Official Journal L 164 , 14/07/1995 P. 0001 - 0004
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1985 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment Artikolu 100ċ (3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, Billi Artikolu 100ċ (3) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kunsill jadotta miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' format uniformi għall-viża qabel l-1 ta' Jannar 1996; Billi l-introduzzjoni ta' format uniformi għall-viża huwa pass importanti lejn l-armonizzazzjoni tal-politika dwar il-viża; billi Artikolu 7a tat-Trattat jistipula li s-suq intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fihom il-moviment liberu ta' persuni huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat; peress illi dan il-pass għandu jitqies ukoll li joħloq koerenza sħiħa mal-miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea; Billi huwa essenzjali li l-format uniformi tal-viża għandu jkun fih it-tagħrif kollu meħtieġ u għandu jilħaq livelli tekniċi għoljin ħafna, speċjalment rigward il-ħarsien kontra l-falsifikazzjoni; peress illi wkoll għandu jkun addattat għall-użu mill-Istati Membri kollha u għandu jkollu karatteristiċi ta' sigurtà magħrufa universalment li huma viżabbli għall-għajn b'mod ċar; Billi dan ir-Regolament iniżżel biss dawk l-ispeċifikazzjonijiet li m'humiex sigrieti; billi dawn dawn l-ispeċifikazzjonijiet jeħtieġ li jiġu supplimentati bi speċifikazzjonijiet ulterjuri li għandhom jibqgħu jinżammu sigrieti sabiex titwaqqaf il-falsifikazzjoni u li ma jistgħux jinkludu informazzjoni personali jew referenzi għal informazzjoni ta' din ix-xorta; peress illi l-Kummissjoni għandha tingħata poteri sabiex tadotta speċifikazzjonijiet ulterjuri; Billi, biex jiġi żgurat li l-informazzjoni msemmija ma tkunx disponibbli għal aktar persuni milli meħtieġa, huwa wkoll essenzjali li kull Stat Membru għandu jaħtar mhux aktar minn organu wieħed li jkollu r-responsabbiltà li jistampa l-format uniformi għall-viża, u l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jibdlu l-organu, jekk ikun meħtieġ; billi, għal raġunijiet ta' sigurtà, kull Stat Membru għandu jikkomunika l-isem tal-organu kompetenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra; Billi, sabiex ikun effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika għall-viża kollha koperti f'Artikolu 5; billi l-Istati Membri għandhom ikunu wkoll ħielsa li jużaw il-format ta' viża uniformi għall-viża li jistgħu jintużaw għall-skopijiet barra minn dawk koperti f'Artikolu 5, sakemm id-differenzi li jkunu viżibbli għall-għajn ikunu nkorporati sabiex ikun impossibbli li ssir konfużjoni mal-viża uniformi; Billi, fir-rigward ta' l-informazzjoni personali li għandha titniżżel il-format uniformi tal-viża skond l-Anness li jinsab hawn isfel, għandha tiġi żgurata l-osservanza mad-dispożizzjonijiet tal-ħarsien ta' l-informazzjoni kif ukoll mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Viża maħruġa mill-Istati Membri f'konformità ma' Artikolu 5 għandhom ikunu magħmula fil-forma ta' format uniformi (sticker). Huma għandhom jikkonformu ma' l-ispeċifikazzjonijiet maħruġa fl-Anness. Artikolu 2 Għandhom jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn li jagħmluha diffiċli li l-viża tiġi falsifikata skond il-proċedura stipulata f'Artikolu 6. Artikolu 3 (1) L-ispeċifikazzjonijiet imsemmija f'Artikolu 2 għandhom ikunu sigrieti u m'għandhomx jiġu pubblikati. Huma għandhom ikunu disponibbli biss għall-organi maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u għall-persuni debitament awtorizzati xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni. (2) Kull Stat Membru għandu jaħtar organu wieħed li jkollu r-responsabbiltà biex jistampa l-viża. Dan għandu jikkomunika l-isem ta' dak il-organu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess organu jista'għal dan il-għan jiġi nominat minn żewġ Stati Membri jew iktar. Kull Stat Membru għandu jkun intitolat li jbiddel l-organu nominat tiegħu. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan. Artikolu 4 (1) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti aktar estensivi li jirrigwardaw il-ħarsien ta' l-informazzjoni, individwu li għalih tkun inħarġet viża għandu jkollu d-dritt li jivverifika d-dettalji personali mniżżla fil-viża u, fejn approprjat, li jitlob li jsiru korrezzjonijiet jew tħassir. (2) M'għandha tingħata l-ebda informazzjoni f'forma li tista' tinqara minn magna fuq il-format uniformi tal-viża, sakemm din tkunx tidher ukoll fil-kaxxi deskritti fil-punti 6 u 12 ta' l-Anness, jew sakemm ma tkunx imsemmija fid-dokument relevanti tal-ivvjaġġar. Artikolu 5 Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament "viża" għandha tfisser awtorizzazzjoni mogħtija minn jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru li hi meħtieġa għad-dħul fit-territorju tiegħu bil-għan li: - ssir żjara f'dak l-Istat Membru jew f'diversi Stati Membri għal mhux aktar minn tlett xhur b'kollox, - transit f'territorju jew transit f'żona ta' ajruport ta' dak l-Istat Membru jew ta' diversi Stati Membri. Artikolu 6 (1) Fejn issir referenza għall-proċedura definita f'dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw. (2) Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u mmexxija minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz bil-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'terminu ta' żmien illi l-President jistabilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata b'maġġoranza kif stabbilit f'Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom jiġu peżati skond kif stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota. (3) (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat. (b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Jekk, malli jiskadi perjodu ta' xagħrejn, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b'maġġoranza sempliċi. Artikolu 7 Meta l-Istati Membri jużaw il-format ta' viża uniformi għal skopijiet apparti minn dawk koperti minn Artikolu 5, għandhom jiġu addottati miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat li konfużjoni mal-viża li tagħha msemmija f'Artikolu 5 ma tkunx possibbli. Artikolu 8 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ ma' l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 1 għandu jsir applikabbli sitt xhur wara l-adozzjoni tal-miżuri li msemmija f'Artikolu 2. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Mejju 1995. Għall-Kunsill Il-President H. de Charette -------------------------------------------------- ANNESS +++++ TIFF +++++ Karatteristiċi ta’ sigurtà 1. Sinjal li jikkonsisti f'disa' elissi f'forma ta' mrewħa għandu jidher f'dan l-ispazju. 2. Marka li hija ottikament varjabbli ("kinegram" jew l-ekwivalenti tagħha) għandha tidher f'dan l-ispazju. Skond mill-liema angolu wieħed iħares lejha, 12-il stilla, l-ittra "E" u globu jsiru viżibbli f'daqsijiet u kuluri diversi. 3. Il-logo li jkun jikkonsisti f'ittra jew f'diversi ittri li jindikaw il-ħruġ mill-Istati Membri (jew "BNL" fil-każ ta' pajjiżi Benelux, jiġifieri il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Olanda) b'effett ta' xbiha moħbija għandu jidher f'dan l-ispazju. Dan il-logo għandu jidher ċar meta mqiegħed ċatt u jidher skur meta mdawwar b'90o. Għandhom jintużaw il-logos li ġejjin: A għall-Awstrija, BNL għall-Benelux, D għall-Ġermanja, DK għad-Danimarka, E għall-Ispanja, F għal Franza, FIN għall-Finlandja, GR għall-Greċja, I għall-Italja, IRL għall-Irlanda, P għall-Portugall, S għall-Isvezja, UK għar-Renju Unit. 4. Il-kelma "viża" b'ittri kbar għandha tidher fin-nofs ta' dan l-ispazju b'kuluri li jkanġu. Skond mill-liema angolu tħares lejha, għandha tidher ħadra jew ħamra. 5. Din il-kaxxa għandu jkun fiha n-numru tal-viża, li għandu jkun stampat minn qabel u għandu jibda bl-ittra jew bl-ittri li jindikaw il-pajjiż li joħroġha kif muri fil-punt 3 hawn fuq. Għandha tintuża tipa speċjali. Sezzjonijiet li għandhom jimtlew 6. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "valida għal". L-awtorità li toħroġha għandha tindika t-territorju jew territorji li għalihom il-viża hi valida. 7. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "minn" u l-kelma "sa" għandha tidher aktar 'l quddiem fuq il-linja. L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika hawn iż-żmien ta' validità tal-viża. 8. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "numru ta' skrizzjonijiet" u aktar 'l quddiem fil-linja bil-kliem "perjodu taż-żjara" (i.e. kemm l-applikant bi ħsiebu jdum) u għandha tidher ukoll "ġranet". 9. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "maħruġa fi" u għandha tintuża biex tindika il-post tal-ħruġ. 10. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma "fi" (li ħdejha għandha timtela d-data tal-ħruġ mill-awtorità li toħroġha) u aktar 'l quddiem fil-linja l-kliem "in-numru tal-passaport" għandu jidher (li ħdejha għandu jidher in-numru tal-passaport tad-detentur). 11. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "it-tip ta' viża". L-awtorità tal-ħruġ għandha tindika l-kategorija tal-viża b'mod konformi ma' Artikoli 6 u 7 ta' dan ir-Regolament. 12. Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem "rimarki". Din għandha tintuża mill-awtorità tal-ħruġ sabiex tindika kull informazzjoni ulterjuri li aktar 'l quddiem titqies bħala meħtieġa, sakemm tkun taqbel ma' Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament. Iż-żewġ linji u nofs li jiġu wara għandhom jitħallew vojta għal rimarki bħal dawn. 13. Din il-kaxxa għandu jkun fiha informazzjoni f'forma li tista' tinqara minn magna sabiex jitħaffu l-kontrolli ta' fruntieri esterni. Il-karta għandha tkun ta' lewn aħdar ċar b'marki ħomor u blu. Il-kliem li jindika l-kaxxi għandu jidher bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-Istat li jagħmel il-ħruġ jista'jżid lingwa terza uffiċjali tal-Komunità. Madankollu, il-kelma "viża" fil-linja ta' fuq nett tista' tidher b'kull lingwa uffiċjali tal-Komunità. --------------------------------------------------