġett jiġi kkunsidrat biex jiġi ffinanzjat mill-Istat Membru meta jiġi implimentat u ffinanzjat direttament minn awtorità pubblika jew meta jirċievi l-għajnuna pubblika jew l-għajnuna minn riżorsi pubbliċi, fi kwalunkwe forma, mogħtija minn korp nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Artikolu 3

Klawsola transizzjonali

Jekk id-deċiżjonijiet li jadottaw il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, proġetti speċifiċi, li l-finanzjament tagħhom ikun ta’ natura prijoritarja u li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari ma’ l-infrastruttura tat-trasport, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli fis-sens ta’ dan ir-Regolament.

Din id-dispożizzjoni għandha tgħodd sal-jum tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet li jadottaw il-linji gwida fil-qasam ta’ l-infrastruttura konċernat, u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1995.

Artikolu 4

Is-suriet ta’ l-għajnuna

1. Għajnuna Komunitarja għal proġetti tista’ tieħu wieħed jew iżjed mis-suriet li ġejjin:

(a) il-ko-finanzjament ta’ studji relatati ma’ proġetti, inklużi studji preparatorji, dawk dwar il-fattibilità u l-valutazzjoni, u miżuri oħra ta’ sostenn tekniku għal dawn l-istudji.

Il-parteċipazzjoni Komunitarja tista’ b’mod ġenerali ma teċċedix il-50 % ta’ l-ispiża totali ta’ studju.

F’każijiet eċċezzjonali, sostanzjati kif suppost, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u bil-kunsens ta’ l-Istati Membri konċernati, il-parteċipazzjoni Komunitarja tista’ teċċedi l-limitu ta’ 50 %;

(b) is-sussidji fuq interessi fuq self mogħti mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment jew minn korpi finanzjarji pubbliċi jew privati oħra. Bħala regola ġenerali, is-sussidju m’għandux idum aktar minn ħames snin;

(ċ) il-kontribuzzjonijiet għal drittijiet rigward garanziji għal self mill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment jew minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra;

(d) l-għotjiet diretti għall-investimenti f’każi ġustifikati kif suppost;

(e) l-għajnuna Komunitarja taħt (a) sa (d) għandha tkun magħquda, fejn approprjat, sabiex tkabbar kemm jista’ jkun l-istimulu provdut mir-riżorsi tal-budget minfuqa, li għandhom jintużaw bl-iżjed mod ekonomiku.

2. Is-suriet ta’ għajnuna Komunitarja msemmija taħt (a) sa (d) għandhom jintużaw selettivament biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi tipi ta’ network involuti u biex jiġi żgurat, fir-rigward tan-networks tat-telekomunikazzjoni u l-enerġija, li dik l-għajnuna ma tikkawżax tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-settur konċernat.

Artikolu 5

Il-kondizzjonijiet għall-għajnuna Komunitarja

1. Għajnuna Komunitarja għandha tingħata, fil-prinċipju, biss jekk il-kisba ta’ proġett tiltaqa’ ma’ ostakli finanzjarji.

2. L-għajnuna Komunitarja m’għandhiex teċċedi l-minimu kkunsidrat neċessarju għat-tnedija ta’ proġett.

3. Irrispettivament mit-tip ta’ sura ta’ intervent li jintgħażel, l-ammont totali ta’ għajnuna Komunitarja taħt dan ir-Regolament m’għandux jeċċedi l-10 % ta’ l-ispiża totali ta’ l-investiment.

4. Ir-riżorsi finanzjarji previsti taħt dan ir-Regolament m’għandhomx, fil-prinċipju, jiġu assenjati lil proġetti jew stadji ta’ proġetti li jibbenefikaw minn għejun oħra ta’ fondi Komunitarji.

Artikolu 6

Il-kriterji għall-għażla ta’ proġett

1. Il-proġetti għandhom jieħdu l-għajnuna skond kemm dawn jikkontribwixxu għall-għanijiet spjegati fl-Artikolu 129b tat-Trattat u għall-għanijiet u l-prijoritajiet l-oħra definiti fil-linji gwida msemmija fl-Artikolu 129ċ (1) tat-Trattat.

2. L-għajnuna Komunitarja għandha tiġi assenjata għal proġetti li jkollhom il-potenzjal biex ikunu ekonomikament vijabbli u li l-profitt finanzjarju tagħhom fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni jitqies li ma jkunx suffiċjenti.

3. Id-deċiżjoni biex tingħata għajnuna Komunitarja għandha tqis ukoll:

- il-maturità tal-proġett,

- l-effett stimulattiv ta’ l-intervent komunitarju fuq il-finanzi pubbliċi u privati,

- is-serjetà tal-proġett finanzjarju,

- l-effetti soċjo-ekonomiċi diretti jew indiretti, partikolarment fuq l-impjiegi,

- il-konsegwenzi ambjentali.

4. Speċjalment fil-każ ta’ proġetti transkonfinanti, il-koordinazzjoni dwar iż-żmien propizju tad-diversi partijiet tal-proġett għandha wkoll tiġi kkunsidrata.

Artikolu 7

Il-kompatibiltà

Il-proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mal-liġi Komunitarja u mal-politika Komunitarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Artikolu 8

It-tressiq ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja għandhom jitressqu lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat jew mill-korp direttament konċernat bil-qbil ta’ l-Istat Membru.

Artikolu 9

L-informazzjoni meħtieġa għall-istima u l-identifikazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet

1. Kull applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja għandha tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżami tal-proġett skond l-Artikoli 5, 6 u 7, u partikolarment:

(a) jekk l-applikazzjoni tikkonċerna proġett:

- il-korp responsabbli biex iwettaq il-proġett,

- deskrizzjoni tal-proġett konċernat u t-tip ta’ għajnuna Komunitarja kontemplata,

- ir-riżultati ta’ l-analiżi ta’ l-ispiża/benefiċċju, inklużi r-riżultati ta’ l-analiżi tal-potenzjal għall-vijabbilità ekonomika u l-analiżi tal-profitt finanzjarju,

- il-pożizzjoni tal-proġett, skond il-linji gwida, fil-qasam tat-trasport, fuq l-assi u ċ-ċentri,

- il-konsistenza ma’ l-ippjanar reġjonali,

- deskrizzjoni sommarja ta’ l-impatt ambjentali, ibbażata fuq l-istimi li jkunu saru skond id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 fuq l-istimi ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [5],

- dikjarazzjoni li possibilitajiet alternattivi ta’ finanzjament pubbliku u privat, inkluż il-Fond ta’ l-Investiment Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, ġew eżaminati,

- pjan finanzjarju li jelenka, f’ecu jew f’munita nazzjonali, il-komponenti kollha tal-pakkett finanzjarju, inkluża l-għajnuna finanzjarja mitluba mill-Komunità u l-Istat Membru u l-għajnuna li tkun diġà ngħatat;

(b) jekk l-applikazzjoni tkun marbuta ma’ studju, l-għan u l-iskop ta’ l-istudju u l-metodi u t-tekniċi kontemplati;

(ċ) skeda proviżorja dwar meta se jsir ix-xogħol;

(d) deskrizzjoni dwar il-miżuri tal-kontroll li għandhom jiġu operati mill-Istat Membru konċernat fuq l-użu tal-fondi mitluba.

2. L-applikanti għandhom ifornu lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni addizzjonali relevanti li din tkun teħtieġ.

3. Il-Kummissjoni tista’ tfittex kull parir ta’ speċjalista li jkollha bżonn biex tagħmel stima ta’ applikazzjoni, inkluża l-opinjoni tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.

Artikolu 10

L-għoti ta’ għajnuna finanzjarja

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tagħti għajnuna finanzjarja taħt dan ir-Regolament skond l-istima tagħha ta’ l-applikazzjonijiet b’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni u l-proċedura speċifikati fl-Artikolu 17. Din għandha tgħarraf bid-deċiżjoni tagħha lill-benefiċjarji u lill-Istati Membri.

Artikolu 11

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji

1. L-għajnuna Komunitarja tista’ tkopri biss l-ispiża li tkun marbuta mal-proġett minfuqa mill-benefiċjarji jew minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ proġett.

2. L-ispiża minfuqa qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet l-applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja m’għandhiex tkun koperta.

3. Id-deċiżjonijiet biex tingħata għajnuna finanzjarja meħuda mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 10 għandhom ikunu jorbtu bħala obbligi biex isir infieq awtorizzat mill-estimi.

4. Bħala regola ġenerali, il-ħlasijiet għandhom isiru f’forma ta’ pagamenti bil-quddiem, pagamenti intermedji u pagament finali. Il-pagament bil-quddiem, li m’għandux normalment jeċċedi l-50 % ta’ l-ewwel porzjon annwali, għandu jitħallas malli l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun ġiet approvata. Il-pagamenti intermedji għandhom isiru abbażi ta’ talbiet għall-ħlas, billi jitqies il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-proġett jew l-istudju u, jekk ikun neċessarju billi jitqiesu l-pjani finanzjarji riveduti b’mod rigoruż u trasparenti.

5. Il-pagamenti għandhom iqisu l-fatt li l-proġetti infrastrutturali jiġu implimentati fuq perjodu ta’ snin u li għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-finanzjament multiannwali.

6. Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagament finali wara l-approvazzjoni tar-rapport finali fuq il-proġett jew l-istudju, imressaq mill-benefiċjarju u li jkun jelenka l-ispiża kollha attwalment minfuqa.

7. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, skond il-proċeduri spjegati fl-Artikolu 17, il-proċeduri, l-iskeda ta’ żmien u l-ammonti għall-pagamenti jew is-sussidji fuq ir-rati ta’ l-interessi u tiggarantixxi s-sussidji tal-premiums.

Artikolu 12

Il-kontroll finanzjarju

1. Sabiex tiġi garantita l-kompletazzjoni b’suċċess ta’ proġetti finanzjati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex:

- jivverifikaw fuq bażi regolari li l-proġetti u l-istudji finanzjati mill-Komunità jkunu saru kif approprjat,

- jevitaw irregolaritajiet u jieħdu azzjoni kontrihom,

- jirkupraw xi ammonti mitlufa bħala riżultat ta’ irregolarità inklużi l-interessi minħabba dewmien ta’ ħlas lura skond ir-regoli adottati mill-Kummissjoni. Ħlief meta l-Istat Membru u/jew l-awtorità li timplimenta jipprovdu prova li huma ma kenux responsabbli għall-irregolarità, l-Istat Membru għandu jerfa’ l-obbligazzjoni għall-alternattiva tar-restituzzjoni ta’ xi ammonti mħallsa mhux kif suppost.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu għal dawn l-għanijiet u, b’mod partikolari, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni fuq id-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ l-l-amministrazzjoni u l-kontroll stabbiliti biex jassiguraw l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ proġetti u studji.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni xi rapporti nazzjonali approprjati fuq il-kontroll tal-proġetti.

4. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri ta’ kontroll li jkunu saru mill-Istati Membri skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijet amministrattivi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 188 a tat-Trattat u l-miżuri ta’ kontroll li saru skond l-Artikolu 209(ċ) tat-Trattat, l-uffiċjali jew l-aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu tiftix fuq il-post, inkluż kampjuni għall-għarrieda, fir-rigward ta’ proġetti finanzjati taħt dan ir-Regolament u jistgħu jeżaminaw is-sistemi tal-kontroll u l-miżuri stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu għal dak il-għan.

5. Qabel ma ssir verifika fuq il-post, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru konċernat bil-għan li tikseb l-għajnuna kollha neċessarja. Jekk il-Kummissjoni tagħmel verifiki fuq il-post mingħajr ma tkun avżat, hija tkun soġġetta għall-ftehim milħuq skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Uffiċjali jew aġenti ta’ l-Istat Membru konċernat jistgħu jieħdu parti f’dawn il-verifiki.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru konċernat biex jagħmel verifika fuq il-post biex jiċċekkja l-korrettezza ta’ l-applikazzjonijiet għall-pagament. Uffiċjali jew aġenti tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’dan it-tiftix, u għandhom jagħmlu hekk jekk l-Istat Membru konċernat hekk jitlob.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li xi verifiki li tagħmel isiru b’mod koordinat biex jiġiu evitati verifiki ripetuti fir-rigward ta’ l-istess suġġett matul l-istess perjodu. L-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw immedjatament kull informazzjoni relevanti rigward ir-riżultati tal-verifiki jkunu saru.

6. Fil-każ ta’ għajnuna Komunitarja mogħtija lill-korpi msemmija fl-Artikolu 2(2), il-miżuri tal-kontroll għandhom isiru mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri.

7. Il-korpi u l-awtoritajiet responsabbli għandhom iżommu disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta’ sostenn li jittrattaw l-infieq fuq xi proġett għal perjodu ta’ tliet snin wara l-aħħar pagament rigward il-proġett.

Artikolu 13

Ir-tnaqqis, is-sospensjoni u l-kanċellament ta’ l-għajnuna

1. Jekk l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni tidher li ma tiġġustifikax, fl-intier jew parzjalment, l-għajnuna finanzjarja allokata lilha, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami approprjat dwar il-każ, b’mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru, jew lill-awtoritajiet jew lill-korpi nominati minnu biex iwettqu l-operazzjoni, biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-perjodu ta’ żmien speċifikat.

2. Wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tikkanċella l-għajnuna fir-rigward ta’ l-operazzjoni in kwistjoni jekk l-eżami jikxef irregolarità jew nuqqas fil-konformità ma’waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni biex tingħata l-għajnuna, u b’mod partikolari kull tibdil sinifikanti li jeffettwa n-natura, jew il-kondizzjonijiet biex jitwettaq, il-proġett li għalih l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ma tkunx intalbet.

Kull akkumulazzjoni li mhix suppost għandha twassal għall-irkupru ta’ ammonti imħallsa fejn mhux suppost.

3. Kull ammont li għandu jiġi rkuprat minħabba li ma jkunx dovut kif suppost għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Il-koordinazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-proġetti li jittieħdu taħt dan ir-Regolament u l-proġetti li jittieħdu bl-għajnuna ta’ kontribuzzjonijiet mill-budget Komunitarju, mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Artikolu 15

L-istima, is-sorvelja u l-valutazzjoni

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt dan ir-Regolament tkun soġġetta għal sorvelja u valutazzjoni effettivi. Il-proġetti jistgħu jiġu adattati skond ir-riżultati tas-sorvelja u l-valutazzjoni.

2. Sabiex jiġi assigurat li l-għajnuna Komunitarja tintuża b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati għandhom jivvalutaw sistematikament il-progress mal-proġetti, fejn approprjat bil-kooperazzjoni tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.

3. Malli tirċievi l-applikazzjoni għall-għajnuna u qabel tapprovaha, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima sabiex tqis il-konformità tal-proġett mal-kondizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment biex jikkontribwixxi għal din l-istima.

4. Matul l-implimentazzjoni ta’ proġetti u wara l-kompletazzjoni tagħhom il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-mod li bih saru u l-impatt ta’ l-implimentazzjoni tagħhom, biex tistma jekk l-għanijiet oriġinali jistgħux jintlaħqu, jew intlaħqux. Din il-valutazzjoni għandha, inter alia, tkopri l-impatt ta’ proġetti fuq l-ambjent, billi jitqiesu l-liġijiet Komunitarja fis-seħħ.

5. Is-sorvelja għandha ssir, fejn approprjat, b’referenza għall-indikaturi fiżiċi u finanzjarji. L-indikaturi għandhom ikunu relatati mal-karattru speċifiku tal-proġetti u ma’ l-oġġettivi tiegħu. Dawn għandhom ikunu rranġati b’tali mod li juru:

- l-istadju li jkun intlaħaq fil-proġett fir-rigward tal-pjan u l-għanijiet oriġinarjament stabbiliti,

- il-progress miksub fuq in-naħa tal-ġestjoni u xi problemi relatati.

6. Waqt l-iċċekkjar ta’ applikazzjonijiet individwali għall-għajnuna, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-riċerki ta’ stimi u valutazzjonijiet li jkunu saru skond dan l-Artikolu.

7. Il-proċeduri għall-valutazzjoni u s-sorvelja, kif previst fil-paragrafi 4 u 5, għandhom jiġu stabbiliti fid-Deċiżjonijiet li japprovaw il-proġetti.

Artikolu 16

L-informazzjoni u l-pubbliċità

1. Il-Kummisjoni għandha tressaq rapport annwali fuq l-attivitajiet li jkunu saru taħt dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-istima tagħhom. Dan ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tar-riżultati miksuba bl-għajnuna Komunitarja f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni, fit-termini ta’ l-għanijiet oriġinali.

2. Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li pubbliċità approprjata tingħata lill-għajnuna maħruġa taħt dan ir-Regolament biex il-pubbliku jiġi nformat dwar ir-rwol eżerċitat mill-Komunità fl-implimentazzjoni tal-proġetti. Dawn għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar kif dan għandu jsir.

Artikolu 17

Il-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2. Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat wieħed li se jiltaqa’ fil-kompożizzjoni approprjata skond is-setturi ttrattati:

- in-networks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport,

- in-networks trans-Ewropej fil-qasam tat-telekomunikazzjoni,

- in-networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-enerġija.

Il-Kumitat għandu jkun kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jappunta rappreżentant għall-Kumitat li m’għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistipula skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mistenni jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Meta jittieħdu l-voti fil-Kumitat, il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu peżati kif imfisser f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

4. (a) Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri kontemplati jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri kontemplati ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jieħu azzjoni b’ maġġoranza kwalifikata.

Jekk, meta jispiċċa l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx ħa azzjoni, il-miżuri proposti jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 18

Ir-riżorsi tal-budget

L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu 1995-99 għandu jkun ta’ EKU 2345 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 19

Il-klawsola tar-reviżjoni

Qabel it-tmiem ta’ l-1999, waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fit-tielet paragrafuta’ l-Artikolu 129d tat-Trattat, il-Kunsill għandu jeżamina jekk u taħt liema kondizzjonijiet il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament se jitkomplew wara t-tmiem tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 18.

Artikolu 20

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta’ Settembru 1995.

Għall-Kunsill

il-President

P. Solbes mira

[1] ĠU C 89, tas-26.3.1994, p. 8.

[2] ĠU C 195, tat-18.7.1994, p. 74.

[3] ĠU C 217, tas-6.8.1994, p. 36.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 1994 (ĠU C 363, tad-19.12.1994, p. 23). Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 1995 (ĠU C 130, tad-29.5.1995, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Lulju 1995 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40.

--------------------------------------------------