31994R3098



Official Journal L 328 , 20/12/1994 P. 0012 - 0012
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 64 P. 0061
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 64 P. 0061


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3098/94

tad-19 ta' Diċembru 1994

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2825/93 li jippreskrivi ċerti regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 dwar l-iffissar u l-għoti ta' rifużjonijiet aġġustati fuq ċereali esportati fl-għamla ta' ċerti spirti tax-xorb

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1866/94 [2], u partikolarment Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi għandu jkun hemm dispożizzjoni għal proċedura li tippermetti l-aġġustament, fiż-żmien meta tibdil għall-eliġibilta għal ċerti swieq jieħu effett, tal-koeffiċjent imsemmi f'Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2825/93 [3], fejn ir-rifużjonijiet jitneħħew jew ikunu ntrodotti mill-ġdid għall-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi terzi bħala riżultat tas-sitwazzjoni f'dawk is-swieq jew skond il-ftehim ma’ dawk il-pajjiżi; billi Artikolu 7 tal-imsemmi Regolament jiddisponi għal proċedura bħal din, u l-aġġustament isir, madankollu, mis-sena ta' wara dik li fiha jsiru t-tibdiliet; billi, għalhekk, id-dispożizzjonijiet konċernati u xi dispożizzjonijiet oħra dwar il-proċeduri li magħhom għandhom jimxu l-korpi kompetenti tal-Istati Membri u l-komunikazzjonijiet li għandhom isiru mill-Istati Membri għandhom ikunu emendati;

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għaċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2825/93 huwa b'dan emendat kif ġej:

1. Artikolu 7(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. Jekk ir-rifużjoni titneħħa skond il-paragrafu 1, jew jekk tkun introdotta mill-ġdid, u jekk ċerti swieq ma jibqgħux eliġibbli għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni skond l-Att ta’Adeżjoni jew il-ftehim ma’ terzi pajjiżi, il-koeffiċjent imsemmi f'Artikolu 4(1) għandu jkun aġġustat. Dak l-aġġustament ikun jinvolvi skond kif japplika, l-esklużjoni jew l-inklużjoni, fil-kwantitajiet totali esportati użati biex ikun ikkalkolat dak il-koeffiċjent, tal-kwantitajiet esportati lejn dawk is-swieq li għalihom ir-rifużjoni kienet tneħħiet jew kienet introdotta mill-ġdid. Il-koeffiċjent aġġustat għandu jgħodd mill-ewwel ġurnata fiskali tal-perjodu tad-distillazzjoni li tiġi wara l-bidla fl-eliġibbilt_ tas-swieq konċernati."

2. Il-paragrafu 4 li ġej huwa miżjud ma’ Artikolu 12:

"4. Meta l-koeffiċjent huwa aġġustat skond Artikolu 7(2), ir-rifużjonijiet li tħallsu ħażin mid-data tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent aġġustat għandhom jitħallsu lura mill-benefiċjarji."

3. Il-paragrafu 4 li ġej huwa miżjud ma’ Artikolu 18:

"4. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri konċernati għandhom ukoll jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jaġġustaw il-koeffiċjent imsemmi f'Artikolu 7(2)."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 1994.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 181, tal-1.7.1992, p. 21.

[2] ĠU L 197, tat-30.7.1994, p. 1.

[3] ĠU L 258, tas-16.10.1993, p. 6.

--------------------------------------------------