31995L0056



Official Journal L 286 , 29/11/1995 P. 0001 - 0044


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/56/KE

tat-8 ta’ Novembru 1995

li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 74/61/KEE li tirrelata ma’ mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat ta’ vetturi bil-mutur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 li tirrelata ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/81/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 74/61/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat ta’ vetturi bil-mutur [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi d-Direttiva 74/61/KEE hija waħda mid-Direttivi separati fil-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li ġiet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE; billi, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 70/156/EEC li jikkonċernaw is-sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tal-vetturi japplikaw għal din id-Direttiva;

Billi, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 70/156/KEE jeħtieġu li kull Direttiva separata għandu jkollha anness magħha dokument ta’ informazzjoni li jinkorpora l-puntpunti relevanti ta’ l-Anness I li jinsab ma’ dik id-Direttiva u wkoll ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ibbażat fuq l-Anness VI hemm mehmuż sabiex dik l-approvazzjoni tat-tip tista’ tiġi komputerizzata;

Billi, minħabba l-esperjenza miksuba u l-aktar stat avvanzat, u b’mod partikolari r-regolament li jikkorrispondi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa issa xieraq li jiġu addattati l-ħtiġiet għall-mezzi ta’ hawn fuq billi jiżdiedu ħtiġiet għal sistemi ta’ allarm u immobilizzaturi;

Billi, is-sinjal bil-ħoss ta’ mezz ta’ allarm jista’ jintbagħat permezz ta’ mezzi ta’ twissija bil-ħoss kif stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 70/388/KEE [4];

Billi miżuri oħra, bħal dawk li jirrelataw mal-qfil tal-bibien u l-kompartiment tal-bagolli, sejrin jittieħdu f’data aktar tard bil-ħsieb li jissaħħu aktar il-mezzi ta’ disważjoni kontra l-użu mhux awtorizzat tal-vetturi; billi, b’żieda, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid wara perjodu qasir bil-ħsieb li jiġu msaħħa aktar, fost ħwejjeġ oħra, biex ikopru vetturi oħra; billi l-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dawn il-kwistjonijiet sa Diċembru 1996 l-aktar tard, akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti ġodda;

Billi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Addattazzjoni għall-Progress Tekniku stabbilit bid-Direttiva 70/156/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Id-Direttiva 74/61/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

- L-Artikolu 1 biex jissostitwixxi "…, b’karrozzerija jew mingħajra,…" bi "…, tkun sħiħa jew mhux sħiħa,…" u "… linji, trakters agrikoli u makkinarju u mpjant ta’ l-inġinerija." bi "… linji u trakters agrikoli u tal-forestrija u kull makkinarju mobbli.",

- Fl-Artikoli 2 u 3, issostitwixxi "l-Anness I" bi "l-Annessi relevanti",

- fl-Artikolu 4, issostitwixxi "l-punt 2.2 ta’ l-Anness I" bi "l-Annessi relevanti",

- fl-Artikolu 5, issostitwixxi "l-Annessi I u II" bi "l-Annessi".

2. Lista ta’ l-Annessi għandha tiżdied qabel l-Annessi, u l-Annessi li jinsabu mad-Direttiva 74/61/KEE għandhom jiġu sostitwiti bl-Annessi li jinsabu ma’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

1. B’effett mill-1 ta’ Mejju 1996, l-Istati Membri ma għandhomx:

- jirrifjutaw, fir-rigward ta’ vettura bil-mutur, tip ta’ immobilizzatur jew tip ta’ sinjal ta’ allarm, li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

- jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew it-tqegħid fis-servizz ta’ vetturi, jew il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ immobilizzaturi jew sistemi ta’ allarm,

fuq raġunijiet li jirrelataw ma’ mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat ta’ vetturi bil-mutur, jekk dawk il-mezzi jikkonformaw mal-ħtiġiet tad-Direttiva 74/61/KEE kif emendata b’din id-Direttiva.

2. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1997, l-Istati Membri:

- m’għandhomx jagħtu aktar approvazzjoni tat-tip tal-KEE, u

- jistgħu jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip nazzjonali,

għal tip ta’ vettura minħabba raġunijiet li jirrelataw ma’ mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat jew għal tip ta’ immobilizzatur jew għal tip ta’ sistema ta’ allarm, jekk il-ħtiġiet tad-Direttiva 74/61/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, ma jiġux imħarsa.

3. B’effett mill-1 ta’ Ottubru 1998, l-Istati Membri:

- għandhom iqisu ċertifikati ta’ konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE li ma jkunux aktar validi għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva, u

- jistgħu jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda li ma jkunux akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità skond id-Direttiva 70/156/KEE,

- jistgħu jirrifjutaw il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ immobilizzaturi ġodda u sistemi ġodda ta’ allarm,

fuq raġunijiet li jirrelataw ma’ mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat, jekk il-ħtiġiet tad-Direttiva 74/61/KEE, kif emendata b’din id-Direttiva, ma jkunux imħarsa.

4. B’effett mill-1 ta’ Ottubru 1998 il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva li jirrelataw ma’ immobilizzaturi jew sistemi ta’ allarm bħala komponent jew unità separata teknika huma applikabbli għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 70/156/KEE.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ Mejju 1996. Għandhom jinfurmaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ November 1995.

Għall-Kummissjoni

Martin Bangemann

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.

[2] ĠU L 264, tat-23.10.1993, p. 49.

[3] ĠU L 38, tal-11.2.1974, p. 22.

[4] ĠU L 176, ta’ l-10.8.1970, p. 12.

--------------------------------------------------

LISTA TA’ L-ANNESSI

| | | Paġna |

L-ANNESS I: | Dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip | 4 |

Appendiċi 1: | Mudell taċ-ċertifikat ta’ konformità | 6 |

L-ANNESS II: | Dokumenti ta’ informazzjoni | 7 |

Appendiċi 1: | Dokument ta’ informazzjoni għal tip ta’ vettura | 7 |

Appendiċi 2: | Informazzjoni għal tip ta’ immobilizzatur | 9 |

Appendiċi 3: | Dokument ta’ informazzjoni għal tip ta’ sistema ta’ allarm tal-vetturi | 10 |

L-ANNESS III: | Ċertifikati ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE | 11 |

Appendiċi 1: | Ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE għal vettura | 11 |

Appendiċi 2: | Ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE għalimmobilizzatur | 13 |

Appendiċi 3: | Ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE għal sistema ta’ allarm ta’ vettura. | 15 |

L-ANNESS IV: | Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u ħtiġiet għal mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat | 17 |

Appendiċi 1: | Proċedura tat-test wear producing għal mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat li jaġixxu fuq l-isteering | 21 |

Appendiċi 2: | Proċedura tat-test għal mezzi li jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat li jaġixxu fuq l-isteering bl-użu ta’ mezz li jillimita t-torque | 22 |

L-ANNESS V: | Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u ħtiġiet għall-immobilzzaturi | 23 |

Appendiċi 1: | Mudell taċ-ċertifikat ta’ l-installazzjoni | 27 |

L-ANNESS VI: | Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u ħtiġiet għas-sistemi ta’ allarm ta’ vetturi | 28 |

Appendiċi 1: | Mudell taċ-ċertifikat ta’ l-installazzjoni | 41 |

Appendiċi 2: | Test ta’ sistemi għall-protezzjoni tal-kompartiment tal-passiġġieri | 42 |

Appendiċi 3: | Speċifikazzjoni għal swiċċijiet mekkaniċi biċ-ċavetta | 42 |

Appendiċi 4: | Stipulazzjonijiet tekniċi għal mezzi ta’ allarm bil-ħoss | 43 |

--------------------------------------------------