31995R1863



Official Journal L 179 , 29/07/1995 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1863/95

tas-17 ta’ Lulju 1995

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1766/92 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali u r-Regolament (KE) Nru 1868/94 li jistabbilixxi sistema ta’ kwota rigward il-produzzjoni tal-lamtu tal-patata

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEJA

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 [3] jipprovdi sistema ta’ ħlasijiet ta’ kumpens għall-produtturi tal-patata maħsuba għall-produzzjoni tal-lamtu tal-patata; billi, sabiex tiġi evitata l-produzzjoni eċċessiva tal-lamtu tal-patata, dawn il-ħlasijiet ta’ kumpens għandhom jitħallsu biss favur il-kwantità tal-patata kkunsinjata minn produttur lil impriża li tipproduċi l-lamtu tal-patata li ma’ twassalx sabiex din l-impriza taqbeż il-limitu tal-kwota tagħha;

Billi l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1868/94 [4] jiddikjara l-kwoti lill-Istati Membri għall-produzzjoni tal-lamtu tal-patata għas-snin tas-suq 1995/96, 1996/97 u 1997/98; billi l-adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja teħtieġ illi jiġu stabbiliti l-kwoti lil dawn l-Istati Membri; billi l-iżvilupp ta' l-industrija tal-lamtu tal-patata matul il-perjodu taż-żmien ta’ referenza maħsub fir-Regolament (KE) Nru 1868/94 f’dawn l-Istati Membri kien differenti minn dak ta’ l-Istati Membri; billi huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu allokati l-kwoti fuq il-bażi ta’ perjodu taż-żmien aktar rappresentattiv; billi l-bażi użat għalbiex jiġu allokati l-kwoti lill-Istati Membri l-oħra mhux xieraq fil-każ ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, għaliex il-primjum referit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1543/93 [5] ma kienx jitħallas lilhom; billi l-kwota għandha għalhekk tiġi allokata fuq il-bażi ta' l-ammont tal-lamtu tal-patata prodott minn kull Stat Membru fis-sena 1993, li fiha kienet ġiet irċevuta l-assistenza nazzjonali;

Billi għandu jitqies il-fatt illi fil-Finlandja, is-sena 1993 kienet inqas rappreżentattiva fil-livelli tal-produzzjoni normali milli kienet fl-Awstrija u fl-Isvezja; billi, fil-każ tal-Finlandja, għandha tiġi allokata kwota addizzjonali sabiex tkopri l-produzzjoni li ma setgħetx tiġi rrealizzata fis-sena 1993 minħabba l-imposizzjoni ta' obbligu impost sabiex l-art titħalla tistrieħ;

Billi, madankollu, bħala riżultat tad-diffikultajiet partikolari fit-tliet Stati Membri interessati, li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġġustament strutturali, il-kapaċità tal-produzzjoni mhux utiliżżata u l-investimenti midħula għalihom qabel l-introduzzjoni tas-sistema tal-kwoti, il-kwota referita hawn fuq għandha tiġi aġġustata;

Billi, b'riżultat ta’ żball, l-Artikolu 6 (1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1868/94 jidhru kontradittorji; billi, għaċ-ċarezza, dan l-Artikolu għandu jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1766/92 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) il-paragrafu 2 għandu jsir il-paragrafu 2 (a);

(2) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

"(b) Mingħajr preġudizzju għall-(a), il-ħlas ta’ kumpens għandu jitħallas biss rigward il-kwantità tal-patata koperta b’kuntratt konkluż bejn il-produttur tal-patata u l-impriża li tipproduċi l-lamtu tal-patata fil-limiti tal-kwota allokata lil din l-impriża, kif referita fl-Artikolu 2 (2) tar-Regolament (KE) Nru 1868/94.";

L-Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1868/94 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 2:

(a) it-tabella fil-paragrafu 1 għandha tiġi mibdula b'li ġej:

"Id-Danimarka | 178460 tunnellata metrika |

Il-Ġermanja | 591717 tunnellata metrika |

Spanja | 2000 tunnellata metrika |

Franza | 281516 tunnellata metrika |

L-Olanda | 538307 tunnellata metrika |

L-Awstrija | 49100 tunnellata metrika |

Il-Finlandja | 54750 tunnellata metrika |

L-Isvezja | 63900 tunnellata metrika |

| 1759750" |

(b) is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud wara t-tieni inċiż fil-paragrafu 2:

"Madankollu, fil-każ ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, l-Istati Membri għandhom jallokaw il-kwota referita fil-paragrafu 1 lill-impriżi li jipproduċu l-lamtu tal-patata, għall-użu fis-snin tas-suq 1995/96, 1996/97 u 1997/98, b'mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-ammont tal-lamtu tal-patata prodott minnhom fis-sena kalendarja 1993 u li għalih kienu rċevew l-assistenza nazzjonali.";

(2) fl-Artikolu 6:

(a) fil-paragrafu 1, il-kliem ‘Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5’ għandu jiġi mħassar;

(b) fil-paragrafu 2, il-kliem "Mingħajr preġudizzju għal" għandu jiġi mibdul bil-kelma "Madankollu";

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Lulju 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Atienza Serna

[1] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Ġunju 1995 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] Opinjoni mogħtija fil-31 ta' Mejju 1995 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[3] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 21. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994 u bir-Regolament (KE) Nru 3290/94 (ĠU Nru L 349, 31.12.1994,p. 105)

[4] ĠU L 197, tat-30.7.1994, p. 4.

[5] ĠU L 154, tal-25.6.1993, p. 4.

--------------------------------------------------