Official Journal L 182 , 16/07/1994 P. 0004 - 0005
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0092
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 32 P. 0092
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1734/94 tal-11 ta' Lulju 1994 fuq il-koperazzjoni finanzjarja u teknika mat-Territorji Okkupati IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130w tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Waqt li jaġixxi b'konformita mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [1], Billi, waqt li kunsidra l-ħtiġiet akbar li sa jinħolqu fix-Xatt tal-Punent tal-Ġordan u fl-Istrixxa ta' Gaża, minn issa 'l quddiem imsejħa "It-territorji Okkupati", bħala riżultat ta' l-iżviluppi reċenti fil-proċess tal-paċi, miżuri ġodda fil-forma ta' koperazzjoni ekonomika u soċjali għandhom jiġu implimentati fl-imsemmija territorji biex jitrawwem żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, waqt li titqies l-esperjenza akkwistata mill-Komunità bħala provditur kbir ta' għajnuna lill-poplu tal-Palestina; Billi għal dan il-għan għandu jkun hemm programm ta' ħames snin (mill-1994 sal-1998); billi dan il-programm għandu jiġi implimentat b'finanzjament mill-budget Komunitaarju fil-forma ta' għotjiet; Billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti u regoli dettaljati biex jiġu amministrati dawn l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-budget. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-Komunità għandha timplimenta koperazzjoni finanzjarja u teknika mat-Territorji Okkupati taħt il-programm ta' ħames snin (mill-1994 sal-1998) bil-għan li jiġi mgħejjun l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Artikolu 2 1. Iż-żoni prijoritarji għal proġetti u miżuri implimentati taħt il-programm imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom ikunu: infrastruttura, produzzjoni, żvilupp urban u rurali, edukazzjoni, saħħa, l-ambjent, servizzi, għajnuna barranija, it-twaqqif u t-titjib ta' l-istituzzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim sewwa ta' l-amministrazzjoni pubblika u l-mixja ‘l quddiem tad-demokrazija u d-drittijiet umani. 2. L-għajnuna Komunitarja tingħata għal proġetti ta' investiment, studji ta' vijabilità, għajnuna teknika u taħriġ. 3. Il-finanzjament Komunitarju għal proġetti u operazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu f'forma ta' għotjiet. 4. Biex tiġi żgurata konsistenza fil-koperazzjoni u biex titjieb il-komplimentarjeta' bejn l-operazzjonijiet, l-Istati Membri, l-Kummissjoni u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "il-Bank" għandhom jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni relevanti dwar il-finanzjament li huma jkunu fi ħsiebhom jagħmlu. Possibilitajiet għal ko-finanzjament għandhom jiġu mfittxija meta tiġi skambjata informazzjoni. 5. L-Istati Membri, l-Kummissjoni u l-Bank għandhom ukoll jikkomunikaw fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5, l-informazzjoni li tkun fil-pussess tagħhom fuq għajnuna bilaterali u multilaterali oħra għat-Territorji Okkupati. 6. Ta' l-anqas darba fis-sena, l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri l-informazzjoni miġbura mingħand l-amministrazzjoni tat-Territorji Okkupati rigward is-setturi u l-proġetti diġa magħrufa li jistgħu jiġu appoġġati taħt f'dan ir-Regolament. Artikolu 3 L-għajnuna msemmija taħt dan ir-Regolament tista' tiġi magħquda mal-finanazjament tal-Bank mir-riżorsi tiegħu u tista' tintuża għall-ko-finanzjament ma' Stati Membri oħra, pajjiżi mhux membri fir-reġjun, korpi multilaterali jew l-istess Territorji Okkupati.Fejn ikun possibli, n-natura Komunitarja tal-għajnuna għandha tiġi preservata. Artikolu 4 1. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ta' proġetti u operazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita' fl-Artikolu 5. 2. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament fuq allokazzjonijiet globali għal koperazzjoni teknika, taħriġ u promozzjoni kummerċjali għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 regolarment informat dwar l-użu li jkun sar ta' dawn l-allokazzjonijiet globali. 3. Deċiżjonijiet li jemendaw deċiżjonijiet adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 5 għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fejn dawn ma jkunux jinvolvu xi emendi sostanzjali jew rabtiet addizzjonali ta' aktar minn 20 % tar-rabta oriġinali. Artikolu 5 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat MED stabilit skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1762/92 tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokolli dwar il-koperazzjoni finanzjarja u teknika konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi Mediterranji m'humiex Membri [2]. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien stipulat li l-president jista' jistabbilixxi skond l-uġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita mill-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub li jadotta fuq il-proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod spjegat f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat. (b) jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, l-Kummissjoni għandha, bla dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill ghandu jagixxi b'maggoranza kwalifikata. Jekk fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta l-kwistjoni tkun tressqet quddiem il-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Artikolu 6 1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni skond dan ir-Regoalment u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' kull sena. 2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proġetti prinċipali lesti biex tistabbilixxi jekk l-għanijiet stabbiliti matul l-istima ta' dawn il-proġetti tkunx intlaħqet u biex tistabbilixxi linji gwida biex l-għajnuna fil-futur issir aktar effettiva. Dawn ir-rapporti ta' valutazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Istati Memebri u lill-Parlament Ewropew. Artikolu 7 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-11 ta' Lulju 1994. F'isem il-Kunsill Il-President Th. Waigel [1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 1994 (ĠU No C 61, tat-28.2.1994). Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta'l-4 ta' Marzu 1994 (ĠU C 137, tad-19.5.1994, p.85) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta'l-4 ta' Mejju 1994 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] ĠU L 181, ta' l-1.7.1992, p. 1. --------------------------------------------------