Official Journal L 335 , 30/12/1995 P. 0028 - 0036
Id-Direttiva tal-Kunsill 95/63/KE tal-5 ta' Diċembru 1995 li temenda d-Direttiva 89/655/KEE dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa għall-użu ta' tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad- Direttiva 89/391/KEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabblixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ [3], Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu permezz tad-Direttivi jiffissa l-ħtiġiet minimi biex jippromwovi t-titjib speċjalment fl-ambjent tax-xogħol biex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema; Billi skond l-istess Artikolu dawn id-Direttivi għandhom jevitaw li jimponu rbit amministrattiv, finanzjarju jew legali li jista' jfixkel il-ħolqien u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; Billi r-rispett tal-ħtiġiet minimi stabbiliti biex jiggarantixxu standard aħjar ta' sigurtà u saħħa fl-użu ta' tagħmir tax-xogħol hu essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà u saħħa tal-ħaddiema; Billi, qabel xejn, l-Istati Membri iridu jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva minn l-impriżi, b'mod partikolari impriżi żgħar u ta' daqs medju; billi miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu attivitajiet ta' taħriġ u informazzjoni addattati għal l-ħtiġiet speċifiċi ta' setturi varji ta' l-ekonomija; Billi d-dispożizzjonijiet adottati skond Artikolu 118a tat-Trattat mhumiex ta' ostakolu għal li jinżammu jew jiġu stabbiliti miżuri ta' protezzjoni iktar stretti, fil-kondizzjonijiet tax-xogħol minn kull Stat Membru, kompatibbli ma' dan it-Trattat; Billi l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/655/KEE [4] jipprovdi ż-żieda ma' l-Anness ta' ħtiġiet minimi supplimentari applikabbli għat-tagħmir tax-xogħol imsemmija fil-punt 3 ta' l-Anness, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 118a tat-Trattat; Billi din id-Direttiva għandha tillimita ruħha għal li tistabblixxi l-miri li għandhom jintlaħqu u l-prinċipji li għandhom jiġu rrispettati u tħalli lill-Istati Membri l-għażla tal-mod kif għandhom jassiguraw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom ir-rispett u t-titjib ta' dawn il-ħtiġiet; Billi l-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, u wara li jittieħed kont tal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali l-miżuri li jippermettu li jintlaħaq livell ta' sigurtà li jikkorrispondi mal-miri msemmija fl-Anness II ta' din id-Direttiva; Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi pass konkret lejn ir-realizzazzjoni tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 89/655/KEE hija emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej: (a) fil-paragrafu 1(a)(ii) u (b), 'fl-Anness' tiġi sostitwita bi 'fl-Anness I'; (b) il-punt li ġej huwa inserit fil-paragrafu 1: "(ċ) mingħajr preġudizzju għall-punt (a)(i), u b'deroga għall-punt (a)(ii) u l-punt (b), tagħmir ta' xogħol speċifiku suġġett għal ħtiġiet tal-punt 3 ta'l-Anness I, li, jekk diġà provdut għall-ħaddiema fl-impriża u/jew stabbiliment sal-5 ta' Diċembru 1998, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti fl-Anness I, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara dik id-data"; (ċ) il-paragrafu li ġej jiġi miżjud: "3 L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u meħud kont ta' leġislazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali jistabilixxu l-miżuri li jippermettu li jintlaħaq livell ta' sigurtà li jikkorrispondi mal-miri msemmija fid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II." 2. Għandu jiġi inserit l-Artikolu li ġej: "L-Artikolu 4a Spezzjoni ta' tagħmir ta' xogħol 1. Min jimpjiega għandu jassigura illi t-tagħmir tax-xogħol li s-sigurtà tagħhom tiddependi mill-kondizzjonijiet ta' l-installazzjoni ikunu kontrollati fil-bidu (wara l-installazzjoni imma qabel ma jibdew jaħdmu) u verifika wara kull assemblaġġ f'sit ġdid jew tqegħid f'lokazzjoni oħra li ssir minn persuni kompetenti fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali bil-ħsieb li jiġu assigurati l-installazzjoni korretta u l-funzjonament tajjeb ta' dan it-tagħmir tax-xogħol. 2. Min jimpjiega għandu jiżgura li t-tagħmir ta' xogħol li jkun espost għal influwenzi li jikkawżaw deterjorazzjoni li ġġib sitwazzjoni ta' perikolu jkunu soġġetti għal: - spezzjonijiet perijodiċi u, meta jkun il-każ, provi perijodiċi minn persuni kompetenti fis-sens ta' leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, - spezzjonijiet speċjali minn persuni kompetenti fis-sens ta' leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali kull darba li xi ġraja eċċezzjonali li setgħu iġibu magħhom konsegwenzi ta' ħsara għas-sigurtà tat-tagħmir tax-xogħol bħalma huma trasformazzjoni, inċidenti, fenomeni naturali, perijodi twal li ma jintużawx, biex jiggarantixxu li l-ħtiġiet ta' sigurtà u ta' saħħa jkunu rispettati u li l-ħsara li tkun saret tkun skoperta u rimedjata fil-ħin. 3. Ir-riżultati ta' spezzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet ikkonċernati. Għandhom jinżammu għal perijodu ta' żmien approprjat. Meta t-tagħmir tax-xogħol hu użat barra l-impriża għandu jkollu miegħu prova materjali li l-aħħar spezzjoni tkun saret. 4. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom isiru l-ispezzjonijiet." 3. L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit: "L-Artikolu 5a L-Ergonomija u s-saħħa fuq ix-xogħol Il-post tax-xogħol u l-qagħda tal-ħaddiema meta qed jużaw tagħmir tax-xogħol kif ukoll il-prinċipji ta' l-ergonomija għandhom jiġu meħuda inkonsiderazzjoni sħiħa minn min jimpjiega meta japplika l-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa." 4. Is-sub paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-aħħar ta' Artikolu 6(2): "Il-ħaddiema għandhom jiġu magħmulin konxji mir-riskji li jikkonċernawhom, mit-tagħmir tax-xogħol presenti fl-ambjent immedjat tax-xogħol kif ukoll ta' xi modifikazzjonijiet li jikkonċernawhom, sa fejn dawn jeffettwaw it-tagħmir tax-xogħol li jkunu jinsabu fl-ambjent tax-xogħol fil-qrib anke jekk ma jkunux qegħdin jużaw dan it-tagħmir direttament" 5. Fl-Artikolu 8, il-kelma l-Anness "hi mibdula bi l-Annessi"; 6. L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej: - fit-titolu ta' l-Artikolu, "ta' l-Anness" għandu jiġi mibdul bi "ta' l-Annessi", - fil-paragrafu 1, "l-Anness" fejn jidher darbtejn fit-test jiġi mibdul bi "l-Anness I", - fil-paragrafu 2, "l-Anness" jiġi mibdul bi "l-Annessi"; 7. L-Anness li ssir l-Anness I, jiġi emendat inkonformità ma' l-Anness I ta' din id-Direttiva; 8. L-Anness II qed jiġi miżjud, skond it-test li jidher fl-Anness II ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġislattivi, reglamentari u amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel il-5 ta' Diċembru 1995. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma diġa adottaw jew li jkun beħsiebhom jadottaw f'dak li hu rregolat minn din id-Direttiva. 3. Il-Kummisssjoni perijodikament tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fil-5 ta' Diċembru 1995. Għall-Kunsill Il-President J. A. Griñán [1] ĠU C 104, tat-12.4.1994, p. 4; u ĠU C 246, tat-22.9.1995, p. 3. [2] ĠU C 397, tal-31.12.1994, p. 13. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 1995 (ĠU C 56, tas-6.3.1995, p. 175), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1995 (ĠU C 281, tal-25.10.1995, p. 41) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta'Novembru 1995 (ĠU C 323, ta' l-4.12.1995). [4] ĠU L 393, tat-30.12.1989, p. 13. -------------------------------------------------- L-ANNESS I L-Anness (li jsir L-ANNESS I) għad-Direttiva 89/655/KEE huwa emendat kif ġej: 1. Il-kumment ġenerali hu miżjud b'dan il-paragrafu li ġej: "Il-ħtiġiet minimi li ġejjin, sa fejn japplikaw għal tagħmir ta' xogħol fl-użu, mhux neċessarjament jitolbu għall-istess miżuri bħall-ħtiġiet essenzjali li jikkonċernaw it-tagħir tax-xogħol ġdid."; 2. Fil-punt 2.1, l-aħħar paragrafu hu sostitwit bit-test li ġej: "Is-Sistemi ta' kontroll għandhom ikunu żguri u jintgħażlu biex jipprovdu għal meta s-sistema tfalli, ikun fiha disturbi jew kondizzjonijiet speċjail li wieħed jista' jipprevedi fil-qafas ta' l-użu maħsub."; 3. Il-Punt 3 jinbidel bit-test li ġej: "3. Il-Ħtiġiet minimi addizzjonali applikabbli għal tipi speċifiċi ta' tagħmir ta' xogħol 3.1. Il-Ħtiġiet minimi għal tagħmir ta' xogħol mobbli, kemm awtomatiku kemm le 3.1.1. It-tagħmir ta' xogħol li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu magħmulin b'tali mod li jitnaqqsu ir-riskji għal ħaddiema meta jiċċaqalqu. Dawk il-perikoli għandhom jinkludu r-riskji ta' kuntatt tal-ħaddiema mar-roti jew mal-linji jew li jinqabdu minnhom. 3.1.2. It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun mogħti tagħmir speċjali jew magħmul b'mod li ma jkunx jista' jkun hemm imblokk mhux maħsub bejn l-elementi ta' trazzjoni u l-aċċessorji u/jew l-oġġetti irmunkati miegħu. Meta dan l-imblokk ma jistax jiġi evitat, għandha tittieħed kull miżura possibbli biex jiġu evitati xi konsegwenzi ħżiena għall-ħaddiema. 3.1.3. Meta elementi ta' trasmissjoni ta' emerġija bejn tagħmir tax-xogħol mobbli jistgħu jitħassru jew tiġrilhom il-ħsara bit-tkaxkir fuq l-art, għandu jkun hemm faċilitajiet għat-tiswija. 3.1.4. It-tagħmir ta' xogħol mobbli li iġorr ħaddiema għandu jkun maħsub b'mod li inaqqas kemm jista' jkun il-kondizzjonijiet ta' użu attwali, ir-riskji li joħorġu mir-reġgħa lura jew mill-qlib ta' tagħmir tax-xogħol: - sew bi struttura ta' protezzjoni li timpedixxi lil tagħmir tax-xogħol milli jmur lura iktar minn kwart ta' dawra, jew - jew bi struttura li tiggarantixxi spazju biżżejjed madwar il-ħaddiema li jkollu fuqu jekk il-moviment ikompli iktar minn kwart ta' dawra, jew - jew b'xi dispożsittiv ieħor b'effett ekwivalenti. Dawn l-istrutturi ta' protezzjoni jistgħu jkunu parti integrali tat-tagħmir ta' xogħol. Dawn l-istrutturi ta' protezzjoni mhumiex meħtieġa meta t-tagħmir ta' xogħol ikun fiss matul l-operazzjoni jew meta ir-raġgħa lura jew il-qlib ikunu impossibbli minħabba l-mod kif ikun iddisinjat it-tagħmir. Meta jkun hemm riskju li l-ħaddiema ta' fuqu jistgħu jitgħaffġu bejn it-tagħmir tax-xogħol u l-art meta t-tagħmir imur lura jew jinqaleb għandha ssir sistema biex jinżammu milli jaqgħu. 3.1.5. Trukkijiet bil-forklifts li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu addattati jew mgħammra biex inaqqsu ir-riskji tat-truck tal-fork lift milli jinqaleb, e.ż.: - bl-installazzjoni ta' xi kaxxa għal min isuq, jew - bi struttura li tipprevjeni t-truck tal-fork lift milli jinqaleb, jew - bi struttura li tiżgura li, jekk it-truck tal-fork lift jinqaleb, jibqa' biżżejjed vojt bejn l-art u ċerti partijiet tat-truck tal-forklift għall-ħaddiema li jkunu fuqu, jew - bi struttura li tirrestrinġi lill-ħaddiema fuq is-sedil ta' sewqan biex tipprevenihom milli jiġu mgħaffġa minn partijiet tat-truck tal-forklift li jinqaleb. 3.1.6. It-tagħmir ta' xogħol illi jkun awtomatiku u li meta jiċċaqlaq joħloq riskji għal persuni għandu jsegwi l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) it-tagħmir għandu jkollu mezzi li jevitaw illi jibda jaħdem mingħajr ma jkun awtorizzat; (b) għandu jkollu mezzi xierqa biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta' kolliżjoni meta hemm aktar minn tagħmir ta' xogħol wieħed li jiġi mtella' fuq il-linji fl-istess ħin; (ċ) għandhom ikollhom dispożittivi ta' fren u waqfien u sa fejn is-sigrtà teħtieġu dispożittiv ta' emerġenza li jitħaddem minn fejn huwa faċilment aċċessibbli jew b'sistemi awtomatiċi illi jiffrenaw u jwaqqfu fil-każ illi dan id-dispożittiv prinċipali jfalli; (d) meta il-vista diretta tax-xufier ma tkunx biżżejjed biex tiżgura sigurtà, għandu jiġi installat apparat awżiljarju biex itejjeb il-vista; (e) it-tagħmir ta' xogħol maħsub għal użu bil-lejl jew f'postijiet mudlama għandu jkun mgħammar b'dawl xieraq għax-xogħol li jkun irid isir u biex jiżgura biżżejjed is-sigurtà għall-ħaddiema; (f) it-tagħmir ta' xogħol li jista' jkollu perikolu ta' nar, kemm għalih u kemm għall-oġġetti li jkun jirmonka u/jew iġorr u li jista' jipperikola lill-ħaddiema għandu jkun mgħammar b'apparat approprjat tat-tifi tan-nar ħlief meta dak l-apparat ma jkunx disponibbli fil-viċin biżżejjed fil-post ta' l-użu; (g) it-tagħmir ta' xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza għandu jkun jieqaf awtomatikament meta joħroġ mid-distanza ta' kontroll; (h) it-tagħmir ta' xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza li jista' f'ċirkostanzi normali joħloq perikolu li jolqot jew jaħbat mal-ħaddiema għandu jkollu dispożittiv kontra dan il-perikolu, sakemm ma jkunx hemm apparat ieħor xieraq biex jikkontrolla dan il-perikolu. 3.2. Ħtiġiet minimi għal tagħmir ta' xogħol li jerfa' t-tagħbija 3.2.1. Meta t-tagħmir ta' xogħol li jerfa' tagħbija huwa installat permanentament, ir-reżistenza u l-istabilità tiegħu għandhom ikunu assigurati, billi jingħata kas, b'mod partikolari, għat-tagħbija li għandha tintrefa' u l-istress li jsir fuq il-punt ta' suspensjoni jew ta' l-igganċjar tiegħu ma' l-istrutturi. 3.2.2. Il-makkinarju li jerfa' t-tagħbija għandu jkun immarkat b'mod ċar b'indikazzjonijiet tat-tagħbija nominali tiegħu, u fejn approprjat tabella li turi il-piż nominali għal kull konfigurazzjoni tal-makkinarju. L-aċċessorji għat-tagħmir ta' tagħbija għandhom ikunu mmarkati b'mod illi jkun possibbli li tidentifika l-karatteristiċi essenzjali ta' użu sigur. It-tagħmir ta' xogħol li mhux maħsub biex jerfa' persuni imma li jista jiġi wżat hekk b' konfużjoni għandu jkun immarkat b'mod approprjat u li jidher. 3.2.3. It-tagħmir ta' xogħol installat b'mod permanenti għandu jkun installat b'tali mod li jitnaqqas ir-riskju li t-tagħbija: (a) tolqot lill-ħaddiema; (b) tiċċaqlaq jew taqa' waħedha; (ċ) tiġi mitluqa involontarjament. 3.2.4. It-tagħmir ta' xogħol ta' l-irfigħ jew ġarr ta' ħaddiema għandu jkun tali li: (a) jipprevjeni l-perikolu li taqa' l-kabina, meta teżisti waħda, minn apparat approprjat; (b) jipprevjeni lill-utent milli jaqa' mill-kabina, meta teżisti waħda; (ċ) jipprevjeni l-perikolu li l-utent jiġi mgħaffeġ, maqbud jew milqut, b'mod partikolari b'kuntatt fortuwitu minn oġġetti; (d) jiżgura li persuni maqbuda fil-kabina fil-każ ta' xi inċident ma jkunux esposti għal perikolu u jistgħu jinħelsu. Jekk, għal raġunijiet tan-natura tal-post u ta' dislivell, ir-riskji msemmija fil-punt (a) ma jistgħux jiġu evitati b' dispożittivi ta' sigurtà għandu jiġi installat cable b'koeffiċjent ta' sigurtà miżjud li jinżamm fi stat tajjeb u jiġi kkontrollat kull ġurnata ta' xogħol." -------------------------------------------------- L-ANNESS II L-ANNESS II DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-UŻU TA' TAGĦMIR TAX- XOGĦOL IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4(3) 0. Kumment preliminari. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-anness għandhom japplikaw fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u meta r-riskju korrispondenti jeżisti għat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni. 1. Dispożizzjonijiet ta' ordni ġenerali applikabbli għat-tagħmir kollu tax- xogħol 1.1. It-tagħmir tax-xogħol għandu jiġi installat, imqiegħed u utilizzat b'mod li jippermetti li jitnaqqsu ir-riskji għall-utent tat-tagħmir ta' xogħol u għall-ħaddiema l-oħra per eżempju billi jiġi żgurat li hemm biżżejjed spazju bejn l-elementi li jiċċaqilqu fit-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet fl-ambjent ta' madwar li huma mwaħħla jew li jiċċaqilqu u billi l-enerġija u l-materjali użati jew prodotti ikunu jistgħu jinġabu u/jew jitneħħew b'mod sigur. 1.2. Il-muntaġġ u żżarmar tat-tagħmir tax-xogħol għandu jsir b'mod żgur, partikolarment billi jiġu rrispettati l-istruzzjonijiet li jista' jkun hemm tal-fabbrika. 1.3. It-tagħmir tax-xogħol li sakemm jintużaw jistgħu jintlaqtu mis-sajjetti għandhom ikunu protetti jew b'dispożittivi jew b'miżuri approprjati kontra l-effetti tas-sajjetti. 2 . Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta' tagħmir mobbli, kemm jekk awtomatiku kemm jekk le 2.1. It-tagħmir ta' xogħol awtomatiku għandu jinsaq biss minn ħaddiema li jkunu tħarrġu b'mod adegwat biex iħaddmu sewwa dak it-tagħmir tax-xogħol. 2.2. Jekk it-tagħmir ta' xogħol jisposta ruħu f'żona ta' xogħol għandu jkun hemm regoli stabbiliti u segwiti ta' ċirkolazzjoni adegwata. 2.3. Għandhom jittieħdu miżuri ta' tqassim tax-xogħol biex jevitaw illi xi ħaddiema mexjin ma jkunux jinsabu f'dik iż-żona tax-xogħol meta ikun hemm it-tagħmir ta' xogħol awtomatiku. Meta jkun meħtieġ li l-ħaddiema fuq saqajhom ikunu preżenti biex ix-xogħol isir għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġi evitat li jkunu midruba mit-tagħmir. 2.4. It-trasport ta' ħaddiema fuq tagħmir ta' xogħol mobbli misjuq mekkanikament għandu jkun awtorizzat biss meta huma pprovduti faċilitajiet siguri għal dan. Jekk ix-xogħol għandu jsir matul il-vjaġġ, il-veloċità għandha tiġi addattata kif meħtieġ. 2.5. It-tagħmir ta' xogħol mobbli li jkollu mutur ta' kombustjoni ma jistax jiġi mħaddem fiż-żona tax-xogħol ħlief meta l-arja fi kwantità suffiċjenti tkun tista' tiġi ggarantita u ma jkunx hemm riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. 3. Dispożizzjonijiet li jolqtu l-użu ta' tagħmir tax-xogħol li jerfa' t-tagħbija. 3.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali 3.1.1. It-tagħmir ta' xogħol li jiżżarma jew li hu mobbli li jservi biex jerfa' t-tagħbijiet għandu jkun imħaddem b'mod li jiggarantixxi l-istabilità tat-tagħmir tax-xogħol waqt li jkun qiegħed jiġi mħaddem taħt il-kondizzjonijiet kollha li wieħed jista' jipprevedi, meħud kont tan-natura ta' l-art. 3.1.2. Il-ħaddiema m'għandhomx jinġarru fuq tagħmir tax-xogħol u aċċessorji tiegħu li mhux maħsub għalhekk. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 ta' Direttiva 89/391/KEE, eċċezzjonalment, it-tagħmir ta' xogħol li mhux maħsub għall-ġarr tal-ħaddiema jista' jiġi użat għal dan l-iskop basta li jittieħdu miżuri approprjati biex jassiguraw sigurtà in konformità mal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali li jipprevedu sorveljanza approprjata. Meta jkun hemm il-ħaddiema fuq tagħmir tax-xogħol li suppost iservi għall-irfigħ tat-tagħbija il-posta tal-kmand għandha tkun okkupata l-ħin kollu. Il-Ħaddiema li jinġarru għandhom ikunu jistgħu jiddisponu mill-mezz żgur ta' komunikazzjoni. Irid jinħaseb għall-mod kif jinħarġu f'każ ta' perikolu. 3.1.3. Sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex ix-xogħol isir sewwa għandhom jittieħdu mezzi biex ma jkunx hemm ħaddiema preżenti taħt it-tagħbijiet imdendla. M'għandux ikun permess illi tagħbija imdendla tiġi mgħoddija minn postijiet tax-xogħol mhux protetti li fihom abitwalment ikun hemm il-ħaddiema. F'dan il-każ jekk biex ix-xogħol ma jistax isir sewwa mod ieħor għandhom ikunu definiti u applikati proċeduri approprjati. 3.1.4. L-aċċessorji ta' l-irfigħ għandhom jintgħażlu skond it-tagħbija li jerfgħu, skond il-punti ta' qbid, skond id-dispożittiv ta' l-igganċjar u l-kondizzjonijiet atmosferiċi u meħud kont tal-mod u l-konfigurazzjoni ta' l-imbragar. L-assemblaġġ ta' l-aċċessorji ta' l-irfigħ għandu jkun immarkat b'mod ċar biex jippermetti lill-utent li jkun jaf il-karatteristiċi tagħhom jekk ma jkunux żmantellati wara l-użu. 3.1.5. L-aċċessorji ta' l-irfigħ għandhom jiġu maħżuna b'mod li jiżgura li ma ssirilhomx ħsara u ma jiġux degradati fl-effiċjenza. 3.2. It-tagħmir ta' xogħol li jerfa' tagħbijiet mhux iggwidati 3.2.1. Jekk żewġ biċċiet ta' tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati jkunu installati jew imwaqqfa fuq post tax-xogħol b'mod tali illi il-kamp tax-xogħol tagħhom jgħaddi fuq ta' xulxin għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġu evitati kolliżjonijiet bejn it-tagħbijiet u/jew elementi tat-tagħmir tax-xogħol stess. 3.2.2. Waqt li jkun qed juża tagħmir tax-xogħol ta' rfigħ ta' tagħbija mhux iggwidata għndhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li jitbandlu illi jinqalbu jew jekk ikun il-każ jinqalgħu minn posthom u jiżolqu. Għandu jkun hemm kontroll li dawn il-miżuri ttieħdu. 3.2.3. Jekk min ikun Iħaddem it-tagħmir tax-xogħol ta' rfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati ma jkunx jista' josserva it-traġitt intier tat-tagħbija la direttament u lanqas permezz ta' disposittivi awżiljari li jtuh informazzjonijiet siewja għandu jkun hemm komunikazzjoni ma' l-operatur biex tiggiwdah u għandu jiġi organizzat mod kif jiġu evitati il-kolliżjonijiet ta' tagħbija li tista' tkun ta' perikolu għall-ħaddiema. 3.2.4. Ix-xogħlijiet għandhom ikunu organizzati b'mod li meta l-ħaddiema jkunu qegħdin jigganċjaw jew jisganċjaw xi tagħbija bl-idejn dawn l-operazzjoni jkunu jistgħu isiru b'mod żgur u l-ħaddiema jkunu jistgħu jidderieġu direttament jew indirettament l-operazzjoni. 3.2.5. L-operazzjonijiet kollha ta' l-irfigħ għandhom jiġu pprogrammati, issorveljati b'manjiera approprjata u effettwati b'mod li tiġi mħarsa s-sigurtà tal-ħaddiema. In partikolari jekk tagħbija tkun trid tintrefa' simultanjament minn żewġ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati għandha tkun stabbilita u applikata proċedura biex tassigura l-koordinazzjoni tajba bejn l-operaturi. 3.2.6. Jekk xi tagħmir tax-xogħol li jservi għall-irfigħ ta' tagħbija mhux iggwdiata ma jkunx jista' jżomm it-tagħbija fil-każ li tmur għal kollox jew inparti l-enerġija, għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu esposti għal perikoli korrispondenti. It-tagħbija mdendla m'għandhiex tibqa' mingħajr sorveljanza ħlief jekk l-aċċess għaż-żona ta' perikolu jkun impedut u jekk it-tagħbija tkun igganċjata b'mod żgur u miżmuma wkoll b'mod żgur. 3.2.7. L-użu ta' tagħmir tax-xogħol ta' l-irfigħ tat-tagħbija mhux iggwidata fl-arja aperta għandu jieqaf meta l-kondizzjonijiet metereoloġiċi jeħżienu sal-punt illi jnaqqsu s-sigurtà tal-funzjonament u jesponu l-ħaddiema għal xi riskji. Miżuri adegwati ta' protezzjoni maħsuba partikolarment biex jimpedixxu li t-tagħmir tax-xogħol jinqaleb għandhom jittieħdu biex jevitaw perikolu għall-ħaddiema. --------------------------------------------------