31995R0785



Official Journal L 079 , 07/04/1995 P. 0005 - 0011


Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 785/95

tas-6 ta’April 1995

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-għalf imnixxef

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95 tal-21 ta’ Frar 1995 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-għalf niexef [1], u inpartikolari l-Artikolu 18 ta’ l-istess Regolament,

Billi, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tas-sistema ta’ l-għajnuna għall-għalf imnixxef ċerti kunċetti għandhom jiġu definiti;

Billi, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pagament doppju, huwa xieraq illi jiġu esklużi il-prodotti kollha illi jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ raba’ maħrut elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92 [2], kif l-aħħar emendat permezz ta’ l-Att ta’ Sħubija ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, bl-eċċezzjoni tal-lupini ħelwin saż-żmien tal-fjoritura, mill-ambitu ta’ l-għajnuna għall-għalf imnixxef;

Billi, wara li kkunsidrat il-kriterji stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, il-kwalità minima għall-prodotti inkwistjoni, espressa f’termini ta’ rtuba u kontenut proteiniku, għandha tiġi stipulata; billi, tenut kont tal-prattiki tal-kummerċ, il-kontenut ta’ rtuba għandu jiġi differenzjat skond ċerti proċessi produttivi;

Billi l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 jistipula illi l-Istati Membri għandhom imexxu stħarriġ sabiex jivverifikaw jekk l-intrapriżi u x-xerrejja ta’ l-għalf għat-tnixxif jissodisfawx il-kondizzjonijiet stipulati f’ dak ir-Regolament; billi, sabiex tali kontrolli jiġu ffaċilitati u sabiex jiġi żgurat illi jiġu mwettqin il-kondizzjonijiet għall-eliġibilità għall-għajnuna, intrapriżi illi jipproċessaw u x-xerrejja ta’ l-għalf għat-tnixxif għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta’ approvazzjoni; billi, għall-istess għan, id-dettalji illi għandhom jiġu inklużi fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna, inventarji tal-ħażniet u dikjarazzjonijiet ta’ konsenja ta’ intrapriżi ta’ l-ipproċessar għandhom jiġu speċifikati; billi d-dokumenti akkompanjanti l-oħra illi għandhom jiġu pprovduti għandhom jiġu speċifikati;

Billi, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi fis-sistema ta’ l-għajnuna, il-proċeduri ta’ pagament għandhom jiġu definiti;

Billi, sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq ta’ għalf għall-ipproċessar u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiġu mqegħdin f’pożizzjoni illi fiha jkunu jistgħu jwettqu l-kontrolli għall-ivverifikar ta’ l-intitolament għall-għajnuna, il-kuntratti bejn l-intrapriżi illi jipproċessaw u l-bdiewa għandhom jiġu konklużi qabel il-konsenja tal-materjali mhux maħduma u ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti qabel ċerta data sabiex jiġu mqiegħda f’pożizzjoni illi jkunu jafu l-volum mistenni tal-produzzjoni; billi, għal dak il-għan, il-kuntratti għandhom ikunu bil-kitba, jindikaw id-data tal-konklużjoni, il-perjodu tal-validità, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet kontrattanti u n-natura tal-prodotti illi għandhom jiġu pproċessati u għandhom jidentifikaw il-ġonta raba’ li fuqha l-għalf illi sejjer jiġi pproċessat ikun ġie mkabbar;

Billi fejn ma jkunx hemm kuntratti ta’ dan it-tip, dikjarazzjonijiet ta’ konsenja, bla ħsara għall-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti, għandhom jiġu mfassla mill-intrapriża illi sejra tipproċessa;

Billi, sabiex jiġi vverifikat illi l-kwantitajiet ta’ materjali mhux maħduma kkonsenjati lil intrapriżi jaqblu mal-kwantitajiet ta’ għalf niexef illi fil-fatt jinħadem, l-imsemmijin intrapriżi għandhom jiżnu l-għalf kollu illi jkun għall-ipproċessar u jiddeterminaw il-kontenut ta’ rtuba;

Billi, sabiex tiġi permessa l-verifika effettiva tad-dritt għall-għajnuna, tenut kont tal-livelli differenti ta’ l-għajnuna pprovduta għall-għalf imnixxef artifiċjalment u għal għalf imnixxef fix-xemx, huwa neċessarju illi l-intrapriżi għall-ipproċessar jimmanifatturaw u jaħżnu il-prodotti differenti f’postijiet separati;

Billi kontrolli rigorużi għandu jitwettaq sabiex tiġi żgurata l-konformità mall-ħtiġiet ta’ kwalità għall-għalf imnixxef ibbażati fuq kampjunar ta’ prodotti lesti illi sejrin jitliqu mill-intrapriża; billi, fejn dawk il-prodotti jkunu mħalltin ma’ materjali oħrajn, il-kampjuni għandhom jittieħdu qabel it-taħlit;

Billi ir-Regolament (KE) Nru 603/95 jipprovdi għal serje ta’ kontrolli illi għandhom jitmexxew fkull stadju tal-proċess tal-produzzjoni, konnnessi fost affarijiet oħra ma’ verifikazzjonijiet integrati u sistemi ta’ l-immaniġġjar; billi, għaldaqstant, kontrolli dwar l-identifikazzjoni tal-ġonot tar-raba’ kkonċernati għandhom jiġu kkoordinati ma’ l-istħarriġ imwettaq taħt dik is-sistema;

Billi, sabiex jiġi żgurat l-immaniġġjar effiċjenti tas-suq għall-għalf imnixxef, il-Kummissjoni għandha tirċievi ċerta informazzjoni fuq bażi regolari;

Billi, sabiex jiġi żgurat it-twettiq stipulat fir-regoli relevanti, u partikolarment rigward l-eliġibilità għall-għajnuna, pieni għandhom jiġu stipulati sabiex kull ksur jiġi prevenut;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1528/78 [3], kif ġie l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1069/93 [4] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2743/78 [5] għandhom jiġu sostitwiti b’dan ir-Regolament; billi jiġu hekk imħassra;

Billi r-Regolament (KE) Nru 603/95 japplika mill-1 ta’ April 1995, id-data li fiha tibda s-sena tas-suq 1995/96; billi dan ir-Regolament għandu għaldaqstant jibda japplika mill-istess ġurnata;

Billi il-Kumitat Konġunt għall-Immaniġġjar taċ-Ċereali, iż-Żjut, ix-Xaħmijiet u l-Għalf Imnixxef ma ppreżentax opinjoni fit-terminu taż-żmien mogħti lilu mill-president,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula ir-Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-għalf niexef kif provduti mir-Regolament (KE) Nru 603/95.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. "għalf imnixxef" li jfisser il-prodotti illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, b’distinzjoni illi għandha issir bejn:

(a) "għalf deidratat" li jfisser il-prodotti illi jagħmlu referenza għalihom l-ewwel u t-tielet daħliet ta’ l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KE) Nru 603/95, imnixxef artifiċjalment bis-sħana, bl-eċċezzjoni tal-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 1765/92 u għall-prodotti tal-mergħa tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-lupini ħelwin sa l-istadju tal-iffjoritura;

(b) "għalf imnixxef fix-xemx" li jfisser il-prodotti illi jagħmlu referenza għalihom it-tieni u ir-raba daħliet ta’ l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KE) Nru 603/95, mill-bqija mnixxfin u mitħuna;

(ċ) "konċentrati ta’ proteini" li tfisser il-prodotti illi tagħmel referenza għalihom l-ewwel daħla ta’ l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 603/95;

(d) "prodotti deidratati" li tfisser il-prodotti illi tagħmel referenza għalihom it-tieni daħla ta’ l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (KE) Nru 603/95;

2. "intrapriża ta’ l-ipproċessar" tfisser kull intrapriża ta’ l-ipproċessar illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, debitament approvata mill-Istat Membru fejn tkun tinstab, fejn:

(a) jew l-għalf frisk ikun ġie deidratat permezz ta’ strument għat-tnixxif illi jissoddisfa il-ħtiġiet segwenti:

- temperatura ta’ l-arja fil-punt tad-dħul ta’ mhux inqas minn 93 °C,

- il-proċess ta’ deidratazzjoni ta’ l-għalf ma jeċċedix it-tliet sigħat,

- fil-każ tat-tnixxif fi strati ta’ l-għalf, il-fond tal-qiegħa ta’ kull strat ma tkunx iżjed minn metru;

(b) jew l-għalf imnixxef fix-xemx ikun ġie mitħun;

(ċ) jew konċentrati ta’ proteini jkunu ġew manifatturati;

3. "xerrej ta’ l-għalf għat-tnixxif u għat-tħin" ifisser persuna fiżika jew legali illi tagħmel referenza għaliha it-tielet daħla ta’ l-Artikolu 9(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 603/95, debitament approvata mill-Istati Membri fejn din tkun imwaqqfa, illi tixtri għalf frisk mill-produtturi sabiex jiġi kkonsenjat lill-intrapriża ta’ l-ipproċessar;

4. "lott" ifisser kwantità speċifika ta’ għalf ta’ kwalità uniformi inrigward għall-kompożizzjoni, il-kontenut ta’ rtuba u l-kontenut proteiniku, li jkun qiegħed iħalli l-intrapriża ta’ l-ipproċessar fl-istess ħin.

L-Artikolu 3

1. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, sabiex jinkiseb l-intitolament għall-għajnuna illi jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, il-prodotti illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 2(1) għandhom jittieħdu bħala illi ħallew l-intrapriża ta’ l-ipproċessar fejn:

(a) jitliqu fi stat mhux mibdul:

- il-preċinti ta’ l-intrapriża ta’ l-ipproċessar,

- fejn l-għalf imnixxef ma jistax jiġi maħżun f’dawk il-preċinti, kull post ta’ ħażna barra minnhom illi joffri salvagwardji adegwati għall-għanijiet ta’ l-iċċekkjar illi l-għalf maħżun u illi jkun ġie preċedentement approvat mill-awtorità kompetenti,

- fil-każ ta’ apparat mobbli ta’ tnixxif, l-apparat illi fih id-deidratazzjoni titwettaq u, jekk l-għalf deidratat jiġi maħżun mill-persuna illi tkun nixxfitu, kull lok ta’ ħażna illi jissoddisfa il-kondizzjonijiet tat-tieni daħla; jew

(b) iħallu l-preċinti jew kull lok ta’ ħażna illi issir referenza għalih f’(a) wara li jkun ġie mħallat fl-intrapriża ta’ l-ipproċessar bil-materjali mhux maħduma, oltre dawk speċifikati minn l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 u dawk użati għall-illegar, invista tal-produzzjoni ta’ oġġetti komposti ta’ l-ikel u, fil-mument meta jħallu l-intrapriża ta’ l-ipproċessar, ikunu ta’ kwalità merkantabbli tajba u ġusta illi tissodisfa l-ħtiġiet sabiex jiġu mqiegħda fis-suq bħala ikel u li jkollhom is-segwenti karatteristiċi:

(i) kontenut ta’ rtuba massima:

- 12 % għall-għalf imnixxef fix-xemx, għalf deidratat illi jkun għadda minn proċess ta’ tħin, konċentrati ta’ proteini u prodotti deidratati,

- 14 % għal għalf deidratat ieħor;

(ii) kontenut minimu ta’ proteina kruda meta mqabbla mal-materjal niexef:

- 15 % għal għalf deidratat, għalf imnixxef fix-xemx u prodotti deidratati,

- 45 % għal konċentrati ta’ proteini.

2. Għalf imnixxef illi jkun ħalla l-intrapriża ta’ l-ipproċessar ma jistax jiġi riammess fil-preċinti ta’ l-istess intrapriża jew f’kull intrapriża oħra jew f’kull post ta’ ħażna illi jagħmel referenza għaliha il-paragrafu 1(a).

Madankollu, waqt is-sena tas-suq 1995/96, l-għalf imnixxef illi jitlaq minn intrapriża jista’ jiġi ammess f’intrapriża oħra bil-kundizzjoni illi l-operazzjoni jseħħ taħt is-superviżjoni ta’, u skond il-kondizzjonijiet iffissati minn, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati.

L-Artikolu 4

1. Għall-għanijiet ta’ l-approvazzjoni illi jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 2(2), l-intrapriża ta’ l-ipproċessar:

(a) għandha tkun fil-pussess ta’ apparat tekniku rikjest sabiex jitwettqu l-operazzjonijiet illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 2(2)(a), (b) jew (ċ);

(b) għandhom ikunu konformi mal-:

- kondizzjonijiet stipulati mir-Regolament (KE) Nru 603/95,

- kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

L-intrapriża ta’ l-ipproċessar sejjer ikollha l-approvazzjoni tagħha rtirata għal perjodu mhux speċifikat mill-awtorità kompetenti, inproporzjoni mal-gravità ta’ l-infrazzjonijiet misjuba, jekk mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet illi issir referenza għalihom f’(a) u (b) ta’ l-ewwel subparagrafu ma tibqax rispettata.

2. Għall-għanijiet ta’ l-approvazzjoni illi jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 2(3), xerrej ta’ l-għalf għat-tnixxif u għat-tħin għandu:

- jissottometti ma’ l-awtorità kompetenti, mhux iktar tard mid-data stipulata minn l-Artikolu 8(5), il-kuntratti konklużi mal-produtturi flimkien ma’ lista tal-ġonot tar-raba’ kkonċernati,

- iżomm reġistru tal-prodotti inkwistjoni, illi juri għallinqas ix-xiri u il-bejgħ ta’ kuljum ta’ kull prodott u, inrigward għal kull lott, il-kwantità involuta, referenza għall-kuntratt mal-produttur illi jkun għadda l-prodott, u, fejn applikabbli, l-intrapriża ta’ l-ipproċessar illi għaliha l-prodott ikun maħsub,

- iżomm il-kontabilità finanzjarja disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti,

- jiffaċilita l-proċeduri ta’ verifikazzjoni.

Xerrej ta’ l-għalf għat-tnixxif u titħin sejjer ikollu l-approvazzjoni rtirata għal perjodu illi għandu jiġi speċifikat mill-awtorità kompetenti, inproporzjon mal-gravità ta’ l-infrazzjonijiet misjuba, jekk mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet illi jagħmel referenza għalihom l-ewwel subparagrafu ma tkunx iktar rispettata.

L-Artikolu 5

1. Sabiex tikkwalifika għall-għajnuna illi jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna fi żmien ta’ 45 jum wara x-xahar illi waqtu il-għalf niexef ikun ħalla l-intrapriża.

Madankollu, l-ebda applikazzjoni għall-għajnuna għas-sena tas-suq ma tista’ tiġi sottomessa wara l-15 ta’ April wara t-tmiem tas-sena tas-suq inkwistjoni.

Barra mill-każijiet ta’ forza maġġuri, sottomissjoni tardiva ta’ applikazzjoni tirriżulta f’riduzzjoni ta’ l-1 % għal kull jum utli ta’ l-ammont kopert mill-applikazzjoni illi permezz tagħha l-intrapriża kienet tkun intitolata kieku l-applikazzjoni kienet ġiet sottomessa fil-ħin. L-applikazzjonijiet sottomessi iktar minn 20 jum tard ma jiġux aċċettati.

2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jikkontienu mill-inqas is-segwenti:

- l-isem, il-kunjom, l-indirizz u il-firma ta’ l-applikant,

- il-partikolari tal-kwantitajiet illi għalihom l-applikazzjoni għall-għajnuna tkun ġiet magħmula, maqsumin f’lottijiet,

- id-data illi fiha kull kwantità tkun telqet mill-intrapriża,

- indikazzjoni illi kampjuni jkunu ttieħdu minn kull lott, b’konformità ma’ l-Artikolu 11(3), fiż-żmien illi fih ikun telaq mill-intrapriża, flimkien ma l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-kampjuni.

3. L-għajnuna għal taħlitiet illi jikkontienu kemm għalf imnixxef kif ukoll materjali mhux maħduma illi ma jkunux dawk illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 u għal għalf illi jikkontieni materjal illi jillega għandha tiġi kkalkulata fuq bażi pro rata għall-kwantitajiet ta’għalf imnixxef li jkunu jinsabu f’dawk il-prodotti.

L-Artikolu 6

1. Il-pagament bil-quddiem li jipprovdi għalih l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 603/95 jitħallas darba meta l-awtorità kompetenti tkun aċċertat l-intitolar għall-għajnuna għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjoni għall-għajnuna u mhux iktar tard minn 90 jum wara d-data illi fiha l-applikazzjoni tkun ġiet sottomessa. Il-pagament bil-quddiem jitħallas lill-intrapriża ta’ l-ipproċessar għall-għalf imnixxef illi jkun telaq minnha f’dak ix-xahar.

2. Il-bilanċ illi jipprovdi għalih l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 603/95 jitħallas fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-ammont tal-bilanċ, ibbażati fuq il-komunikazzjonijiet irċevuti mill-Istati Membri illi jindikaw il-kwantità totali ta’ għalf imnixxef illi jikkwalifika għall-għajnuna waqt is-sena tas-suq inkwistjoni.

L-Artikolu 7

L-event operativ għar-rata ta’ konversjoni agrikola applikabbli għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 603/95 sejjer iseħħ fil-ġurnata illi fiha il-weraq ta’ l-għalf imnixxef jitilqu mill-intrapriża ta’ l-ipproċessar.

L-Artikolu 8

1. Barra mill-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, kull kuntratt illi jipprovdi għalih l-Artikolu 9(ċ) ta’ dak ir-Regolament għandu jinkludi, inpartikolari:

(a) l-ismijiet, il-kunjomijiet u l-indirizzi tal-partijiet kontraenti;

(b) id-data illi fiha jkun ġie konkluż;

(ċ) id-durata illi għaliha l-kuntratt ikun ġie konkluż;

(d) it-tip jew tip ta’ uċuħ illi bi ħsiebhom jiġu pproċessati u il-kwantità prevedibbli involuta;

(e) identifikazzjoni tal-ġonta jew ġonot tar-raba’ illi fuqhom l-għalf illi jkun bi ħsiebu jiġi pproċessat ikun ġie mkabbar, b’konformità mas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ġonot ipprovduta mis-sistema għall-immaniġġjar integrat u mis-sistemi ta’ verifika; u

(f) meta intrapriża ta’ l-ipproċessar tkun qiegħda taġixxi għal termini ta’ kuntratt ta’ l-ipproċessar kif ipprovdut mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 603/95 konkluż ma’ produttur indipendenti jew ma’ wieħed jew iktar mill-membri tagħha, il-kuntratt għandu ukoll jindika:

- il-prodott mitmum illi għandu jiġi kkonsenjat,

- l-ispejjeż illi għandhom jitħallsu mill-produttur.

2. Fil-każijiet fejn intrapriża tipproċessa il-produzzjoni tagħha stess jew, fil-każ ta’ grupp, dik tal-membri tiegħu, għandha tiġi mfassla dikjarazzjoni ta’ konsenja illi għandha tagħti mill-inqas is-segwenti informazzjoni:

- id-data tal-konsenja jew, meta approprjat, data indikativa jekk il-konsenja hija bi ħsiebha isseħħ wara d-data illi fiha id-dikjarazzjoni tkun ġiet sottomessa lill-awtorità kompetenti,

- il-kwantità ta’ għalf riċevut jew illi għandu jiġi riċevut,

- it-tip jew tipi ta’ uċuħ illi għandhom jiġu pproċessati,

- fejn applikabbli, l-isem u l-indirizz tal-membru tal-grupp illi jkun qiegħed jeffettwa il-konsenja, u

- l-identifikazzjoni tal-ġonta jew ġonot tar-raba’ illi fuqhom l-għalf illi għandu jiġi pproċessat ikun imkabbar, b’konformità mas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ ġonot tar-raba’ pprovduta mis-sistema għall-immaniġġjar integrat u mis-sistemi ta’ verifika.

3. Meta intrapriża tirċevi konsejna minn xerrej approvat, għandha tiġi mfassla dikjarazzjoni ta’ konsenja illi għandha tagħti mill-inqas is-segwenti informazzjoni:

- l-identità tax-xerrej approvat,

- id-data tal-kosenja jew, meta approprjat, data indikattiva jekk il-konsenja hija bi ħsiebha sseħħ wara d-data illi fiha id-dikjarazzjoni tkun ġiet sottomessa lill-awtorità kompetenti,

- il-kwantità ta’ l-għalf riċevut jew illi għandu jiġi riċevut, maqsum skond il-produtturi illi magħhom il-kuntratti jkunu ġew konklużi mix-xerrejja approvati, bl-ispeċifika tar-referenza tal-kuntratti,

- it-tip jew tipi ta’ uċuħ illi għandhom jiġu pproċessati,

- identifikazzjoni tal-ġonta jew ġonot tar-raba’ illi fuqhom l-għalf illi bi ħsiebu jiġi pproċessat ikun ġie mkabbar, b’konformità mas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ġonot tar-raba’ illi tipprovdi għaliha s-sistema għall-immaniġġjar integrat u għall-verifika.

4. Il-kuntratti illi jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 1 għandhom jiġu konklużi bil-miktub mill-inqas 15-il jum qabel id-data ta’ konsenja u mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju illi jiġi wara il-bidu tas-sena tas-suq inkwistjoni.

5. Mhux iktar tard mill-31 ta’ Awwissu illi jiġi wara l-bidu tas-sena tas-suq inkwistjoni, l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar għandhom jissottomettu lill-awtorità kompetenti kopja tal-kuntratti illi jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 1 u kopja tad-dikjarazzjonijiet ta’ konsenja illi jagħmlu referenza għalihom il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’ lista tal-pakketti kkonċernati.

Ħlief għall-każijiet ta’ forza maġġuri, is-sottomissjoni tardiva tal-fuq imsemmijin dokumenti tirriżulta f’riduzzjoni tal-1 % għal kull ġurnata utili mill-ammont totali ta’ għajnuna illi għalih l-intrapriża kienet tkun intitolata kieku kienet issottomettiethom fil-ħin. F’każijiet fejn it-tardivita teċċedi l-20 jum, l-intrapriżi sejrin jitilfu l-intitolar tagħhom għall-għajnuna.

L-Artikolu 9

L-intrapriżi ta’ l-ipproċessar sejrin jistabbilixxu, għall-għalf illi għandu jiġi deidratat u, fejn applikabbli, għall-għalf imnixxef fix-xemx ikkonsenjat lilhom għall-ipproċessar, il-kwantitajiet ikkonsenjati, ikkalkulati permezz ta’ użin sistematiku. Madankollu, din id-dispożizzjoni mhijiex sejra tapplika fejn l-għalf illi jkun ser jiġi deidratat ikun ipproċessat f’unità ta’ deidratazzjoni mobbli. F’dawn il-każijiet biss, il-kwantitajiet ikkonsenjati jistgħu jiġu stmati fuq bażi taż-żoni miżrugħa.

Il-kontenut medju ta’ rtuba tal-kwantitajiet ta’ l-għalf illi jkun sejjer jiġi deidratat, għandu jiġi mkejjel permezz tal-komparazzjoni tal-kwantitajiet użati u tal-kwantitajiet ta’ prodott imlesti ottenut.

L-Artikolu 10

Fil-każijiet fejn l-intrapriża twettaq il-manifattura, min-naħa waħda, ta’ għalf deidratat u/jew konċentrati ta’ proteina, u, min-naħa l-oħra, ta’ għalf imnixxef fix-xemx:

- l-għalf deidratat għandu jiġi mmanifatturat fil-lok jew f’postijiet separati minn fejn l-għalf imnixxef fix-xemx ikun qiegħed jiġi immanifatturat,

- prodotti ottenuti miż-żewġ operazzjonijiet ta’ manifattura għandhom jinħażnu f’postijiet differenti,

- huwa projbit it-taħlit ġewwa l-intrapriża ta’ prodott illi jkun jappartieni għal wieħed mill-gruppi ma’ prodott illi jkun jappartieni ghal grupp ieħor.

L-Artikolu 11

1. L-ikkampjunar u d-determinazzjoni tal-piż ta’ l-għalf imnixxef illi jagħmel referenza għalih l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 603/95 għandu jitwettaq mill-intrapriża ta’ l-ipproċessar meta l-għalf imnixxef jitlaq mill-intrapriża.

Madankollu, fejn l-għalf imnixxef jiġi mħallat fl-istabbiliment ta’ l-intrapriża li tkun qed tipproċessah, b’materjal mhux maħdum, minnbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95, l-ikkampjunar għandu jseħħ qabel ma jibda t-taħlit.

2. L-awtorità kompetenti tista’ tirrekjedi illi kull intrapriża ta’ l-ipproċessar ikollha tinnotifikaha almenu jumejn utili minn qabel kull darba illi l-weraq ta’ l-għalf imnixxef jitilqu mill-intrapriża jew jiġu mħallta, bi speċifika tad-dati u tal-kwantitajiet, sabiex l-awtorità titpoġġa f’pożizzjoni fejn tkun tista’ twettaq il-kontrolli neċessarji.

L-awtorità kompetenti għandha, b’mod regolari tieħu kampjuni inrigward ta’ almenu 5 % tal-volum ta’ għalf imnixxef illi jitlaq mill-intrapriża u ta’ almenu 5 % tal-volum ta’ għalf imnixxef illi jitħallat fl-istabbiliment ta’ l-intrapriża, b’materjal mhux maħdum, minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 f’kull sena tas-suq.

[6].

Fil-każijiet fejn numru kbir ta’ lottijiet ta’ l-istess kwalità f’dak li jirrigwarda l-komposizzjoni, il-kontenut ta’ l-irtuba u dak proteiniku, illi flimkien jiżnu 100 tunnellata jew inqas, li jitliqu mill-intrapriża jew huma mħalltin fl-istabbiliment tagħha, kampjun għandu jittieħed minn kull lott. Madankollu, l-analiżi għandha tittieħed fuq taħlita rappreżentativa ta’ dawn il-kampjuni.

L-Artikolu 12

1. Barra mid-dettalji illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 9(a) tar-Regolament (KE) Nru 603/95, il-kontabilità tal-ħażniet ta’ l-intrapriżi ta’ l-ipproċessar għandhom jinkludu għallinqas dettalji ta’:

- l-ispeċi illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 ta’ għalf illi għandu jiġi deidratat u, fejn applikabbli, għalf imnixxef fix-xemx illi jkun dieħel fl-intrapriża,

- l-irtuba ta’ l-għalf illi għandu jiġi deidratat,

- ir-referenzi fuq il-kuntratt u/jew dikjarazzjoni ta’ konsenja kif jipprovdi l-Artikolu 8,

- id-dati illi fihom l-għalf imnixxef ikun telaq mill-intrapriża, bi speċifika tal-kwantitajiet illi telqu kull ġurnata,

- il-ħażna ta’ għalf imnixxef fl-aħħar ta’ kull sena tas-suq.

2. L-intrapriżi ta’ l-ipproċessar sejrin iżommu kontabilità separata inrigward għall-għalf deidratat, għall-għalf imnixxef fix-xemx, għall-konċentrat ta’ proteini u prodotti deidratati.

3. Fil-każijiet fejn intrapriża ta’ l-ipproċessar, minbarra pproċessar, tnixxef jew tipproċessa prodotti illi ma jkunux l-għalf illi jagħmel referenza għalih l-Artikolu 2(1), din għandha żżomm kontabilità separata inrigward għal tali attivitajiet ta’ tnixxif u ta’ pproċessar oħrajn.

L-Artikolu 13

Ix-xiehda dokumentarja illi għandha tkun magħmula disponibbli mill-intrapriżi ta’ l-ipproċessar lill-awtorità kompetenti konsegwenti għat-talba ta’ din ta’ l-aħħar għandha tinkludi:

(a) fil-każ ta’ kull intrapriża ta’ l-ipproċessar:

- dettalji illi permezz tagħhom il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-impjant tista’ tiġi ddeterminata,

- dettalji dwar il-ħażniet ta’ karburanti miżmuma fl-impjant fil-bidu u fi tmiem il-produzzjoni,

- fatturi għax-xiri ta’ karburanti u l-qari tal-meter għall-konsum ta’ l-elettriċità waqt il-perjodu ta’ produzzjoni,

- dettalji dwar in-numru ta’ siegħat illi l-magni li jnixxfu u, fil-każ ta’ għalf imnixxef fix-xemx, il-magni tad-dħin kienu qegħdin jitħaddmu;

(b) fil-każ ta’ intrapriżi ta’ l-ipproċessar illi jbiegħu il-prodott tagħhom stess, il-fatturi inrigward il-bejgħ tagħhom ta’ għalf imnixxef, bid-dettalji, inpartikolari ta’:

- il-kwantità u l-għamla ta’ l-għalf mibjugħ,

- l-isem u l-indirizz tax-xerrej;

(ċ) fil-każ ta’ intrapriżi illi jipproċessaw l-għalf prodott mill-membri tagħhom u l-konsenja ta’ għalf niexef, l-ordnijiet għall-konsenja jew kull dokument ieħor aċċettabbli għall-awtorità kompetenti, bid-dettalji, inpartikolari ta’:

- il-kwantità u l-għamla ta’ l-għalf ikkonsenjat,

- l-ismijiet tal-persuni illi lilhom ikun ġie kkonsenjat l-għalf;

(d) fil-każ ta’ intrapriżi illi jkunu qegħdin jipproċessaw għall-bdiewa, l-għalf fornit minn u kkonsenjat lura lil dawk il-bdiewa, fatturi inrigward għall-ammonti mitluba għall-ipproċessar, b’dettalji inpartikolari ta’:

- il-kwantità u l-għamla ta’ l-għalf imnixxef prodott,

- l-ismijiet tal-bdiewa ikkonċernati.

L-Artikolu 14

1. L-awtoritajiet kompetenti sejrin iwettqu kontrolli trasversali fuq il-ġonot tar-raba’ illi jagħmlu referenza għalihom il-kuntratti u/jew id-dikjarazzjoniet u dawk dikjarati mill-produtturi fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna fiż-żona sabiex ma jitħallewx jingħataw għajnuniet mingħajr ġustifikazzjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jispezzjonaw ir-rekords ta’ ħażniet ta’ kull intrapriża approvata. Għandhom jitwettqu wkoll kontrolli sporadiċi fuq id-dokumenti finanzjari illi jiġu sottomessi rigward it-transazzjonijiet imwettqin minn dawn l-intrapriżi. Kull intrapriża sejra tiġi spezzjonata għal dan il-għan mill-inqas darba għal kull sena tas-suq.

Madankollu, fil-każ ta’ intrapriżi approvati ġodda, l-ispezzjoni sejra tkopri kull applikazzjoni sottomessa waqt l-ewwel sena ta’ operazzjoni.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom:

- jinvestigaw regolarment partikolarment il-kontabilità ta’ l-intrapriżi approvati,

- jagħmlu investigazzjonijiet regolari addizzjonali fuq dawk l-intrapriżi li jfornu l-materjal mhux maħdum u fuq l-operaturi illi lilhom l-għalf imnixxef ikun ġie fornit.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu anki jagħmlu investigazzjonijiet mingħajr pre-avviż ta’ l-istess tip ta’ dawn imsemmija hawn fuq.

4. L-applikazzjonijiet suġġetti għall-investigazzjonijiet fuq il-post sejrin jintagħżlu mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ analiżi tar-riskju u element ta’ rappreżentattività ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna sottomessi.

L-analiżi tar-riskju għandha tieħu inkonsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’:

- l-ammont ta’ għajnuna involuta,

- tibdil mis-sena preċedenti,

- ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet tas-snin preċedenti,

- fatturi oħrajn illi għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni:

(a) - fil-bidu ta’ kull trimestru, dwar il-kwantitajiet ta’ għalf imnixxef illi inrigward għalih l-applikazzjonijiet għall-għajnuna illi jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 ikunu ġew sottomessi waqt it-trimestru preċedenti, liema dettalji għandhom jiġu maqsuma skond ix-xhur illi fihom il-kwantitajiet ikkonċernati ikunu telqu mill-intrapriża,

- mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-kwantitajiet ta’ għalf imnixxef illi rigward tagħhom l-intitolar għall-għajnuna jkun ġie rrikonoxxut waqt is-sena tas-suq preċedenti.

Id-dettalji pprovduti għandhom jiddistingwu bejn il-prodotti illi ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a), (b), (ċ) u (d) rispettivament, u sejrin jintużaw mill-Kummissjoni sabiex jiġi determinat jekk il-kwantità massima garantita tkun ġiet irrispettata;

(b) Mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, taż-żoni u l-kwantitajiet illi dwarhom il-kuntratti u d-dikjarazzjonijiet illi ssir referenza għalihom fl-Artikolu 8 ikunu ġew mogħtija. Id-dettalji għandhom jiġu maqsuma skond l-ispeċi illi jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 603/95 u għandha issir distinzjoni bejn il-każijiet ipprovduti minn l-Artikolu 8(1), (2) u (3);

(ċ) mhux iktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, ta’ l-estimi tal-kwantitajiet ta’ ħażniet ta’ għalf niexef miżmuma minn intrapriżi ta’ l-ipproċessar fil-31 ta’ Marzu ta’ l-istess sena;

(d) mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 1995, tal-miżuri adottati sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 603/95 u dan ir-Regolament.

L-Artikolu 16

Fejn l-ispezzjonijiet juru illi il-kwantita’ ta’ għalf imnixxef indikati f’waħda jew iktar mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna tkun ikbar mill-kwantità illi tkun fil-fatt ħarġet mill-intrapriża ta’ l-ipproċessar, l-ammont ta’ għajnuna illi għandha tingħata għandha tiġi kkalkolata fuq bażi tal-kwantità illi tkun fil-fatt ħarġet mill-intrapriża, ridotta b’darbtejn l-ammont tad-differenza misjuba.

Jekk id-differenza misjuba teċċedi 20 % tal-kwantità illi effettivament telqet mill-intrapriża, l-ebda għajnuna ma hi sejra tingħata.

Madankollu, fil-każ ta’ indikazzjoni falza ta’ kwantitajiet f’waħda jew iktar mill-applikazzjonijiet magħmula intenzjonatament jew riżultanti minn negliġenza serja:

- l-intrapriża ta’ l-ipproċessar inkwistjoni għandha tiġi eskluża mill-iskema għall-għajnuna kkonċernata f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet inkwistjoni, u

- fil-każ ta’ indikazzjoni falza ta’ kwantità f’waħda jew iktar mill-applikazzjonijiet magħmulin internament, l-intrapriża tiġi eskluża mill-iskema għall-għajnuna għas-sena tas-suq segwenti, f’dak li jirrigwarda kwantità ugwali għal dik illi għaliha l-applikazzjoni(jiet) inkwistjoni tkun ġiet irrifjutata jew ġew irrifjutati.

L-Artikolu 17

Ir-Regolament (KEE) Nru 1528/78 u (KEE) Nru 2743/78 huma mħassrin. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immaniġġjar ta’ l-iskema ta’ għajnuna illi kienet viġenti waqt is-sena tas-suq 1994/95 sejjer ikompli japplikaw sakemm il-kontabilità rigward dik is-sena tas-suq tkun ġiet imlestija.

L-Artikolu 18

Dan ir-Regolament sejjer jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Sejjer japplika mil1–1 ta’ April 1995. Madankollu is-segwenti dispożizzjonijiet sejrin japplikaw mill-1 ta’ April 1996:

(a) l-Artikolu 4(1) illi jipprovdi għall-approvazzjoni ta’ intrapriżi ta’ l-ipproċessar;

(b) l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 9 illi tipprovdi għal determinazzjoni permezz ta’ użin sistematiku, fil-każ ta’ intrapriżi illi m’għandhomx apparat għall-użin;

(ċ) l-Artikolu 14(1) jipprovdi għall-kalkoli trasversali. Madankollu, diment illi wieħed jew iktar mill-elementi tas-sistema integrata jkunu qegħdin jitħaddmu qabel l-1 ta’ Jannar 1996, l-Istati Membri għandhom jużaw dak jew dawk l-elementi fl-attivitajiet ta’ immaniġġjar u ta’ verifika, inpartikolari, bl-aħjar mod possibbli, sabiex Iwettqu il-kontrolli trasversali.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ April 1995.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 63, tal-21.3.1995, p. 1.

[2] ĠU L 181, ta’ l-1.7.1992, p. 12.

[3] ĠU L 179, ta’ l-1.7.1978, p. 10.

[4] ĠU L 108, ta’ l-1.5.1993, p. 114.

[5] ĠU L 330, tal-25.11.1978, p. 19.

[6] kejl ta’ proteina nejja: it-Tielet Direttiva tal-Kummissjoni (72/199/KEE) (ĠU L 123, tad-29.5.1972, p. 6).

--------------------------------------------------