Official Journal L 145 , 29/06/1995 P. 0035 - 0036
Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 1476/95 tat-28 ta’ Ġunju 1995 li jistabbilixxi regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żejt u x-xaħmijiet [1], skond l-aħħar emendi permezz tal-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Fillandja u l-Isvezja, u permezz tar-Regolament (KE) Nru 3290/94 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2041/75 [3], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KE) Nru 557/91 [4], jistabbilixxi regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u esportazzjoni u advance fixing certificates għaż-żejt u x-xaħmijiet; Billi, mill-1 ta’ Lulju 1995, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim magħmula matul l-Uruguay Round tan-negozjati japplikaw għal importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa ġewwa l-Komunità; Billi ċerti regoli dettaljati speċjali għandhom ikunu stabbiliti dwar importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa; billi, b’mod partikolari, il-perjodu tal-validità ta’ liċenzji u l-garanzija applikabbli għandhom ikunu stabbiliti u għandu jkun ipprovdut ukoll li sabiex wieħed jibbenefika mis-sistemi ta’ importazzjoni speċjali bħal ma huma dawk ipprovduti għall-Alġerija, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija, il-pajjiżi membri in kwistjoni għandhom ikunu indikati fil-liċenzja; Billi l-importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa mit-Tuneżija kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 287/94 [5] huma magħmula ab bażi ta’ ftehim li jiskadi fl-aħħar ta’ Ottubru 1995; billi kundizzjonijiet li jaffettwaw dawk l-importazzjonijiet ma jistgħux jinbidlu qabel dik id-data; Billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2041/75 għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-importazzjonijiet; billi dak ir-Regolament għandu wkoll ikompli japplika għal liċenzji ta’ esportazzjoni sal− 31 ta’ Ottubru 1995; billi, għalhekk, peress li r-Regolament ma jistax jiġi mħassar qabel dik id-data, għandu jkun stabbilit b’mod espliċitu li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar liċenzji ta’ importazzjoni japplikaw biss għall-importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa mit-Tuneżija hawn fuq imsemmija; Billi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma b’żieda ma’ u b’deroga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 [6], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KE) Nru 1199/95 [7]; Billi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija għal Żjut u Xaħmijiet, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni introdotti permezz ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 136/66/KEE. Artikolu 2 1. Sabiex wieħed jikkwalifika għall-arranġamenti speċjali stabbiliti fir-Regolamenti adottati għall-implimentazzjoni tal-ftehim magħmula mill-Komunità ma’ ċerti pajjiżi terzi, it-taqsima 7 u 8 ta’ l-applikazzjonijiet tal-liċenzja ta’ importazzjoni u tal-liċenzji nfushom għandhom juru l-pajjiż terz in- kwistjoni. 2. F’dawk il-każijiet, liċenzji għandhom iġorru obbligazzjoni biex issir importazzjoni mill-pajjiż terz indikat ta’ prodott li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 li dwarhom tkun inħarġet il-liċenzja. Artikolu 3 1. Il-perjodu ta’ validità ta’ liċenzji ta’ importazzjoni hu ta’ 60 jum mid-data tal-ħruġ skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 21(1) tar-Regolamnet (KEE) Nru 3719/88. 2. Garanziji għal liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jammontaw għal ECU 10 kull 100 kilogramm nett. Artikolu 4 Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2041/75 dwar liċenzji ta’ importazzjoni għandhom japplikaw unikament għal importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Tuneżija kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 287/94. Artikolu 5 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1995. Iżda, dan ma japplikax għal żejt taż-żebbuġa li joriġina fit-Tuneżija importat bis-saħħa tas-sistema msemmija fir-Regolament (KE) Nru 287/94. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, it− 28 ta’ Ġunju 1995. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 172. tal-30.9.1966, p. 3025/66 [2] ĠU L 349. tal-31.12.1994, p. 105 [3] ĠU L 213. tal-11.8.1975, p. 1 [4] ĠU L 62. tal-8.3.1991, p. 23 [5] ĠU L 39. tal-10.2.1994, p. 1 [6] ĠU L 331. tal-2.12.1988, p. 1 [7] ĠU L 119. tal-30.5.1995, p. 4 --------------------------------------------------