31994R1500



Official Journal L 162 , 30/06/1994 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 11 P. 0132
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 11 P. 0132


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1500/94

tal-21 ta' Ġunju 1994

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 jistipula li miżuri ta' tariffa preferenzjali, kemm jekk jinsabu fi ftehim li l-Komunità tkun ikkonkludiet ma' ċerti pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta' trattament ta' tariffa preferenzjali, jew adottati unilaterlament mill-Komunità għar-rigward ta' ċerti pajjiżi, gruppi ta' pajjiżi jew territorji, kif ukoll miżuri suspensivi awtonomi li jipprovdu għal tnaqqis fi, jew għajnuna minn, dazji li jintalbu fuq ċerti oġġetti, japplikaw biss fuq talba tad-dikjarant meta l-oġġetti in kwistjoni jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti b'dawk il-miżuri;

Billi hu importanti għat-tħaddim tal-politika tal-Komunità li wieħed ikollu statistika komprensiva dwar il-volum ta' kummerċ f'oġġetti li jibbenefikaw minn dawk il-miżuri;

Billi, sabiex dik l-istatistika tkun ta' użu, il-kodiċi mdaħħla fil-kaxxa 36 tad-Dokument Amministrattiv Singlu għandu jkun komuni għall-Istati Membri kollha;

Billi l-Istati Membri għandhom minkejja dan jingħataw l-opportunità li jadottaw is-sistemi komputerizzati tad-dwana tagħhom; billi dispożizzjonijiet għandhom għalhekk isiru għall-perjodu transitorju li matulu kodiċi nazzjonali li jkunu kompatibbli mal-kodiċi tal-Komunità jistgħu jintużaw;

Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, mill-1 ta' Jannar 1996, dwar informazzjoni li tirreferi għall-oġġetti li dwarhom rifużjoni ta' l-esportazzjoni tkun intalbet;

Billi, fin-nuqqas ta' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali dwar l-abbozz tar-Regolament sottomess mill-Kummissjoni, il-Kunsill hu meħtieġ li jadotta id-dispożizzjonijiet meħtieġa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Annessi 37 u 38 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 [2] huma b'dan emendati b'mod konformi ma' l-Anness ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni fl-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta' Ġunju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Moraitis

[1] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1.

[2] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1 Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 655/94 (ĠU L 82, tal-25.3.1994, p. 15).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

1. L-Anness 37 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 hu b'dan emendat kif ġej:

(a) fit-Titolu I, punt B.2. Partikolaritajiet meħtieġa — lista minima, daħħal "36" fil-lista ta' kaxxi li għandhom jintużaw għal dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa.

(b) Il-kliem li jirreferi għall-kaxxa 36 fit-Titolu II, punt Ċ, għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"36. Preferenza

Niżżel il-kodiċi xieraq.

Sal-1 ta' Jannar 1996, Stati Membri jistgħu jużaw kodiċi oħrajn minbarra dawk speċifikati fl-Anness 38, sakemm dawk il-kodiċi jippermettu statistika li tkun reġistrata mill-inqas kemm jista' jkun preċiż daqs il-kodiċi speċifikati f'dak l-Anness."

2. Fl-Anness 38 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, għandu jidħol il-kliem li ġej li jirreferi għall-kaxxa 36:

"Kaxxa 36: Preferenza

Il-kodiċi rilevanti huma mogħtija hawn taħt:

1. L-ewwel figura ta' kodiċi

Kodiċi | L-arranġament tat-tariffa |

1 | L-arranġament tat-tariffa normali (l-ebda ċertifikat ta' preferenza) |

2 | Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) |

3 | Preferenzi ta' tariffi oħrajn (EUR 1, ATR jew dokument ekwivalenti) |

2. Iż-żewġ figuri li jmiss

Kodiċi | L-arranġament tat-tariffa |

00 | L-ebda wieħed minn dawk li ġejjin |

10 | Is-sospensjoni tat-tariffa |

15 | Is-sospensjoni tat-tarifa b'użu aħħari speċifiku |

18 | Is-sospensjoni tat-tariffa b'ċertifikat li jikkonferma n-natura speċjali tal-prodott |

20 | Il-kwota tat-tariffa |

23 | Il-kwota tat-tariffa b'użu aħħari speċifikat |

25 | Il-kwota tat-tariffa b'ċertifikat li jikkkonferma n-natura speċjali tal-prodott |

28 | Il-kwota tat-tariffa wara l-ipproċessar 'il barra |

40 | L-użu aħħari speċjali li jirriżulta mit-Tariffa Doganali Komuni |

50 | Ċertifikat li jikkonferma n-natura speċjali tal-prodott. |

--------------------------------------------------