31994R3036



Official Journal L 322 , 15/12/1994 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 13 P. 0135
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 13 P. 0135


Ir-Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 3036/94

tat-8 ta' Diċembru 1994

li jistabbilixxi arranġamenti ekonomiċi dwar ipproċessar mhux Komunitàrju li japplika għal ċerti prodotti tat-tessuti u drapp ri-importati fil-Komunità wara li dawn jiġu maħduma u proċessati f'ċerti pajjiżi mhux membri

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitàjiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-arranġamenti ta' importazzjoni fil-Komunità għas-setturi tat-tessuti u drapp fir-rigward ta' ċerti pajjiżi mhux membri jipprovdu għal miżuri speċifiċi li japplikaw għal prodotti li jirriżultaw minn operazzjoni ta' proċessar mhux komunitarju;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 636/82 [1] ħoloq arranġamenti ekonomiċi dwar proċessar mhux komunitarju li japplikaw għal ċerti prodotti ta' tessuti u drapp ri-importati fil-Komunità wara li dawn jiġu maħduma u proċessati f'ċerti pajjiżi mhux membri;

Billi l-politika tal-Komunità hi maħsuba b'mod partikolari biex tgħin lill-industrija tat-tessuti u drapp sabiex tadatta għall-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni internazzjonali; billi dawn l-arranġamenti dwar proċessar mhux komunitarju ġodda jridu jaqblu ma' l-isforzi sabiex tiżdied il-kompetittività fl-industrija tal-Komunità u għalhekk iridu mhux biss ikunu riservati għal din l-industrija iżda wkoll mogħtija biss lill-impriżi li jagħmlu, fil-Komunità, prodotti fl-istess stadju ta' fabbrikazzjoni bħal dawk li jkunu maħsuba li jiġu ri-importati wara li jsir proċessar mhux komunitarju, bla ħsara, iżda, għad-drittijiet tal-persuni li ma jaderixxux mal-kondizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li lilhom jistgħu jingħatawlhom derogi sal-kwantitajiet totali importati taħt arranġamenti speċifiċi matul sena mis-sentejn qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għal prodotti li ma jkunux differenti fl-għamla jew l-użu;

Billi t-twaqqif tas-Suq Intern fl-1993 jeħtieġlu spazju mingħajr fruntieri li fihom, b'mod partikolari, jiġi assigurat iċ-ċaqliq liberu ta' l-oġġetti; billi dan jinvolvi, inter alia, it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u l-eliminazzjoni ta' nuqqas ta' qbil fir-rigwar ta' arranġamenti ta' importazzjoni, kif ukoll l-għażla ta' ri-importazzjoni ta' prodotti li jikkompensaw ġewwa l-Istati Membri minbarra fejn tkun ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel;

Billi l-kummerċ fi prodotti tat-tessuti u drapp għandu jkun konformi ma' l-operat ta' l-imsemmi Suq Intern, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-użu ta' arranġamenti ekonomiċi dwar proċessar mhux komunitarju għat-tessuti;

Billi l-kwoti reġjonali li kienu jeżistu qabel dwar proċessar mhux komunitarju ġew sostitwiti mill-1 ta' Jannar 1993 b'sistema ta' kwoti allokati mhux bejn l-Istati Membri tal-Komunità;

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibqgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet minn qabel lill-applikanti li jkunu jridu jużaw l-iproċessar mhux komunitarju, iżda, huma u jagħmlu hekk, għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet mitluba, sabiex jivverifikaw jekk dawk il-kwantitajiet ikunux disponibbli fil-limiti totali stabbiliti fil-livell tal-Komunità;

Billi l-kwantitajiet għandhom jiġu allokati f'porzjonijiet massimi u l-applikazzjonijiet għal porzjon ġdid għandhom ikunu possibbli biss meta l-porzjon li jkun ġie allokat ikun intuża ta' l-inqas 50 % minnu;

Billi l-kriterji u l-kondizzjonijiet li għandhom josservaw l-operaturi fl-Istati Membri sabiex jikkwalifikaw taħt dawn l-arranġamenti mhumiex fil-preżent applikati uniformalment fil-Komunità;

Billi, għalhekk, ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kriterji u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu armonizzati sabiex jagħtu aċċess għal proċessar mhux komunitarju skond kondizzjonijiet li komuni għall-Komunità kollha, b'mod speċjali għar-rigward tat-tifsira ta' "benefiċjarju", tal-frażi "prodotti simili", il-prijorità għall-fabbrikanti li jżommu importazzjoni importanti ġewwa l-Komunità u d-deroga mir-regoli li jappartjenu għall-oriġini tal-prodott esportat għall-iproċessar barra l-komunità;

Billi l-allokazzjoni ta' kwantitajiet ta' prodotti għal kull applikant għandha tkopri mhux biss il-kwantitajiet disponibbli taħt l-arranġamenti ta' importazzjoni stabbiliti għar-rigward tal-prodott partikolari u l-pajjiż mhux membru interessat, imma wkoll ta' l-istatus ta' bona fide tal-benefiċjarju bħala fabbrikant u l-isforzi tal-fabbrikant biex iżomm il-produzzjoni u l-impjieg ġewwa l-Komunità ta' oġġetti li jkunu fl-istess stat ta' fabbrikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin ma jnaqqasx il-kwantitajiet li jkunu ngħataw, jew ntużaw, minn benefiċjarji fil-passat;

Billi, sabiex jinżammu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, ikun xieraq li l-kwantitajiet tal-prodott allokati jkunu riveduti fl-aħħar ta' kull sena li fiha l-kwantitajiet li jkunu disponibbli għal dawk ġodda ma jkunux biżżejjed;

Billi sabiex jiġi assigurat maniġġjar tas-sistema b'mod effiċjenti u imparzjali, id-distribuzzjoni tal-kwantitajiet għall-ipproċessar barra l-komunità li ma jkunux iġġennbu biex jissodisfaw l-applikazzjonijiet ta' persuni b'allokazzjoni marbuta ma' mġiba passata għandha ssir fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel jilħaq;

Billi, skond il-Protokoll Nru 1 dwar Prodotti tat-Tessuti u Drapp għat-Tratttati ta' l-Ewropa u t-Trattati Interim li ġew konklużi bejn il-Komunità u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka, il-Polonja, l-Ungerija, il-Bulgarija u r-Rumanija, hu xieraq li l-għan ta' l-applikazzjoni tar-Regolament jiġi estiż għal ċerti kategoriji ta' prodotti liberalizzati li joriġinaw f'dawk il-pajjiżi;

Billi hu meħtieġ li l-lista ta' prodotti li għaliha japplika dan ir-Regolament għandha tkun konformi mal-klassifikazzjoni preżenti tal-prodotti tat-tessuti (kategoriji) skond in-Nomenklatura magħduda;

Billi dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa ir-ri-importazzjoni ta' prodotti ġewwa l-Komunità wara li jkunu maħduma jew proċessati f'pajjiżi mhux membri wara li jkunu nkisbu l-awtorizzazzjonijiet minn qabel li jkunu maħruġa qabel id-data tat-tħaddim tiegħu;

Billi l-amministrazzjoni effiċjenti ta' l-arranġamenti dwar proċessar mhux komunitarju teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jipprovdi l-kondizzjonijiet għat-tħaddim ta' l-arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar mhux komunitarju (hawn aktar 'il quddiem magħruf bħala "l-arranġamenti") ta' prodotti tat-tessut u drapp elenkati fil-Kapitoli 50 u 63 tan-Nomenklatura Magħduda u li jirriżultaw mill-operat ta' l-iproċessar mhux komunitarju.

2. Għall-fini ta' dan ir-Regolament "operazzjonijiet ta' proċessar mhux komunitarju" (hawn aktar 'il quddiem magħrufa bħala "operazzjonijiet ta' proċessar") tfisser l-operazzjonijiet li jikkonsistu fl-ipproċessar ġewwa pajjiż mhux membru ta' oġġetti li jkunu temporanjament esportati mill-Komunità sabiex sussegwentement jiġu ri-importati bħala prodotti li jikkompensaw.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3), id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal prodotti tat-tessuti u drapp li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta' proċessar f'pajjiż mhux membru kull meta jkun hemm ftehim dwar limiti ta' importazzjoni jew sorveljanza għar-rigward ta' prodotti tat-tessuti u drapp mill-istess pajjiż u kull meta jkun hemm miżuri speċifiċi li japplikaw għall-prodotti li jirriżultaw minn operazzjoni ta' proċessar fil-każ ta' dawk il-prodotti u ta' dak il-pajjiż mhux membru.

4. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "prodotti li jikkompensaw" tfisser dawk il-prodotti li jirriżultaw mill-użu ta' oġġetti li jkunu għaddew minn operazzjonijiet ta' proċessar kif indikat fl-Artikolu 2(2)(d);

(b) "oġġetti" tfisser dawk l-oġġetti esportati mit-territorju doganali tal-Komunità lil pajjiż mhux membru sabiex iġarrbu l-operazzjonijiet ta' proċessar imsemmijin;

(ċ) "valur totali ta' l-oġġetti" tfisser:

- fil-każ ta' l-oġġetti importati minn qabel, il-valur tagħhom għal finijiet ta' dwana kif imfissra bir- Regolament (KEE) Nru 1224/80 [2],

- fil-każijiet l-oħra kollha, il-prezz ta' l-eks-fabbrika;

(d) "l-awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità fi Stat Membru li tkun kompetenti sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet minn qabel;

(e) "prodotti simili" huma dawk il-prodotti li jinsabu fl-istess kategorija jew fl-istess grupp ta' kategoriji kif elenkati fl-Anness I, li jistgħu jiġu modifikati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 12.

Artikolu 2

1. Il-benefiċċju ta' l-arranġamenti għandhom jiġu mogħtija biss lil persuni naturali jew legali kif stabbiliti ġewwa l-Komunità.

2. Kull persuna li għaliha jirreferi paragrafu 1 li tapplika biex tibbenefika skond l-arranġamenti trid taderixxi mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) dik il-persuna għandha:

- timmanifattura, ġewwa l-Komunità, prodotti li jkunu simili għal u fl-istess stadju ta' manifattura daqs il-prodotti li jikkompensaw u li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għall-arranġament, u

- tagħmel fil-fabbrika tagħha, ġewwa l-Komunità, il-proċessi maġġuri ta' produzzjoni fuq dawk il-prodotti, ta' l-inqas il-ħjata u t-tiġmigħ, jew innittjar fil-każ ta' lbiesi imfassla għal kollox u maħduma mill-ħajt tas-suf.

Sabiex tiġi stabbilita l-eliġibilità ta' applikazzjoni taħt din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx iqisu d-disinn jew il-manifattura tal-mudelli jew kampjuni;

(b) dik il-persuna jista' jkollha prodotti li jikkompensaw li jkunu maħduma, ġewwa pajjiż mhux membru, permezz ta' proċessar, li ma jaqbżux il-kwantitajiet allokati mill-awtoritatjiet kompetenti ta' l-Istati Membri fejn issir l-applikazzjoni, u soġġetta għall-kondizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 3;

(ċ) l-oġġetti li dik il-persuna tesporta temporanjament sabiex isirulhom operazzjonijiet ta' proċessar trid tkun tgawdi minn ċaqliq liberu skond kif miftihem fl-Artikolu 9(2) tat-Trattat u ta' oriġini komunitarja skond id-definizzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità [3] u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tiegħu. Derogi mid-dispożizzjonijiet ta' dan is-subparagrafu jistgħu jingħataw mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għar-rigward biss ta' dawk l-oġġetti li l-produzzjoni tagħhom fil-Komunità ma tkunx suffiċjenti. Derogi bħal dawn ma jistgħux jingħataw għar-rigward ta' aktar minn 14 % tal-valur totali ta' l-oġġetti li għalihom tkun saret talba bil- quddiem għal awtorizzazzjoni jew li għalihom il-benefiċċju ta' l-arranġament ikun ingħata lill-benefiċjarju fis-sena ta' qabel. F'każijiet li jkunu eċċezzjonali jew ġustifikati ekonomikament, l-awtoritajiet kompetenti, fuq bażi ta' deċiżjoni li tittieħed skond il-proċedura fl-Artikolu 12, jistgħu jaqblu ma' perċentwali ogħla ta' deroga.

Benefiċjarji tal-passat li jkunu bbenefikaw fl-1994 minn perċentwali ogħla minn 14 % jistgħu ikomplu hekk għall-istess kwantitajiet għal perijodu ta' tliet snin fuq bażi ta' lista li tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. Wara dan, eċċezzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeddu fuq bażi ta' deċiżjoni li tittieħed skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 12.

L-Istati Membri għandhom kull erba' xhur jikkomunikaw mal-Kummissjoni l-aspetti prinċipali tad-derogi li jkunu ngħataw, jiġifieri, in-natura, l-oriġini u l-kwantitajiet ta' l-oġġetti imsemmijin li jkunu oriġinaw barra mill-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra sabiex isir eżami mill-Kumitat li għalih jirreferi l-Artikolu 12.

(d) l-operazzjonijiet ta' proċessar li għandhom jiġu mwettqa fil-pajjiżi mhux membri m'għandhom ikunu aktar estensivi minn dawk stabbiliti fl-Anness II għal kull prodott. L-operazzjonijiet ta' proċessar li għandhom jiġu mwettqa jistgħu, iżda, ikunu inqas estensivi minn dawk stabbiliti fl-Anness II għal kull prodott.

L- Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 (a) għar-rigward ta' persuni li ma jkunux qed jaderixxu mal-kondizzjonijiet imsemmija f'dak il-paragrafu.

Dawn id-derogi għandhom japplikaw biss sa l-ammont tal-kwantitajiet totali importati taħt arranġamenti speċifiċi tat-tip kif imfisser fl-Artikolu 1(3) matul wieħed mis-sentejn ta' qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KEE) Nru 636/82, u għal prodotti li ma jkunux differenti fl-għamla jew fl-għan.

Meta, wara l-bidu tas-seħħ ta' dan ir-Regolament, arranġament speċifiku ta' tip kif imfisser fl-Artikolu 1(3) jiġi mħaddem għall-ewwel darba fil-konfront ta' xi pajjiż, u għal ċerti kwantitajiet jissostitwixxi l-arranġament ta' limitazzjoni non-speċifiku li jkun qabel japplika għal dawk il-kwantitajiet mingħajr, iżda, ma jagħti lok għal żieda totali fil-possibbilitajiet ta' importazzjoni bħala riżultat ta' l-applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ arranġamenti, derogi simili jistgħu jiġu applikat sal-limitu tal-kwantitajiet tal-prodotti li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta' proċess li qabel kienu importati taħt l-arranġament ta' limitazzjoni ta' importazzjoni non-speċifika.

Id-deroga msemmija fis-subparagrafu ta' qabel dan għandha tapplika bi prijorità għal dawk il-persuni li kienu qabel ibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi msemmija hawn fuq.

Il-każijiet fejn ġie applikat dan il-paragrafu għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddihom lill-Istati Membri sabiex jiġu eżaminati mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12.

Artikolu 3

1. Il-kwantitajiet annwali ta' prodotti li jikkompensaw li r-ri-importazzjoni tagħhom tista' tiġi awtorizzata skond l-aranġamenti speċifiċi ta' imporazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) għandhom jiġu stabbiliti fuq livell ta' Komunità.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqassmu bejn il-benefiċjarji potenzjali l-kwantitajiet annwali msemmija fil-paragrafu 1 skond kif imfisser fl-Artikolu 2 fuq il-bażi ta' l-applikazzjoni tagħhom sottomessa skond l-Artikolu 4(2) u biss wara li jiġi konfermat mill-Kummissjoni li jkun għad fadal ammonti disponibbli fil-kwota tal-Komunità għall-kategorija kollha u l-pajjiż mhux membru interessat.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3), dan it-tqassim irid ikun tali li jassigura li l-għan li tiġi miżmuma l-attività industrijali tal-benefiċjarju fil-Komunità, kif provdut fl-Artikolu 2(2), ikun osservat għar-rigward kemm tan-natura tal-prodotti u għall-kwantitajiet espressi f'units fisiċi jew valur miżjud.

4. Kull benefiċjarju passat għandu jingħata għal kull kategorija u pajjiż mhux membru ammont li jkun ugwali għall-kwantità totali li għaliha jkun wettaq OPT jew fl-1993 jew fl-1994 għal dik il-kategorija u dak il-pajjiż.

Benefiċjarji jsiru eliġibbli għal allokazzjoni addizzjonali għall-istess kategorija u għall-istess pajjiż skond kif provdut fil-paragrafu 5 biss meta jkunu użaw il-kwantitajiet imsemmija fis-subparagrafu ta' qabel dan kif provdut fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 5.

B'żieda ma' dan, benefiċjarju passat li jagħżel li ma jutilizzax il-kwantitajiet riservati għalih taħt l-ewwel subparagrafu għar-rigward ta' xi kategorija speċifika u pajjiż mhux membru, isir eliġibbli li japplika għal kwantità ugwali f'kategorija oħra u pajjiż mhux membru, skond ir-regola ta' min jiġi l-ewwel jilħaq imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5. Il-kwantitajiet li għalihom tkun saret rinunzja għandhom minnufih jiżdiedu mal-kwantitajiet li jiġu allokati skond paragrafu 6.

Mas-sħubija ta' pajjiż fil-Komunità, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu japplikaw għall-operaturi ekonomiċi ta' dak il-pajjiż li jkun wettaq operazzjonijiet ta' proċessar mhux komunitaarji f'waħda mis-sentejn ta' qabel is-sħubija sal-livell tal-kwantitajiet hekk imwettqa.

4. Il-kwantitajiet ta' prodotti li jikkompensaw li ma jkunux twarrbu sabiex jagħmlu tajjeb għall-applikazzjonijiet magħmula skond paragrafu 4 għandhom jiġu mqassma mill-Kummissjoni abbażi tan-notifiki rċevuti mill-Istati Membri u fl-ordni kronoloġiku li fih dawn in-notifiki jkunu ġew irċevuti (fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel jilħaq).

L-allokazzjonijiet għandhom jingħataw biss lill-fabbrikanti li jistgħu jippruvaw li fis-sena preċedenti jkunu żammew il-produzzjoni fil-Komunità. Kull wieħed minn dawn il-fabbrikanti jista' japplika għal kwantità totali ta' prodotti li jikkompensaw għall-valur ta' l-ipproċessar li jkun twettaq fil-pajjiżi mhux membri li ma jkunx akbar minn 50 % tal-valur tal-produzzjoni fil-Komunità.

Il-valur tal-produzzjoni fil-Komunità ta' l-applikant interessat għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prodotti elenkati fl-Anness II li jkunu manifattuarti fil-Komunità.

L-allokazzjoni għandha ssir permezz ta' ammonti massimi għal kull applikazzjoni u għal kull kategorija u għal kull pajjiż mhux membru interessat. Jekk issir applikazzjoni ġdida, ammonti addizzjonali għall-istess kategorija u għall-istess pajjiż mhux membru jistgħu biss jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti lil xi applikant partikolari meta l-ammont li qabel ikun ġie awtorizzat għal dik l-applikazzjoni jkun fil-fatt ġie utilizzat għal mill-inqas 50 % jew għall-inqas oġġetti li jikkorispondu għal 80 % ta' l-ammont li jkun qabel ġie awtorizzat ikunu ġew esportati.

Kull wieħed mill-fabbrikanti li jkun ġie awtorizzat sabiex iwettaq fis-sena preċedenti operazzjonijiet ta' proċessar mhux komunitarju skond dan il-paragrafu għandu jingħata kwantitajiet ta' prodotti li jikkompensaw skond il-paragrafu 4. Meta l-produzzjoni fil-Komunità ta' fabbrikant tkun naqset minħabba operazzjonijiet ta' proċessar mhux komunitarju mwettqa fis-sena preċedenti, dawn il-kwantitajiet milħuqin qabel għandhom jiġu mnaqqsa proporzjonalment.

Il-kwantitajiet għal kull kategorija u kull pajjiż mhux membru li jkunu ġew allokati għandhom jaqblu ma' l-ammont tal-prodotti li jikkompensaw li jkunu ri-importati mill-fabbrikant matul il-perjodu msemmi fis-subparagrafu ta' qabel dan.

6. Meta benefiċjarji ma jużawx il-kwantitajiet kollha li għalihom ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel skond dan l-Artikolu, il-kwantitajiet mhux użati għandhom jiġu kreditati mill-ġdid lill-kwota tal-Komunità u b'hekk ikunu disponibbli skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu 5.

L-applikant għandu, fi żmien 15-il ġurnata mill-għeluq tal-perjodu, jirritorna lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw dik l-awtorizzazzjoni kull awtorizzazzjonijiet li jkollu minn qabel, li ma jkunux użati jew użati parzjalment.

Għall-eżekuzzjoni ta' dan il-paragrafu, "kwantitajiet mhux użati" tfisser dawk il-kwantitajiet li għalihom ikunu ngħataw awtorizzazzjonijiet minn qabel iżda ma jkunux użati matul limitu ta' sitt xhur jew disa' xhur fil-każ ta' żieda fil-limitu tal-ħin oriġinali mogħti mill-awtoritajiet kompetenti (i.e. il-formalitajiet temporanji għall-esportazzjoni għall-kwantità kollha ta' materjal mhux maħdum indikat fl-awtorizzazzjoni minn qabel ma jkunux ġew kompluti). L-awtoritajiet kompetenti għandom jindikaw lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr l-ammonti ta' kwantitajiet mhux użati sabiex jiġu kreditati mill-ġdid lill-kwota tal-Komunità.

7. Fit-tmiem ta' kull sena kalendarja li fiha l-kwantitajiet ta' prodotti li jikkompensaw li jkunu disponibbli jirriżultaw mhux biżżejjed meta mqabbla ma' l-applikazzjonijiet magħmula skond paragrafu 5, irid isir eżami, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, ta' kemm u kif l-allokazzjonijiet ikunu ġew riveduti.

8. Dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-eżekuzzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 12.

Artikolu 4

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni minn qabel biss lil dawk l-applikanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament.

2. L-applikant għandu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti il-kuntratt konkluż ma' l-entità responsabbli għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' proċessar għan-nom tiegħu fil-pajjiż mhux membru, jew kull evidenza li l-awtoritajiet imsemmija jikkunsidraw bħala li tkun ekwivalenti għaliha.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel il-15 ta' Jannar ta' kull sena bil-kwantitajiet totali, għal kull kategorija u pajjiż mhux membru, li jkunu allokati lill-benefiċjarji skond l-Artikolu 3(4) matul dik is-sena tal-kwota.

4. Mill-15 ta' Jannar ta' kull sena, talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel jistgħu jiġu notifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti u jistgħu jinħarġu awtorizzazzjonijiet minn qabel.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, qabel ma joħorġu awtorizzazzjonijiet minn qabel, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ammonti tat-talbiet li jkunu rċevew. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-konferma li l-ammont(i) tal-kwantitajiet mitluba jkunu disponibbli għar-ri-importazzjoni fl-ordni kronoloġiku li fih ikunu ġew irċevuti n-notifikazzjonijiet ta' l-Istati Membri (fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel jilħaq).

Normalment, dawn in-notifiki għandhom jiġu komunikati b'mod elettroniku permezz tal-integrated network stallat għal dan il-għan, sakemm għal raġunijiet ta' ħtieġa assoluta jkun meħtieġ li temporanjament jintużaw mezzi oħra ta' komunikazzjoni.

Artikolu 5

1. Awtorizzazzjoni minn qabel għandha tingħata biss fejn ikun possibbli għall-awtoritajiet li jidentifikaw temporanjament oġġetti esportati li jkunu ri-importati fi prodotti li jikkompensaw.

2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw l-għoti taħt l-iskema meta jaraw li ma jkunux jistgħu jingħataw il-garanziji kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jeserċitaw kontroll effettiv fuq l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

3. L-awtorizzazzjoni minn qabel għandha tipprovdi l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom isiru l-operazzjonijiet ta' proċessar; dawn għandhom jinkludu:

- il-kwantitajiet ta' oġġetti li ser jiġu esportati u tal-prodotti li ser jiġu ri-importati, kalkolati abbażi tal-prodott li jkun iffissat skond id-data teknika li għandha x'taqsam ma' l-operazzjonijiet ta' proċessar jew funzjonijiet li jridu jitwettqu, jekk id-data tkun ġiet stabbilita jew, jekk le, id-data disponibbli fil-Komunità għall-funzjonijiet ta' l-istess għamla,

- il-proċeduri sabiex jiġu identifikati l-oġġetti għall-esportazzjoni temporanja fil-prodotti li jikkompensaw,

- il-massimu tal-ħin li fih issir ir-ri-importazzjoni li jiddependi mill-ħin meħtieġ biex tiġi mwettqa l-operazzjoni jew operazzjonijiet ta' proċessar

4. Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li l-livell ta' impjieg fl-azjenda ta' l-applikant ikun ġie ridott b'mod sinifikattiv minħabba operazzjonijiet ta' proċessar mhux komunitarju mwettqa f'xi sena waħda, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom bl-istess mod inaqqsu l-kwantitajiet li jistgħu jiġu mitluba mill-applikant taħt dan ir-Regolament fis-sena ta' wara.

Artikolu 6

L-awtorizzazzjoni li tkun inħarġet minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi sottomessa lill-uffiċċju tad-dwana interessat fiż-żmien ta' l-esportazzjoni temporanja għall-finijiet li jiġu sodisfatti l-formalitajiet doganali.

Artikolu 7

Jekk il-Kummissjoni hekk titlob, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawha b'kull rifjut ta' awtorizzazzjonijiet li jinħarġu minn qabel flimkien mar-raġunijiet, li joħorġu mill-kondizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament, għalfejn din l-awtorizzazzjoni ma ngħatatx.

Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 2 u sakemm il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-awtorizzazzjoni jiġu osservati u l-formalitajiet doganali l-oħrajn li normalment huma rikjesti fiż-żmien ta' l-importazzjoni jiġu mħarsa, ir-ri-importazzjoni tal-prodotti li jikkompensaw ma tistax tiġix rifjutata.

2. Meta l-prodotti li jikkompensaw jiġu ri-importati fil-Komunità, il-persuna li tiddikjarahom għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti, mingħajr preġudizzju għal xi regoli oħra tal-Komunità li jirregolaw il-kummerċ mal-pajjiż mhux membru interessat, l-awtorizzazzjoni minn qabel flimkien ma' evidenza li l-operazzjoni ta' proċessar ġiet fil-fatt magħmula fil-pajjiż mhux membru dikjarat fl-awtorizzazzjoni minn qabel.

Artikolu 9

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, meta jkun ġustifikat fiċ-ċirkostanzi:

- jagħtu estensjoni tal-ħin limitat li oriġinalment kien mogħti għar-ri-importazzjoni,

- jikkonċedu li l-prodotti li jikkompensaw jiġu ri-importati f'diversi kunsinni; fejn dan iseħħ, għandha ssir nota minn qabel fuq l-awtorizzazzjoni kif u meta tasal kull kunsinna.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jħallu wkoll ir-ri-importazzjoni tal-prodotti li jikkompensaw anke jekk ma jkunux saru l-operazzjonijiet ta' proċessar kollha li jkun maħsub għalihom fl-awtorizzazzjoni minn qabel.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni ċifri li jirreferu għar-ri-importazzjonijiet li jkunu twettqu fit-territorju tagħhom fil-qafas ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri.

Artikolu 11

1. L-arranġamenti li jinsabu f'dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu l-arranġamenti ta' proċessar mhux komunitarji oħra kollha li jkunu preżentement qed jiġu applikat mill-Istati Membri għar-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

3. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 154 u 159 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jitratta dwar arranġamenti ta' proċessar mhux komunitarji u skambji standard.

3. Sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(3) tal-Protokoll Nru 1 dwar Prodotti tat-Tessuti u Drapp tal-Ftehim ta' l-Ewropa u l-Ftehim Interim bejn il-Komunità u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija rispettivament, il-prodotti elenkati fl-Anness II u li joriġinaw f'dawk il-pajjiżi skond il-Protokoll Nru 4 dwar l-oriġini tal-Ftehim ta' l-Ewropa mal-Komunità, ma jeħtiġilhomx li jkunu soġġetti għall-arranġamenti jew il-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 1(3) jew il-limiti annwali msemmija fl-Artikolu 2(2)(b). Awtorizzazzjonijiet minn qabel għal dawk il-kategoriji ta' prodotti għandhom jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti wara li ssir notifika lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet mitluba, u sakemm il-kondizzjonijiet tar-Regolament jiġu osservati.

Artikolu 12

1. Għandu jitwaqqaf kumitat dwar arranġamenti ekonomiċi ta' proċessar mhux komunitarju għat-tessuti (hawn aktar 'il quddiem magħruf bħala "il-Kumitat") u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, li l-President tiegħu ikun rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura hu stess.

2. Il-Kumitat jista' jeżamina l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-tħaddim ta' dan ir-Regolament li jiġu riferuti lilu mill-president tiegħu jew fuq inizjattiva personali jew fuq talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

3. Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija hawn taħt:

(a) ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'perijodu ta' żmien li jistabbilixxi l-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata permezz ta' maġġoranza ta' 54 voti, il-voti ta' l-Istati Membri jkollhom il-valur kif provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma jistax jivvota.

(b) (i) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(ii) Fejn il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew fl-assenza ta' xi opinjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tissottometti lill-Kunsill proposta li tirreferi għall-miżuri li għandhom jiġu meħuda. Il-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata.

(iii) Jekk, mal-għeluq ta' xahar mid-data li fih il-każ kien ġie riferut lilu, il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda miżuri, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u tapplikahom minnufih.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa r-ri-importazzjoni ta' prodotti ġewwa l-Komunità wara li jkunu maħduma jew proċessati f'pajjiżi mhux membri fuq il-bażi ta' awtorizzazzjonijiet minn qabel maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Regolament (KEE) Nru 636/82 għandu jiġi mħassar b'effett mill-31 ta' Diċembru 1994.

Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995. L-Artikolu 11(3) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1994.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmul ġewwa Brussels, fit-8 ta' Diċembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Rexrodt

[1] ĠU L 76, ta' l-20.3.1982, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att tas-Sħubija ta' Spanja u l-Portugall.

[2] ĠU L 134, tal-31.5.1980, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat permezz ta' l-Att tas-Sħubija ta' Spanja u l-Portugall.

[3] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS 1

Gruppi ta' kategoriji li l-Artiklu 1(4) (d) jirreferi għalihom

Prodotti simili fl-istess stadju ta' manifattura huma definiti bħala prodotti li jaqgħu fl-istess kategorija jew fl-istess grupp ta' kategoriji kif turi l-lista ta' hawn taħt:

Grupp 1 (ħwejjeġ)

Kategoriji 4, 5, 6, 7, 8, 14, 15, 16, 17, 21, 26, 27, 28, 29, 68, 73, 74, 75, 76, 77, 78, 83, 156,157,159,161.

Grupp 2 (ħwejjeġ ta' taħt)

Kategoriji 4, 5, 12, 13, 18, 24, 26, 28, 31, 68, 69, 70, 73, 73, 78, 83, 86, 157, 161.

Grupp 3 (prodotti oħra)

Kategoriji 10, 12, 68, 70, 72, 78, 83, 85, 87, 91.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Lista ta' livelli massimi ta' proċessar skond l-Artikolu 2(2)(d)

Prodotti li hemm kumpens fuqhom skond il-kategorija | Livell massimu ta' proċessar |

Kategoriji 4, 5, 6, 7, 8, 10, 12, 13, 14, 15, 16, 17, 18, 21, 24, 26, 27, 28, 29, 31, 68, 69, 70, 72, 73, 74, 75, 76, 77, 78, 83, 85, 86, 87, 91, 156, 157, 159, 161 | Operazzjoni Proċessar minn ħjut minsuġin jew innittjati |

--------------------------------------------------