31995D0319



Official Journal L 188 , 09/08/1995 P. 0011 - 0013


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta' Lulju 1995

biex tistabbilixxi Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol

(95/319/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi "Grupp ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol" ilu jopera informalment sa mill-1982;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [1] fil-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-igjene, u s-saħħa fuq ix-xogħol tikkontempla l-formalizzazzjoni ta' laqgħat regolari ta' dan il-Grupp;

Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1992 dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar effettiv tal-leġislazzjoni tal-Kommunità fil-qasam ta' l-affarijiet soċjali [2] jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jibqgħu jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa bejn il-membri tal-Grupp fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [3] dwar il-programm tagħha li jikkonċerna s-sigurtà, l-iġjene, u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol tipprovdi għall-formalizzazzjoni tal-"Grupp ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol" bħala Kumitat;

Billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 Ġunju 1994 dwar l-iżvilupp ta' kooperazzjoni amministrattiva dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Komunità fis-suq intern [4] tiżviluppa attitudni ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni, ibbażata fuq l-obbligazzjonijiet ta' l-assistenza reċiproka u t-trasparenza u fuq il-principji tal-proporzjonalità u l-kunfidenzjalità;

Billi din l-attitudni għandha tkun adottata wkoll fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni soċjali tal-Kommunità fil-qasam tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol partikolarment kif mistqarr fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija soċjali Ewropea (§ 10B) u l-Programm ta' Azzjoni Soċjali ta' Terminu medju;

Billi l-identifikazzjoni, l-analiżi, u r-riżoluzzjoni ta' problemi prattiċi relatati ma' l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jaqaw l-iktar taħt il-kompetenza tas-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol u jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk is-servizzi u l-Kummissjoni;

Billi l-"Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol", permezz ta' l-esperjenza twila tieghu, jikkostitwixxi qafas xieraq għall-monituraġġ, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-membri tiegħu u l-Kummissjoni, l-infurzar effetiv u l-ekwivalenti tal-ligi sekondarja tal-Kommunità fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u l-analiżi rigoruża ta' kwistjonijiet prattiċi involuti fil-monituragg ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam;

Billi din id-Deċiżjoni mhix f'kunflitt ma' l-obbligazzjonijiet tal-Istati Membri li joriġinaw mill-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni fuq ix-Xogħol ta' l-ILO tal-11 ta' Lulju 1947 (Nru 81),

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

L-Artikolu 1

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn "Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol", minn issa 'il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat".

2. Il-Kumitat għandu jkun jikkonsisti minn rappreżentanti tas-servizzi ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol ta' l-Istati Membri.

L-Artikolu 2

1. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni, jew fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar kull problema li għandha x'taqsam ma' l-infurzar mill-Istati Membri tal-ligi tal-Kommunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2. Minħabba d-diversità tar-responsabbiltajiet tas-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol, li jistgħu imorru lil hinn mill-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Kumitat, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tieghu stess, għandu wkoll jagħti l-opinjoni tiegħu fuq materji li jinkludu oqsma oħrajn tal-leġislazzjoni soċjali tal-Kommunità li jħallu impatt fuq is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

3. Il-Kumitat għandu jipproponi lill-Kummissjoni kull inizjattiva li jħoss li hi xierqa sabiex tinkoraġġixxi l-infurzar effettiv tal-liġi tal-Kommunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn is-sistemi nazzjonali tal-spezzjoni fuq ix-xogħol.

L-Artikolu 3

Il-Kumitat, fl-għajnuna li jagħti lill-Kummissjoni, għandu jaħdem sabiex jilħaq l-għanijiet segwenti:

1. jiddeffinixxi l-prinċipji komuni tal-ispezzjoni fuq ix-xoghol fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jiżviluppa metodi ta' assessjar tas-sistemi nazzjonali ta' l-ispezzjoni b'relazzjoni ma dawk il-prinċipji;

2. il-promozzjoni ta' l-għarfien imtejjeb u l-ftehim reċiproku dwar sistemi nazzjonali u prattiċi ta' spezzjoni fuq ix-xogħol differenti, il-metodi u l-oqsfa legali biex jieħu azzjoni;

3. l-iżvilupp ta' skambji ta' l-esperjenza bejn is-servizzi nazzjonali ta' l-ispezzjoni fuq ix-xogħol fil-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-liġi sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, biex jassigura l-infurzar konsistenti fil-Kommunità;

4. il-promozzjoni ta' skambji għall-ispetturi fuq ix-xogħol bejn l-amministrazzjonijiet u l-istabbiliment ta' programmi ta' taħriġ għall-ispetturi;

5. it-tfassil u l-pubblikazzjoni ta' dokumenti sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' l-ispetturi fuq ix-xogħol;

6. l-iżvilupp ta'sistema, effiċjenti u affidabbli, ta' skambju ta' l-informazzjoni bil-ħeffa bejn l-ispetturi fuq ix-xogħol dwar il-problemi kollha li jiltaqgħu magħhom fil-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Kommunità fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

7. l-istabbiliment ta' kooperazzjoni attiva ma' l-ispettorat fuq ix-xogħol ta' pajjiżi terzi sabiex jiġi promoss ix-xogħol magħmul mill-Kommunitá fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u sabiex tgħin biex issolvi problemi trans-fruntieri;

8. l-istudju ta' l-impatt possibbli fuq strateġiji oħrajn tal-Kommunitá ta' l-attivitajiet tal-ispezzjoni fuq ix-xogħol li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

L-Artikolu 4

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi programm fuq medda ta' tliet snin, li bih jiġu speċifikati l-attivitajiet individwali għal kull sena filwaqt li jieħu konsiderazzjoni ta' l-evalwazzjoni ta' l-attivitajiet tas-sena preċedenti.

L-Artikolu 5

1. Il-Kumitat għandu jkun jikkonsisti minn żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membru.

2. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu nominati mill-Kummissjoni fuq proposta mill-Istati Membri.

3. Iż-żmien tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta' tliet snin. Il-ħatra tagħhom tkun tista' tiġġedded.

4. Iż-żmien tal-kariga ta' membru għandu jintemm qabel jeskadi l-perjodu ta' tliet snin mar-riżenja jew il-mewt tiegħu jew tagħha, jew wara komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni li tindika li ż-żmien ta' kariga għandu jkun mitmum.

5. Il-membri m'għandhomx jirċievu ħlas għax-xogħol tagħhom.

L-Artikolu 6

Il-lista tal-membri għandha tkun ippubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għal skopijiet ta' l-informazzjoni.

L-Artikolu 7

1. Il-Kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-President għandu jkun mgħejun minn żewġ viċi-Presidenti magħżulin minn fost il-membri taż-żewġ Stati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill matul dik is-sena.

3. Il-President u ż-żewġ viċi-Presidenti għandhom jikkostitwixxu l-Bureau.

4. Il-Bureau għandu jipprepara u jorganiżża ix-xogħol tal-Kumitat flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni, li għandhom jiffunzjonaw bħala segretarjat ghall-Kumitat, għall-Bureau u għall-gruppi ta' ħidma referuti fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 8

1. Il-Kumitat jista', bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jistabilixxi gruppi ta' ħidma.

2. Esperti għandhom jieħdu sehem biss fid-deliberazzjonijiet fil-parti li għaliha jkun ġew mistiedna li jattendu.

L-Artikolu 9

1. Il-Kumitat jista', bi qbil mar-rappreżentant tal-Kummissjoni, jistabbilixxi gruppi ta' ħidma.

2. Il-gruppi ta' ħidma għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-Kumitat u għandhom jikkonsistu minn membri tal-Kumitat u/jew esperti, skond kif meħtieġ. Il-gruppi ta' ħidma għandhom jirrappurtaw lis-sessjoni plenarja tal-Kumitat.

L-Artikolu 10

1. Il-Kumitat u l-Bureau għandhom ikunu mlaqqa' mill-President tal-Kumitat, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta' terz tal-membri tal-Kumitat. Il-Kumitat għandu jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena.

2. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi ta' ħidma.

L-Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni tista', meta tfittex l-opinjoni tal-Kumitat, tistabbilixxi limitu ta' żmien li fih dik l-opinjoni għandha tkun mogħtija.

2. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat m'għandhomx ikunu segwiti b'vot.

3. Il-konklużjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu ddikjarati bil-miktub. Fl-eventwalità ta' differenzi ta' opinjoni bejn il-membri tal-Kumitat, għandha tingħata lill-Kummissjoni stqarrija bil-miktub ta' l-veduti espressi.

L-Artikolu 12

1. Il-Kumitat għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kummissjoni, speċjalment dwar xi problema li għandha x'taqsam ma' l-infurzar jew il-monitoraġġ ta' l-infurzar tal-leġislazzjoni sekondarja tal-Kommunitá dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2. Il-Kummissjoni għandha twassal dak ir-rapport lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene, u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

L-Artikolu 13

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu taħt l-obbligazzjoni li ma jiżvelawx informazzjoni li jkunu saru jafu mix-xogħol tagħhom fil-Kumitat jew mill-gruppi ta' ħidma, meta l-Kummissjoni jew membru tal-Kumitat ikun irid li l-informazzjoni mogħtija jew l-opinjoni mtluba jibqgħu konfidenzjali.

F'dawn il-każi, għandhom jattendu għal-laqgħat il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni biss.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta' Lulju 1995.

Għall-Kummissjoni

Pádraig Flynn

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

[2] ĠU C 49, tad-19.2.1993, p. 6.

[3] COM (95) 282 final.

[4] ĠU C 179, ta' l-1.7.1994, p. 1.

--------------------------------------------------