31995R1149



Official Journal L 116 , 23/05/1995 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1149/95

tat-22 ta' Mejju 1995

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1222/94 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema ta' l-għotja ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli esportati fil-għamla ta' oġġetti mhux koperti bl-Anness II mat-Trattat, u l-kriterji sabiex jiġu ffissati l-ammonti ta' dawn ir-rifużjonijiet u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3223/93 dwar it-tagħrif statistiku li għandu x'jaqsam mal-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli esportati fil-għamla ta' oġġetti koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3035/80

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali li japplikaw għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-proċessar tal-prodotti agrikoli [1] u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 804/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u fil-prodotti mill-ħalib [2], kif emendat bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja u r-Regolament (KE) Nru 3290/94 [3], jipprovdi fil-paragrafi 10, 11 u 12 ta' l-Artikolu 17 il-qafas tal-kondizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti qabel ma tiġi konċessa rifużjoni rigward ċerti prodotti mill-ħalib li jkunu ġew importati imbagħad esportati mill-ġdid fil-għamla ta' ċerti oġġetti mhux elenkati fl-Anness II mat-Trattat;

Billi huwa meħtieġ li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1222/94 tat-30 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-konċessjoni tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli fil-għamla ta' oġġetti mhux koperti bl-Anness II mat-Trattat, u l-kriterji sabiex jiġi ffissat l-ammont ta' dawn ir-rifużjonijiet [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 482/95 [5], sabiex jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-kwantitajiet miżjuda ta' ċerti prodotti mill-ħalib importati skond arranġamenti speċjali minn pajjiżi terzi b'tariffa mnaqqsa u l-possibbiltà konsegwenti tal-konċessjoni ta' rifużjoni iktar għolja minn din it-tariffa mnaqqsa;

Billi sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament huwa meħtieġ illi jiġi pprovvdut it-tagħrif mill-Istati Membri;

Billi l-miżuri pprovvduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-kwistjonijiet orizzontali li jirrigwardaw il-kummerċ fil-prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness II mat- Trattat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

"L-Artikolu 7a

1. Skond l-Artikolu 7, għall- oġġetti illi jidħlu fil-kodiċi tan-NM minn 18069060 sa 18069090, il-kodiċi tan-NM 1901 u l-kodiċi tan-NM 21069098 li jkun fihom perċentwal għoli ta' prodotti mill-ħalib li jidħlu fil-kodiċi tan-NM 04021019, 04022119, 040500 u l-kodiċi tan-NM 0406, minn issa' l quddiem riferiti bħala prodotti mill-ħalib, il-parti interessata trid tiddikjara wkoll dan li ġej:

(a) jew illi l-ebda waħda mill-kwantitajiet tal-prodotti mill-ħalib ma tkun ġiet importata minn pajjiżi terzi skond l-arranġamenti speċjali li jipprovdu għal tariffa mnaqqsa; jew

(b) il-kwantitajiet tal-prodotti mill-ħalib importati minn pajjiżi terzi skond l-arranġamenti speċjali li jipprovdu tariffa mnaqqsa.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1 it-terminu "li jkun fihom perċentwal għoli" għandu jfisser 67 kilogramma jew iktar ta' prodotti mill-ħalib użati għal kull 100 kilogramma ta' oġġetti esportati.

3. Meta ssir talba għall-kwantitajiet li jridu jiġu stabbili skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' taċċetta attestat mill-parti interessata illi l-kwantitajiet tal-prodotti mill-ħalib li jridu jintużaw ma jkunux ibbenefikaw mill-arranġamenti speċjali li jipprovdu tariffa mnaqqsa fiż-żmien ta' l-importazzjoni.

4. Id-dikjarazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 jew l-attestat magħmul skond il-paragrafu 3 jistgħu jiġu aċċettati mill-awtorità kompetenti meta din tkun tinsab sodisfatta illi l-prezz imħallas għall-prodott mill-ħalib inkorporat fl-oġġetti esportati huwa l-istess prezz prevalenti fis-suq Komunitarju għal prodott ekwivalenti jew qrib tiegħu. Meta jsir paragun bejn il-prezzijiet għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni ż-żmien meta kien mixtri l-prodott mill-ħalib.

5. Meta jkunu ġew użati kwantitajiet li jkunu bbenefikaw mill-arranġamenti speċjali li jipprovdu tariffa mnaqqsa, ir-rifużjoni għandha tiġi kkalkolata skond l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68."

Artikolu 2

L-inċiż li ġej jiġi miżjud mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3223/93 [6] l-Artikolu 3:

"— f'relazzjoni ma'l-Artikolu 7a (1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1222/94 [7]:

(a) il-volum ta' l-esportazzjonijiet ta' l-oġġetti li jkunu rċevew rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fix- xahar ta' qabel, espress f'tunnellati metriċi; u

(b) l-ammont tar-rifużonijiet konċessi fix-xahar ta' qabel u l-kwantitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-prodotti fil-kodiċijiet tan-NM 04021019, 04022119, u 0405 li kienu bla ħsara għall- arranġamenti speċjali fiż-żmien ta' l-importazzjoni."

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 Lulju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Mejju 1995.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] Ġu Nru L 318. ta' l-20.12.1993, p. 18.

[2] Ġu Nru L148, tat-28.6.1968, p. 13

[3] Ġu Nru L 349, tal-31.12.1994, p. 105

[4] Ġu Nru L 136, tal-31.51.1994, p. 5.

[5] Ġu Nru L 49, ta' l-4.3.1995, p. 32

[6] Ġu Nru L 292, tas-26.11.1993, p. 10.

[7] ĠU L 136, tal-31.5.1994, p. 5.

--------------------------------------------------