31995R1429



Official Journal L 141 , 24/06/1995 P. 0028 - 0031


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/95

tat-23 ta’ Ġunju 1995

dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti proċessati mill-frott u l-ħaxix ta’ l-ikel barra dawk mogħtija għal zokkor miżjud

IK-KUMMISSJON TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 426/86 ta’ l-24 ta’ Frar 1986 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħaxix [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1032/95 [2], u, b’mod partikolari l-Artikoli 13(8), 14(5) u 14a(7) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti trasitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġu implimentati l-ftehim konklużi matul l-Uruguay Round tan-negozjati kummerċjali multilaterali [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 jimponi l-ħtieġa ta’ liċenza ta’ esportazzjoni għall-għoti ta’ rifużjonijiet;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3719/88 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1199/95 [5], jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzi ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 836/95 [7], jistabbilixxi nomenklatura tal-prodotti agrikolu għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87 [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 331/95 [9], jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli; billi dawn ir-regoli dettaljati għandhom jiġu supplimentati b’regoli speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti pproċessati mill-frott u l-ħaxix;

Billi, skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86, ir-rifużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti billi jiġi meħud kont mistħoqq tal-limiti li jirriżultaw minn ftehim konklużi skond l-Artikolu 228 tat-Trattat;

Billi l-Kummissjoni għandha tiffissa ir-rati tar-rifużjonijiet u l-kwantitajiet massimi eliġibbli għal rifużjonijiet; billi dawn l-ammonti u l-kwantitajiet għandhom jiġu fissati għal kull perijodu ta’ allokazzjoni tal-liċenzi ta’ esportazzjoni; billi jistgħu jiġu riveduti fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi ekonomiċi;

Billi, sabiex jiġi assigurat illi l-kwantitajiet għall-esportazzjoni jistgħu jiġu amministrati bil-preċiż ħafna, il-liċenzi ta’ l-esportazzjoni għandhom jeħtieġu li r-rifużjonijiet jiġu ffissati bil-quddiem; billi għandu jitħalla żmien għal kunsiderazzjoni qabel ma jinħarġu l-liċenzji u għandhom jiġu provvduti dettalji li jikkonċernaw id-data li għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni u l-forma li din in-notifika għandu jkollha;

Billi l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet responsabbli sabiex joħorġu l-liċenzi;

Billi l-ħruġ tal-liċenzi għandu wkoll ikun soġġett għad-depożitu ta’ garanzija u għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni illi l-prodotti huma riżultat minn frott u ħaxix miġbura fil-Komunità;

Billi, fil-limiti ta’ tolleranza, il-kwantità esportata li fir-rigward tagħha jistgħu jitħallsu rifużjonijiet ma tistax teċċedi l-kwantità li għaliha tkun saret l-applikazzjoni għall-liċenza;

Billi l-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-liċenzi;

Billi l-Kumitat amministrattiv tal-Prodotti Proċessati mill-Frott u l-Ħaxix ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Ir-rati ta’ rifużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 għal prodotti li għalihom jingħataw rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħaxix għandhom jiġi stabbilit fl-istess żmien bħall-kwantitajiet li għalihom jistgħu jinħarġu liċenzji bl-ifissar bil-quddiem ta’ rifużjonijiet.

2. Ir-rati u l-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ffissati għal kull perijodu ta’ allokazzjoni tal-liċenzi.

3. Meta neċessarju, il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu riveduti fuq il-bażi ta’ xejriet fil-produzzjoni Komunitarja u l-prospett ta’ l-esportazzjonijiet.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-aġenzija jew l-aġenziji responsabbli mill-ħruġ tal-liċenzi ta’ esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 3

1. L-esportaturi għandhom japplikaw għall-liċenzi bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri bl-iskop li tiġi konċessa rifużjonijiet bir-rata fis-seħħ fid-data tas-sotomissjoni ta’ l-applikazzjoni.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzi għandhom ikollhom magħhom:

- id-depożitu ta’ garanzija ugwali għal nofs l-ammont tar-rifużjoni fis-seħħ għall-esportazzjoni in kwistjoni fid-data ta’ l-applikazzjoni,

- dikjarazzjoni li l-prodotti li għandhom jiġu esportati huma r-riżultat minn frott jew ħaxix miġbura fil-Komunità.

2. L-applikazzjonijiet għal-liċenzi u l-liċenzi għandu jkollhom fil-kaxxa 16 il-kodiċi tal-prodott ta’ ħdax-il ċifra tal-prodott agrikolu tan-nomenklatura għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mogħtija bir-Regolament (KEE) Nru 3846/87.

Ma’ l-applikazzjoni dan il-kodiċi jista jiġi sostitwit wara li l-liċenza tkun inħarġet minn ħaddieħor sakemm ir-rata ta’ rifużjoni applikabbli tkun l-istess u l-kodiċi ikun dak ta’ prodott fl-istess kategorija.

L-espressjoni "Kategorija", fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13a tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, għandha tfisser il-klassijiet ta’ prodotti li ġejjin:

- il-għeneb imnixxef li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nru 080620,

- iċ-ċirasa ppreservata proviżżorjament li tidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nru 081210,

- it-tadam imħejji jew ippreservat b’mod ieħor għajr bil-ħall jew l-aċidu aċetiku li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nru 200210,

- il-frott ippreservat biz-zokkor li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nru 2006,

- frott bil-qoxra, barra l-karawett, ippreparat, li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nru 200819,

- il-meraq tal-larinġ li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nri 200911 u 200919, b’kontenut ta’ zokkor ta’ 10oBrix jew iktar, imma inqas minn 22oBrix,

- il-meraq tal-larinġ li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nri 200911 u 200919, b’kontenut ta’ zokkor ta’ 22oBrix jew iktar, imma inqas minn 33oBrix,

- il-meraq tal-larinġ li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin Nri 200911 u 200919, b’kontenut ta’ zokkor ta’ 33oBrix jew iktar, imma inqas minn 44oBrix,

- il-meraq tal-larinġ li jidħol fil-kodiċi tan-NK bil-Nri 200911 u 200919, b’kontenut ta’ zokkor ta’ 44oBrix jew iktar, imma inqas minn 55oBrix,

- il-meraq tal-larinġ li jidħol fil-kodiċi tan-NK bin-Nri 200911 u 200919, b’kontenut ta’ zokkor ta’ 55oBrix jew iktar.

3. Waħda mill-iskrizzjonijiet li ġejjin għandha ssir fil-kaxxa 22 tal-liċenza:

- Restitución válida para … (cantidad por la que se haya expedido el certificado) como máximo

- Restitutionen omfatter højst … (den mængde, licensen er udstedt for)

- Erstattung gültig für höchstens … (Menge, für die die Lizenz erteilt wurde)

- Επιστροφή που ισχύει για … (ποσότητα για την οποία εκδίδεται το πιστοποιητικό) κατ' ανώτατο όριο

- Refund valid for not more than … (quantity for which licence issued)

- Restitution valable pour … (quantité pour laquelle le certificat est délivré) au maximum

- Restituzione valida al massimo per … (quantitativo per il quale è rilasciato il titolo)

- Restitutie voor ten hoogste … (hoeveelheid waarvoor het certificaat is afgegeven)

- Restituição válida para … (quantidade em relação à qual é emitido o certificado), no máximo

- Vientituki voimassa enintään … (määrä, jolle todistus on annettu) osalta

- Bidrag som gäller för högst … (kvantitet för vilken licensen skall utfärdas).

L-Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, għal kull jum ta’ wara d-depożitu ta’ l-applikazzjonijiet, jekk il-kwantitajiet totali li saret applikazzjoni għalihom skond l-Artikolu 3 f’kull kategorija ta’ prodott kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) jeċċedux il-kwantità msemmija fl-Artikolu 1,

- bit-tnaqqis tal-kwantitajiet li għalihom ikunu ħarġu liċenzi bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjonijiet matul il-perijodu kurrenti tal-ħruġ, imma ma jinkludix il-liċenzi maħruġa għall-għajnuna għall-ikel kif previst fl-Artikolu 10(4) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul l-Uruguay Round tan-negozjati kummerċjali multilaterali,

- bit-tnaqqis tal-kwantitajiet li għalihom ikunu ġew konċessi rifużjonijiet mingħajr liċenza skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2a tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87, skond l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni,

- biż-żieda tal-kwantitajiet previsti fl-Artikolu 5,

- biż-żieda ta’ kull kwantita koperta bl-applikazzjonijiet irtirati skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu,

- biż-żieda ta’ kull kwantità li għaliha tkun ħarġet liċenza iżda li ma tkunx ġiet użata,

- biż-żieda ta’ kull kwantità mhux użata fil-kwadru ta’ tolleranza previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88.

Jekk jeċċedu il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi perċentwali ta’ tnaqqis jew tiddeċiedi li tirrifjuta l-applikazzjonijiet.

2. Il-liċenzi ta’ esportazzjoni għandhom jinħarġu fil-ħames jum utli wara l-jum li fih tkun ġiet depożitata l-applikazzjoni, sakemm ebda miżuri speċifiċi kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunu ttieħdu sadanittant.

3. Il-liċenzi għandhom ikunu validi għal ħames xhur mid-data tal-ħruġ tagħhom.

4. Meta tnaqqis ta’ perċentwali hu ffissat skond il-paragrafu 1, l-applikazzjonijiet għal-liċenza jistgħu jiġu rtirati fi żmien 10 ijiem utli mid-data tal-pubblikazzjoni tal-perċentwali tat-tnaqqis. Dan l-irtirar għandu ifisser li l-garanzija tkun meħlusa. Il-garanzija għandha wkoll tiġi meħlusa meta l-applikazzjonijiet jiġu rifjutati.

5. Il-kwantitajiet esportati fil-limiti tat-tolleranza prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88 ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-ħlas ta’ rifużjoni.

L-Artikolu 5

Mat-tmiem ta’ kull perijodu ta’ allokazzjoni tal-liċenzi kif imsemmi fl-Artikolu 1, il-kwantitajiet mhux użati tal-prodotti kollha għandhom jingħaddu fejn neċessarju ma’ dawk stabbiliti għall-perijodu ta’ wara, a proporzjon tal-kwantitajiet u/jew l-ispiża inizjalment iffissata għal kull prodott, u fil-limiti li jirriżultaw mill-ftehim konklużi skond l-Artikolu 228 tat-Trattat.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jinnotiofikaw lill-Kummissjoni bil-fax, skond il-mudell fl-Anness, sa mhux iktar tard minn nofs in-nhar (ħin ta’ Brussel) nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis ta’ kull ġimgħa, bl-informazzjoni li tirrigwarda, għal kull jum utli, għal kull kategorija ta’ prodott u għal kull destinazzjoni:

- il-kwantitajiet li għalihom tkun saret applikazzjoni għall-liċenzi, bl-ifissar tar-rifużjonijiet bil-quddiem jew mingħajru jew, meta applikabbli, in-nuqqas ta’ applikazzjonijiet,

- kull kwantità li għaliha jkunu ġew konċessi rifużjonijiet mingħajr liċenza skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2a tar-Regolament (KEE) Nru 3665/87,

- kull kwantità koperta bl-applikazzjonijiet irtirati skond l-Artikolu 4(4),

- kull kwantità li għaliha jkunu ħarġu liċenzi imma ma jkunux intużaw,

- kull kwantità mhux użata fil-limiti tat-tolleranza prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88,

għall-perijodu sal jum utli li jippreċedi l-jum tan-notifika.

Il-kwantitajiet għandhom jiġu mqassma skond jekk jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna għall-ikel previst fl-Artikolu 10(4) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul l-Uruguay Round tan-negozjati kummerċjali multilaterali.

L-Artikolu 7

Il-konċessjoni ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 14a(2) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 għandha tipprekludi l-konċessjoni ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 14a(4) tar-Regolament (KEE) Nru 426/86 u viċe versa.

L-Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 1995.

Madankollu, l-Artikolu 6 għandu japplika mid-29 ta’ Ġunju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Ġunju 1995.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 49, tas-27.2.1986, p. 1.

[2] ĠU L 105, tad-9.5.1995, p. 3.

[3] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 105.

[4] ĠU L 331, tat-2.12.1988. p. 1.

[5] ĠU L 119, tat-30.5.1995, p.4.

[6] ĠU L 366, ta’ l-24.12.1987, p. 1.

[7] ĠU L 88, ta’ l-20.4.1995, p. 1.

[8] ĠU L 351, ta’ l-14.12.1987, p.1.

[9] ĠU L 38, tat-18.2.1995, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

FORMOLA GĦAN-NOTIFIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI KIF IPPROVOUT FL-ARTIKOLU 6 TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1429/95

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------