31995R1469



Official Journal L 145 , 29/06/1995 P. 0001 - 0003


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1469/95

tat-22 ta’ Ġunju 1995

dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu dwar ċerti benefiċjari ta’ l-operazzjonijiet iffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanziji ta’ l-EAGGF

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, waqt il-laqgħat tiegħu f’Ġunju 1993 f’Copenhagen u f’Diċembru 1994 f’Essen, il-Kunsill Ewropew għamel enfażi fuq l-importanza ta’ l-insegwiment tal-kampanja kontra l-frodi u l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-estimi tal-Komunità; billi għandhom ikun rinforzati dawn il-miżuri ddisinjati biex jiżguraw li l-fondi tal-Komunità maħsuba għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni (CAP) ma jingħatawx lill-persuni jew kumpanniji li ma joffrux il-garanziji kollha ta’ min joqgħod fuqhom fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni kif imiss ta’ l-operazzjonijiet konċernati;

Billi l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni [4], jistipula, b’mod partikolari, li l-Istati Membri huma taħt l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li t-transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond ikunu verament imwettqa u eżegwiti kif imiss, u li jiġu prevjenuti u segwiti irregolaritajiet;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 ta’ l-4 ta’ Marzu 1991 dwar l-irregolaritajiet u l-irkuprar tas-somom imħallsa ħażin in konnessjoni ma’ l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ l-informazzjoni f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 [5], jipprovdi, fost ħwejjeġ oħra, li l-Istati Membri regolarment jinformaw lill-Kummissjoni bil-każijiet ta’ irregolaritajiet u proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi li jissanzjonaw lill-persuni li wettqu l-irregolaritajiet, sabiex tikseb informazzjoni sistematika tan-natura tal-prattiċi ta’ frodi u biex tirkupra somom imħallsa ħażin;

Billi dawn id-dispożizzjonijiet huma meħtieġa li jkunu supplimentati minn sistema tal-Komunità li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kollha li jidentifikaw, b’konnessjoni mal-proċeduri tas-sottomissjoni għall-offerti bl-appalt, l-għoti ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni jew bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa ta’ prodotti ta’ l-intervent, operaturi li deliberatament jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja wettqu irregolarità bi preġudizzju għall-fondi tal-Komunità jew li huma suspettati fuq bażi soda li għamlu hekk; billi, fuq dik il-bażi għandu jkun stabbilit, skond is-serjetà ta’ l-offiża u jekk kenitx stabbilita jew suspettata, sensiela ta’ miżuri varjati li jvarjaw minn kontrolli rinforzati għall-esklużjoni ta’ l-operaturi konċernati milli jieħdu sehem fl-operazzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti meta l-azzjonijiet ta’ frodi tagħhom ikunu stabbiliti;

Billi, sabiex l-operaturi jkunu provduti bil-massimu tal-garanziji, huwa tal-parir li jkunu adottati l-karatteristiċi essenzjali tad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KEE) Nru 595/91, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-osservazzjoni tal-kunfidenzjalità u segretezza professjonali u r-regoli nazzjonali dwar il-proċedimenti kriminali; billi, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, id-dispożizzjonijiet relevanti stipulati għal dak l-iskop fir-regoli dwar l-assistenza komuni fid-dwana u kwistjonijiet agrikoli jistgħu jiġu applikati;

Billi din is-sistema trid tkun supplimentari għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li diġà jeżistu jew għandhom ikunu adottati fil-futur taħt il-CAP bil-għan li ma jitħalliex li jsiru irregolaritajiet, b’mod partikolari dawk id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-kontrolli u s-sanzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni bis-saħħa tas-setgħat tagħha konfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Billi, b’żieda, bħala parti minn kampanja sħiħa kontra l-frodi, fis-7 ta’ Lulju 1994 il-Kummissjoni bagħtet proposta għal Regolament (KE, Euratom) dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità [6], billi, ma’ l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament mill-Kunsill, is-sett komuni tar-regoli legali magħmula minnu għaż-żoni kollha tal-politika tal-Komunità japplikaw għall-miżuri mdaħħla minn dan ir-Regolament; billi, sakemm dak ir-Regolament jiġi adottat, dispożizzjoni għandha ssir għal regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament temporanjament biex jinkludi regoli simili, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ l-irregolaritajiet involuti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Sistema tal-Komunità hija b’dan stabbilita għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni u li jsiru magħrufa mill-aktar fis possibbli lill-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri u l-operaturi tal-Kummissjoni li jippreżentaw, fuq bażi ta’ l-esperjenza miksuba fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni kif imiss ta’ l-obbligi ta’ qabel tagħhom, riskju ta’ fiduċja in konnessjoni mal-proċeduri tas-sottomissjoni l-offerti bl-appalt, ir-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni u l-bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa jew prodotti ta’ l-intervent, iffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija ta’ l-EAGGF.

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, "operaturi li jippresentaw riskju ta’ fiduċja" tfisser operaturi, sew naturali jew ġuridiċi, li:

(a) skond deċiżjoni finali mill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja, deliberatament jew minħabba negliġenza serja wettqu irregolarità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Komunità u bbenefikaw inġustament minn vantaġġ finanzjarju jew ipprovaw jibbenefikaw minnu;

(b) kienu s-suġġett, f’dan ir-rigward, fuq bażi ta’ fatti stabbiliti, ta’ rapport preliminari amministrattiv jew ġudizzjarju mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

3. Sakemm jidħlu fis-seħħ id-disposizzjonijit oriżżontali li jiddefinixxu l-irregolaritajiet, il-kondotta msemmija fil-paragrafu 2(a) għandha tkun definita skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 5.

L-Artikolu 2

1. Il-proċeduri ta’ l-identifikazzjoni u r-regoli li jirrelataw man-notifikazzjoni għandhom ikunu implimentati fuq inizjattiva ta’ l-Istat Membru li fih ir-riskju tal-fiduċja ta’ l-operatur hija identifikata.

2. Fejn Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 1 il-Kummissjoni, fis-sett tad-dispożizzjonijiet legali eżistenti, għandha tiżgura li s-sistema ta’ l-identifikazzjoni u tan-notifikazzjoni huma implimentati mill-Istat Membru konċernat.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin biex jieħdu ħsieb l-operaturi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a):

(a) verifikar infurzat ta’ l-operazzjonijiet kollha mwettqa mill-operatur, u/jew

(b) sospensjoni, li tasal sa determinazzjoni amministrattiva ta’ l-eżistenza ta’ irregolarita’ jew tan-nuqqas ta’ irregolarita, ta’ ħlas ta’ ammonti li jirrelataw ma’ l-operazzjonijiet kurrenti, li għandhom ikunu stabbiliti, u, fejn ikunu il-każ, tar-rilaxx tal-garanzija li tirrelata għalihom, u/jew

(ċ) l-esklużjoni tagħhom għal perjodu ta’ żmien minn operazzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti.

Il-miżuri msemmija taħt il-punti (b) u (ċ) għandhom ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru skond il-kriterji stipulati skond il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 5, wara li jingħata kont dovut tar-riskju ta’ aktar irregolaritajiet li jistgħu jsiru mill-operatur. Huma għandhom ikunu adottati wara li kull formalita’ li tirrelata magħhom stipulata fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri titlesta.

2. Fir-rigward l-operaturi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b), il-miżuri biss preskritti fil-paragrafu (1) punti (a) u (b) għandhom japplikaw.

3. Fejn, taħt proċedura ta’ offerti bl-appalt, il-Kummissjoni nnifisha tagħti kuntratt, hi għandha, skond il-każ, tieħu jew tipproponi lill-Istat Membru, waħda jew aktar mill-miżuri preskritti fil-paragrafu (1).

L-Artikolu 4

1. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin, skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru:

(a) seduta minn qabel u dritt għall-appell mill-operatur konċernat fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) u, fejn ikun il-każ, (b);

(b) proporzjonalità bejn l-irregolarità mwettqa jew suspettata u waħda jew oħra mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1), bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 5;

(ċ) non-diskriminazzjoni bejn l-operaturi.

2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni li jibdlu skond dan ir-Regolament tibqa’ konfidenzjali.

Dik l-informazzjoni ma tistax, b’mod partikolari, tintbagħat lil persuni oħra għajr dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Komunità li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li qed jipprovdiha ikun espressament hekk qabel.

Informazzjoni komunikata jew miksuba f’kull forma taħt dan ir-Regolament għandha tkun koperta mill-konfidenzjalita’ professjonali u protetta bl-istess mod kif informazzjoni simili hija protetta mill-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru li rċeviha u bid-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunita.

B’żieda, dik l-informazzjoni ma tistax tintuża’ għal skopijiet barra minn dawk li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament sakemm l-awtoritajiet li jipprovduha jkunu espressament qablu u sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorita li rċevitha ma tipprojbix dik il-komunikazzjoni jew l-użu.

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, id-dispożizzjonijiet relevanti stipulati fir-regoli ta’ l-assistenza komuni fi kwistjonijiet tad-dwana u ta’ l-agrikoltura għandhom japplikaw.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri kriminali u l-assistenza komuni fi kwistjonijiet kriminali bejn l-Istati Membri. M’għandhomx jipprevjenu l-użu, fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji jew ta’ proċeduri miġjuba sussegwentement minħabba nuqqas ta’ konformita’ mar-regolamenti agrikoli, ta’ l-informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament; fil-każ ta’ l-aħħar l-awtorita kompetenti ta’ l-Istat Membru li tipprovdi dik l-informazzjoni għandha tkun notifikata b’dak l-użu.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu huma applikati b’tali mod li ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ l-operaturi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b).

Jekk il-liġijiet nazzjonali jipprovdu għall-konfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ġudizzjarji, il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni li għaliha jipprovdi dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għall-awtoriżżazzjoni mill-awtorita’ ġudizzjarja kompetenti. L-awtorita amministrattiva kompetenti għandha tassigura awtoriżżazzjoni bħal dik ma’ l-ewwel opportunita.

L-Artikolu 5

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70. Għandhom jikkonċernaw, fost ħwejjeġ oħra:

- in-notifikazzjonijiet li għandhom isiru mill-Istati Membri;

- in-natura tal-konnessjonijiet bejn il-persuni naturali jew ġuridiċi differenti li jistgħu jirriżultaw li jkunu meqjusa operaturi skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament;

- il-kondizzjonijiet li taħthom l-operaturi jistgħu jevitaw is-sospensjoni tal-ħlasijiet kif imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) billi tkun depożitata garanzija.

L-Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jkun supplimentari għad-dispożizzjonijiet speċifiċi taħt il-CAP.

L-Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tippresenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-6 ta’ Lulju 1997 rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba, għandha tipproponi l-emendi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-arranġamenti mdaħħla minn dan ir-Regolament.

L-Artikolu 8

Dan ir-Regolamet għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Ġunju 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

Ph. Vasseur

[1] ĠU C 151, tat-2.6.1994, p. 13.

[2] ĠU C 56, tas-6.3.1995, p. 175.

[3] ĠU C 393, tal-31.12.1994, p. 81.

[4] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13. Ir. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1287/95 (ĠU L 125 tat-8.6.1995, p. 1.

[5] ĠU L 67, ta’ l-14.3.1991, p. 11.

[6] ĠU C 216, tas-6.8.1994, p. 11.

--------------------------------------------------