31994R2991



Official Journal L 316 , 09/12/1994 P. 0002 - 0007
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 65 P. 0084
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 65 P. 0084


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94

tal-5 ta' Diċembru 1994

li jistabbilixxi standards għal xaħmijiet li jistgħu jiddelku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [4], jistabbilixxi f'Artikolu 6 definizzjoni waħda għall-butir kopert mis-sistema tal-intervent;

Billi, aktar minn hekk, Artikoli 35a u 36 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 Settembru 1966 dwar l-istabbeliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u xaħmijiet [5], jipprovdi għall-istabbeliment ta' standards tas-suq għall-prodotti kollha f'dak is-settur; billi dawn l-istandards, speċjalment fil-każ tal-marġerina, jistgħu b'mod partikolari jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-kwalità, waqt li jittieħed akkont tal-ħtiġiet tas-suq u l-pożizzjoni speċjali ta' dawn il-prodotti;

Billi l-iżvilupp ta' teknika tal-produzzjoni u l-aspettativi tal-konsumaturi rriżultaw fid-diversifikazzjoni li dejjem tikber tas-suq ta' xaħmijiet solidi intiżi għall-konsum tal-bniedem;

Billi l-prodotti koperti b'dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li huma prodotti li jikkompetu, li huma komparabbli mill-aspett ta' ċerti karatteristiċi, partikolarment l-apparenza u l-użu;

Billi l-istipular ta' standards tas-suq għall-prodotti tal-ħalib u mhux tal-ħalib involuti bi klassifikazzjoni ċara u distinta akkumpanjata b'regoli dwar id-designazzjoni għandhom għalhekk jassigura l-istabbilità tas-swieq agrikoli f'dan il-każ u jikkontribwixxu għall-istabbeliment ta' livell ta' għixien ġust għall-popolazzjoni agrikola;

Billi l-aspett prinċipali tal-prodotti huwa l-kontenut tax-xaħam tagħhom; billi l-prodotti b'kontenut ta' mill-anqas 10 % xaħam iżda anqas minn 90 % skond il-piż intiżi għall-konsum tal-bniedem jikkostitwixxu l-maġġoranza kbira tal-prodotti fis-suq, u partikolarment tal-prodotti intiżi għall-konsumatur aħħari;

Billi soluzzjoni li tistipula klassifikazzjoni uniformi għall-prodotti kollha involuti għandha tagħmilha aktar faċli għall-konsumatur li jagħżel bejn prodotti li, minn-naħa l-waħda, huma komparabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut ta' xaħam in ġenerali iżda, mill-banda l-oħra, huma diversi fir-rigward tax-xaħmijiet tal-pjanti u/jew tal-annimali wżati;

Billi l-iskop tar-Regolament għandu jiġi estiż għall-prodotti kollha li jikkompetu li għandhom kontenut ta' xaħam ta' mill-anqas 10 % iżda anqas minn 90 % skond il-piż totali intiżi għall-provvista mingħajr aktar ipproċessar lejn il-konsumatur aħħari;

Billi l-possibilità tal-manifattura ta' prodotti b'kontenuti diversi ta' xaħam għandha tinżamm u, sabiex jiġi evitat tfixkil għall-konsumatur, u minħabba l-esperjienza miksuba fil-qasam tal-ħalib, it-termini "butir" u "marġerina" għandhom jintużaw biss għal ċerti kategoriji ta' prodotti b'kontenut ta' xaħam li jkun kjarament definit;

Billi, aktar minn hekk, struttura bħal din ta' regoli tal-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ permezz tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta;

Billi, sabiex tinkiseb il-kjarezza mixtieqa, id-designazzjonijiet tal-prodotti kollha involuti għandhom ikunu stabbiliti; billi t-tnaqqis fil-kontenut tax-xaħam għandu jidher fid-designazzjoni;

Billi, bħala riżultat, għandha ssir dispożizzjoni li dawk il-prodotti biss li jilħqu l-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu pprovduti għal konsum finali; billi prodotti li jaqgħu il-barra mill-iskop ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu pprovduti jew ittrasferiti lill-konsumatur aħħari, iżda d-deskrizzjonijiet riservati ta' bejgħ ma jistgħux jintużaw;

Billi dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 tat-2 Lulju 1987 dwar il-protezzjoni ta' designazzjonijiet użati fil-kummerċ tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [6], kif huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-leġislazzjoni tal-Komunità fil-qasam veterinarju u l-oġġetti tal-ikel bil-għan li tkun assigurata l-konformità ma’ standards ta' iġene u twaħħil ta' tikketti għall-oġġetti tal-ikel;

Billi huwa meħtieġ li jiġu adottati ċerti dispożizzjonijiet b'żieda ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-twaħħil ta' tikketti, l-preżentazzjoni u r-reklamar tal-oġġetti tal-ikel [7]; billi dan jinvolvi, partikolarment, l-indikazzjoni tal-kontenut totali tax-xaħam u ċerti kostitwenti ta' xaħam komposti minn diversi xaħmijiet tal-pjanti u tal-annimali;

Billi, sabiex tkun assigurata l-koerenza ta' dawn l-arranġamenti, prodotti mportati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal ħtiġiet ekwivalenti;

Billi għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri jistipulaw verifiki adatti u penali fil-każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament;

Billi l-standards stabbiliti f'dan ir-Regolament huma kompletament mingħajr preġudizzju għall-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-prodotti f'dan il-każ;

Billi għandu jingħata terminu ta' żmien suffiċjenti sabiex, minn-naħa l-waħda, jkun possibbli li l-prodotti kollha fis-suq jiġu adattati għad-dispożizzjonijiet stabbiliti u, minn-naħa l-oħra, jkun possibbli li ħażniet ta' materjal tal-ippakkjar, bit-tikketta skond il-leġislazzjoni nazzjonali li qabel kienet fis-seħħ jiġu eliminati,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi standards għal:

(a) xaħmijiet tal-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0405 u ex 2106;

(b) xaħmijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1517; u

(ċ) xaħmijiet komposti minn prodotti tal-pjanti u/jew tal-annimali li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1517 u ex 2106;

b'kontenut ta' xaħam ta' mill-anqas 10 % iżda anqas minn 90 % skond il-piż, intiżi għall-konsum tal-bniedem.

Il-kontenut ta' xaħam minbarra l-melħ għandu jkun mill-anqas żewġ terżi tal-materja xotta.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li jibqgħu solidi f'temperatura ta' 20 °C, u li huma adattati għall-użu bħala dlik.

3. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KEE) Nru 1898/87 jew għad-dispożizzjonijiet adottati fil-qasam veterinarju u tal-oġġetti tal-ikel sabiex ikun assigurat li l-prodotti jkunu konformi mal-istandards tal-iġene u s-saħħa u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem.

Artikolu 2

1. Il-prodotti li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 1 ma jistgħux jiġu fornuti jew trasferiti mingħajr l-ipproċessar lill-konsumatur aħħari direttament jew inkella permezz ta' ristoranti, sptarijiet, kafenijiet jew stabbilimenti simili, kemm-il darba dawn ma jilħqux il-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness.

2. Id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ ta' dawn il-prodotti għandhom ikunu dawk speċifikati fl-Anness, mingħajr preġudizzju għal Artikolu 3(2) jew Artikolu 5.

Id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ fl-Anness għandhom ikunu rriservati għall-prodotti definiti hemmhekk.

B'dankollu, dan il-paragrafu m'għandux japplika għal:

- id-designazzjoni ta' prodotti li n-natura eżatta tagħhom hija ċara mill-użu tradizzjonali u/jew meta d-designazzjonijiet jintużaw kjarament sabiex jiddeskrivu kwalità karatteristika tal-prodott,

- prodotti kkonċentrati (butir, marġerina, taħlitiet) b'kontenut ta' xaħam ta' 90 % jew aktar.

Artikolu 3

1. B'żieda mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 79/112/KEE, l-informazzjoni segwenti għandha tkun indikata fuq it-tikketta u l-preżentazzjoni tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 2(1):

(a) id-deskrizzjoni tal-bejgħ kif definita fl-Anness;

(b) il-persentaġġ totali tal-kontenut ta' xaħam skond il-piż fil-waqt tal-produzzjoni għall-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness;

(ċ) il-kontenut ta' xaħam veġitali, tal-ħalib jew xaħam ieħor tal-annimali f'ordni dixxendenti tal-importanza skond il-piż bħala persentaġġ bil-piż totali fil-waqt tal-produzzjoni għax-xaħmijiet komposti li hemm referenza dwarhom fl-Anness, il-Parti Ċ;

(d) il-persentaġġ tal-kontenut tal-melħ għandu jkun indikat b'mod partikolarment leġibbli fil-lista tal-ingredjenti tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness.

2. Minkejja l-paragrafu 1 (a) id-deskrizzjoni tal-bejgħ "minarine" jew "halvarine" jistgħu jintużaw għall-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness, il-Parti B, il-punt 3.

3. Id-deskrizzjoni tal-bejgħ li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 (a) tista' tintuża flimkien ma' termini wieħed jew aktar sabiex tiddefinixxi l-ispeċi tal-pjanta jew tal-annimal li minnhom oriġinaw il-prodotti, jew l-użu ntiż għall-prodotti kif ukoll mat-termini l-oħra dwar il-metodi tal-produzzjoni sa fejn dawk it-termini ma jkunux f'kontradizzjoni mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità, partikolarment mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 tal-14 Lulju 1992 dwar iċ-ċertifikati ta' karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel [8]. L-indikazzjonijiet ta' oriġini ġeografika jistgħu wkoll jintużaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal-14 Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u designazzjonijiet tal-origini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel [9].

4. It-termini "veġitali" tista’ tintuża flimkien mad-deskrizzjonijiet tal-bejgħ fl-Anness, il-Parti B, sakemm dak il-prodott ikun fih biss xaħam tal-oriġini mill-ħxejjex b'tolleranza ta' 2 % mill-kontenut tax-xaħam għax-xaħmijiet tal-annimali. Din it-tolleranza għandha tapplika wkoll meta ssir referenza għal speċi tal-ħxejjex.

5. L-informazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tkun hekk li tinftiehem faċilment u tkun immarkata f'post li jidher b'tali mod li tkun faċilment viżibbli, tinqara ċara u ma titħassarx.

6. Miżuri speċjali dwar l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 (a) u (b) jistgħu jiġu ntrodotti għal ċerti forom ta' reklamar skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 9.

Artikolu 4

It-termini "tradizzjonali" tista’ tintuża flimkien mal-isem "butir" li hemm provvediment dwaru fl-Anness, il-Parti A (1) meta l-prodott jinkiseb direttament mill-ħalib jew mill-krema.

Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, "krema" tfisser il-prodott miksub minn ħalib f'forma ta' emulsjoni tat-tip "żejt fl-ilma" b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' mill-anqas 10 %.

Artikolu 5

1. It-termini għal prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness li jiddikjaraw, jimplikaw jew jissuġġerixxu kontenut ta' xaħam li mhux dak li hemm referenza dwaru fl-Anness għandhom ikunu projbiti.

2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 u aktar minn hekk:

(a) it-termini "xaħam imnaqqas" tista’ tintuża għall-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness b'kontenut ta' xaħam ta' aktar minn 41 % iżda mhux aktar minn 62 %;

(b) it-termini "kontenut baxx ta' xaħam" jew "ħafif" jistgħu jintużaw għall-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Anness b'kontenut ta' xaħam ta' 41 % jew anqas.

It-termini "xaħam imnaqas" u t-termini "kontenut baxx ta' xaħam" jew "ħafif" jistgħu, b'dankollu, billi jissostitwixxu rispettivament it-termini "tlett kwarti xaħam" jew "nofs xaħam" użati fl-Anness.

Fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament il-Kunsill għandu jirrevedi l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu skond il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni.

3. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 u għal perjodu transitorju ta' ħames snin wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament it-termini li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 jistgħu ikomplu jidhru fuq il-prodotti li diġa juruhom fil-31 Diċembru 1993 u li jinbiegħu legalment fis-suq ta' Stat Membru.

Artikolu 6

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regolamenti nazzjonali li jistipulaw livelli ta' kwalità differenti. Dawk ir-regolamenti għandhom jippermettu li dawk il-livelli ta' kwalità jiġu kkalkolati skond il-bażi ta' standards li għandhom x'jaqsmu partikolarment mal-materja prima wżata, il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti u l-istabbilità fiżika u mikrobioloġika tagħhom.

L-Istati Membri li jgħamlu użu minn din l-għażla għandhom jassiguraw li l-prodotti tal-Istati Membri l-oħra li jħarsu l-istandards stabbiliti minn dawk ir-regolamenti jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, jużaw termini li, bis-saħħa ta' dawk ir-regolamenti, jiddikjaraw li dawk is-standards ikunu ġew imħarsa.

2. Id-deskrizzjonijiet tal-bejgħ li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 3(1)(a) jistgħu jiġu msaħħa b'referenza għall-livell tal-kwalità partikulari tal-prodott involut.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li jsiru verifiki dwar l-applikazzjoni tal-istandards kollha li hemm referenza dwarhom fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 1 sabiex ikunu stabbiliti l-livelli ta' kwalità. Verifiki regolari u frekwenti għandhom jestendu sa meta l-prodott ikun lest u għandhom isiru minn korp wieħed jew aktar regolat bil-liġi pubblika u nominat mill-Istat Membru, jew minn korp approvat sorveljat minn dan tal-aħħar. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni lista tal-korpi li jkunu nnominaw.

Artikolu 7

Prodotti mportati fil-Komunità għandhom ikunu konformi ma dan ir-Regolament fil-każi li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 2(1).

Artikolu 8

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li hemm provediment dwarha f'Artikolu 9, u jistgħu partikolarment jinkludu:

- il-lista tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 2(2), t-tielet subparagrafu, l-ewwel inċiż, skond il-bażi tal-listi mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri,

- il-metodi tal-analiżi meħtieġa sabiex jiġu verifikati l-karatteristiċi tat-taħlita u l-manifattura tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 1,

- regoli dettaljati għat-teħid ta' kampjuni,

- regoli dettaljati għall-kisba tal-informazzjoni tal-istatistika dwar is-swieq tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f'Artikolu 1.

Artikolu 9

Fil-każi meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, il-miżuri f'dan il-każ għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 u Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-pieni effettivi li għandhom jiġu mposti f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u, fejn ikun xieraq, il-miżuri nazzjonali rilevanti għall-infurzar tiegħu. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-pieni sal-1 Jannar 1997.

Artikolu 11

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 Jannar 1996.

2. Minkejja Artikolu 2(1), prodotti fis-suq ta' Stat Membru fil-31 Diċembru 1995 li ma jilħqux il-ħtiġiet speċifikati fl-Anness jistgħu jkunu fornuti jew trasferiti sal-31 Diċembru 1997.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-5 Diċembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

Th. Waigel

[1] ĠU Ċ 36, tal- 14.2.1992, p. 12 u ĠU Ċ 62, tal- 4.3.1993, p.10.

[2] ĠU Ċ 337, tal- 21.12.1992, p. 236.

[3] ĠU Ċ 223, tal- 31.8.1992, p. 64.

[4] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2807/94 (ĠU L 298, tad-19.11.1994, p. 1).

[5] ĠU Ċ 172, tat- 30.9.1966, p. 3025/66. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3179/93 (ĠU L 285, tal-20.11.1993, p. 9).

[6] ĠU L 182, tat-3.7.1987, p. 36. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 222/88 (ĠU L 28, tal-1.2.1988, p. 1).

[7] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 91/72/KEE (ĠU L 42, tal-15.2.1991, p. 27).

[8] ĠU L 208, tal-24.7.1992, p. 9.

[9] ĠU L 208, tal-24.7.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Grupp tax-xaħmijiet | Kategoriji tal-prodotti | Definizzjonijiet |

Deskrizzjoni tal-bejgħ | Deskrizzjoni addizzjonali tal-kategorija b'indikazzjoni tal- % tal-kontenut tax-xaħam bil-piż |

A. Xaħmijiet tal-ħalib Prodotti fl-għamla ta' emulsjoni solida, malleabbli, prinċipalment tat-tip "ilma fiż-żejt", imnissla esklussivament minn ħalib u/jew ċerti prodotti tal-ħalib, li għalihom ix-xaħam huwa l-kostitwent essenzjali ta' valur. B'dankollu, sostanzi oħra neċessarji għall-manifattura tagħhom jistgħu jiġu miżjuda, sakemm dawk is-sostanzi ma jintużawx bil-għan li jissostitwixxu, għal kollox jew parzjalment, xi kostitwenti tal-ħalib. | 1.Butir | Il-prodott b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' mhux anqas minn 80 % iżda anqas minn 90 %, kontenut massimu tal-ilma ta' 16 % u kontenut xott massimu ta' materjal tal-ħalib bla xaħam ta' 2 %. |

2.Butir tlett-kwarti-xaħam | Il-prodott b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' mhux anqas minn 60 % iżda mhux aktar minn 62 %. |

3.Butir nofs-xaħam | Il-prodott b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' mhux anqas minn 39 % iżda mhux aktar minn 41 %. |

4.Dlik magħmula mill-ħalib X % | Il-prodott bil-kontenut ta' xaħam tal-ħalib kif ġej: anqas minn 39 %,aktar minn 41 % iżda anqas minn 60 %aktar minn 62 % iżda anqas minn 80 % |

Grupp tax-xaħmijiet | Deskrizzjoni tal-bejgħ | Kategoriji tal-prodotti |

Definizzjonijiet | Deskrizzjoni addizzjonali tal-kategorija b'indikazzjoni tal- % tal-kontenut tax-xaħam bil-piż |

B. Xaħmijiet Prodotti fl-għamla ta' emulsjoni solida, malleabbli, prinċipalment tat-tip "ilma fiż-żejt", imnissla minn xaħmijiet solidi u/jew likwidi tal-ħaxix u/jew tal-annimali adatti għall-konsum tal-bniedem, b'kontenut ta' xaħam tal-ħalib ta' mhux aktar minn 3 % tal-kontenut tax-xaħam. | 1.Marġerina | Il-prodott miksub minn xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 80 % iżda anqas minn 90 %. |

2.Marġerina tlett kwarti xaħam | Il-prodott miksub minn xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 60 % iżda mhux aktar minn 62 %. |

3.Marġerina nofs xaħam | Il-prodott miksub minn xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 39 % iżda mhux aktar minn 41 %. |

4.Dlik magħmula mill-ħalib X % | Il-prodott miksub minn xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali bil kontenut tax-xaħam kif ġej: anqas minn 39 %,aktar minn 41 % iżda anqas minn 60 %,aktar minn 62 % iżda anqas minn 80 %. |

Grupp tax-xaħmijiet | Deskrizzjoni tal-bejgħ | Kategoriji tal-prodotti |

Definizzjonijiet | Deskrizzjoni addizzjonali tal-kategorija b'indikazzjoni tal- % tal-kontenut tax-xaħam bil-piż |

Ċ.Xaħmijiet komposti minn prodotti tal-pjanti u/jew tal-annimali | 1.Taħlita | Il-prodott miksub minn taħlita ta' xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 80 % iżda anqas minn 90 %. |

2.Taħlita tlett-kwarti xaħam | Il-prodott miksub minn taħlita ta' xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 60 % iżda mhux aktar minn 62 %. |

3.Taħlita nofs-xaħam | Il-prodott miksub minn taħlita ta' xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali b'kontenut ta' xaħam ta' mhux anqas minn 39 % iżda mhux aktar minn 41 %. |

4.Taħlita tad-dlik X % | Il-prodott miksub minn taħlita ta' xaħmijiet tal-ħaxix u/jew tal-annimali kontenut ta' xaħam kif ġej: anqas minn 39 %,aktar minn 41 % iżda anqas minn 60 %,aktar minn 62 % iżda anqas minn 80 %. |

--------------------------------------------------