31995L0001

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/1/KE tat-2 ta’ Frar 1995 dwar il-veloċità massima ddisinjata, it-torque massimu u l-qawwa massima netta tal-magna ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta.

Official Journal L 052 , 08/03/1995 P. 0001 - 0040
CS.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
ET.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
HU.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
LT.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
LV.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
MT.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
PL.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
SK.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47
SL.ES Chapter 13 Volume 015 P. 8 - 47


Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/1/KE

tat-2 ta’ Frar 1995

dwar il-veloċità massima ddisinjata, it-torque massimu u l-qawwa massima netta tal-magna ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1992 li tirrelata għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta [1],

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189b tat-Trattat [4],

Billi s-suq intern jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, sevizzi u kapital huwa żgurat, billi l-miżuri meħtieġa għal dak l-iskop jeħtieġ li jiġu adottati;

Billi l-metodi ta’ kejl tal-velocità massima ddisinjata, tat-torque massimu u tal-qawwa netta tal-magna ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta jvarjaw minn Stat Membru wieħed għall-ieħor; billi bħala riżultat tad-differenzi tagħhom, dawn il-metodi jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ fil-Komunità;

Billi l-ostakli għall-operazzjoni tas-suq intern jistgħu jitneħħew jekk l-istess ħtiġiet huma adottati mill-Istati Membri kollha, minflok ir-regoli nazzjonali tagħhom;

Billi huwa neċessarju illi jiġu mfassla ħtiġiet armonizzati għal metodi ta’ kejl tal-veloċità massima ddisinjata, tat-torque massimu u tal-qawwa netta massima tal-magna ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, sabiex jiġu permessi li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent kif stabbiliti fid-Direttiva 92/61/KEE jiġu applikati għal kull tip ta’ vettura ta’ din ix-xorta;

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għall-metodi ta’ kejl tal-veloċità massima ddisinjata, tat-torque massimu tal-magna u tal-qawwa massima netta tal-magna tat-tipi kollha ta’ vetturi definiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE.

Artikolu 2

Il-proċedura għall-għoti ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent fir-rigward tal-veloċità massima ddisinjata, tat--torque massimu tal-magna u tal-qawwa netta massima tal-magna (metodi ta’ kejl) ta’ tip ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu ta’ dawn il-vetturi għandhom ikunu kif stabbilit fid-Direttiva 92/61/KEE.

Artikolu 3

Fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din id-Direttiva il-Kummissjoni għandha twettaq studju komprensiv ġdid sabiex tistabilixxi jekk hemmx rabta bejn l-inċidenti u l-qawwa massima tal-magna ‘l fuq minn 74 kW. L-istudju għandu jiġbor u jivvaluta r-riżultati tar-riċerka xjentifika l-iktar riċenti u jwettaq riċerka ġdida xierqa bl-iskop li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet definittivi ta’ politika dwar dan is-suġġett. Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni għandha, jekk neċessarju, tipproponi miżuri leġislattivi ġodda.

Artikolu 4

Kwalunkwe emenda neċessarja sabiex jiġu adattati l-ħtiġiet ta’ l-Annessi I u II għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE [5].

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Awwissu 1996. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew inkella jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu id-dħul inizjali fis-servizz ta’ vetturi li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-2 ta’ Frar 1997.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 6

Il-leġislazzjoni nazzjonali tista’ tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni inizjali u kwalunkwe reġistrazzjoni sussegwenti fit-territorju tagħhom ta’ vetturi li għandhom qawwa massima netta ta’ aktar minn 74kW.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-2 ta’ Frar 1995.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President,

K. Hänsch,

Għall-Kunsill

Il-President

A. Juppé

[1] ĠU L 225, ta’ l-10.8.1992, p. 72.

[2] ĠU C 93, tat-13.4.1992, p. 166.

[3] ĠU C 313, tat-30.11.1992, p. 7.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 1993 (ĠU C 72, tal-15.3.1993, p. 128), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1993 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-ta’ Mejju 1994 (ĠU C 205, tal-25.7.1994, p. 159). Test konġunt tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tat- 13 ta’ Diċembru 1994.

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1, kif emendat l-aħħar mid-Direttiva 92/53/KEE (ĠU L 225, ta’ l-10.8.1992, p. 1).

--------------------------------------------------

LISTA TA’ L-ANNESSI

L-ANNESS I: | Ħtiġiet li jikkonċernaw il-metodu ta’ kejl tal-veloċità massima ddisinjata … | 4 |

Appendiċi 1: | Proċedura għad-definizzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-korsa annulari tat-test. … | 8 |

Appendiċi 2: | Dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna il-karatteristiċi essenzjali tat-tip ta’ vettura li jeffettwaw il-veloċità massima ddisinjata tagħha … | 9 |

Appendiċi 3: | Ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent fir-rigward tal-veloċità massima ddisinjata ta’ tip ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta … | 9 |

L-ANNESS II: | Ħtiġiet li jikkonċernaw il-metodi ta’ kejl tat-torque massimu u l-qawwa massima netta tal-magna … | 10 |

Appendiċi 1: | Determinazzjoni tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta ta’ magni b’ignition bl-ispark għal ċiklomuturi … | 10 |

Sub-appendċi 1: | Dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna karatteristiċi essenzjali tat-tip ta’ magna li jeffetwa it-torque massimu u l-qawwa massima netta tagħha … | 18 |

Sub-appendiċi 2: | Ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent fir-rigward tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta tal-magna ta’ tip ta’ ċiklomutur … | 18 |

Appendiċi 2: | Determinazzjoni tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta ta’ magni bi spark ignition għal muturi u triċikli … | 19 |

Sub-appendiċi 1: | Kejl tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta ta’ magna permezz tal-metodu tat-temperatura tal-magna … | 28 |

Sub-appendiċi 2: | Dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-karatteristiċi essenzjali tat-tip ta’ magna li jeffetwa it-torque massimu u l-qawwa massima netta … | 29 |

Sub-appendiċi 3: | Ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent fir-rigward tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta tal-magna ta’ tip ta’ mutur jew triċiklu … | 29 |

Appendiċi 3: | Determinazzjoni tat-torque massimu u tal-qawwa massima netta ta’ magni ta’ injezzjoni bil-kompressjoni armati fuq vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta … | 30 |

Sub-appendiċi 1: | Dokument ta’ informazzjoni li jikkonċerna l-karatteristiċi essenzjali tat-tip ta’ magna li jeffetwa t-torque massimu u l-qawwa massima netta … | 40 |

Sub-appendiċi 2: | Ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip komponent li jikkonċerna t-torque massimu u l-qawwa massima netta tal-magna ta’ tip ta’ vettura bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta … | 40 |

--------------------------------------------------