31994R1017



Official Journal L 112 , 03/05/1994 P. 0002 - 0004
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 57 P. 0033
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 57 P. 0033


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1017/94

tas-26 ta'April 1994

li jirrigwarda l-qlib tal-art korrentement mogħtija għall-uċuh tar-raba għall-biedja estensiva tal-bhejjem tal-irziezet fil-Portugall

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi aktar minn miljun ettaru f'bosta reġjuni tal-Portugall kienu kollettivizzati fil-kuntest tar-"Riforma Agrarja"; billi ħafna minn din l-art kienet imqassma jew qiegħda tiġi mqassma mill-ġdid lis-sidien l-antiki jew lill-eredi tagħhom; billi parti minn din l-art kienet iddedikata għall-produzzjoni tal-bhejjem tar-rziezet qabel il-kollettivizzazzjoni; billi, wara l-kollettivizzazjoni, din l-art kienet fil-biċċa l-kbira wżata għat-tkabbir tal-uċuh tar-raba; billi, jekk il-vijabbiltà tal-azjendi interessati ma għandhiex tiġi pperikolata, il-qlib ta' din art għall-attivitajiet tradizzjonali tal-biedja, jiġifieri l-biedja estensiva tal-bhejjem tar-rziezet u/jew tan-nagħaġ u l-mogħoż, kif irrakkomandat mill-Portugall fir-reġjuni interessati, jeħtieġ l-eżistenza ta' numru bizzejjed ta' drittijiet għall-premiums kif riferit fl-Artikolu 4d tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella [2] u Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 tal-25 ta' Settembru 1989 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż [3]; billi l-Portugall għandu jitħalla jimplimenta programm għall-qlib ta' din l-art billi jiġi pprovvdut b'riserva nazzjonali speċifika ta' drittijiet għall-premiums; billi, sabiex ma tiġix disturbata s-sitwazzjoni tas-suq fil-Portugall, in-numru massimu tal-unitajiet tal-bhejjem tar-rziezet (UBR) li jistgħu jkunu bla ħsara għall-programm tal-qlib irid ikun ristrett;

Billi l-proċess tal-kollettivizzazzjoni tal-artijiet, minħabba n-natura u l-kobor tagħha, affettwat l-attività kollha tal-biedja, u għalhekk l-irżiezet kollha, fir-reġjuni intressati; billi ż-żoni kollha tal-biedja fir-reġjuni kollettivizzati għandhom għalhekk ikunu eliġibbli għall-programm tal-qlib;

Billi l-aċċess għall-programm tal-qlib għandu jkun ristrett għall-produtturi bil-plottijiet tagħhom fl-intier tagħhom jew f'parti minnhom fir-reġjuni affettwati mill-kollettivizzazzjoni, sakemm iwettqu ċerti kondizzjonijiet u jindaħlu sabiex jaqilbu dawn il-plottijiet għall-biedja estensiva tal-bhejjem tar-rziezet b'densità massima tal-ħażna għal kull ettaru maqlub, skond pjan ta' qlib approvat mill-awtoritajiet kompetenti;

Billi l-bhejjem tal-fart maskili mwielda minn baqar ġodda tat-treddigħ stallati skond il-programm tal-qlib iridu wkoll ikunu eliġibbli għall-premiums speċjali provduti f'Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68, mingħajr preġudizzju għall-produtturi kurrenti; billi għalhekk huwa approprjat illi parti mid-drittijiet għall-premiums li joħorġu mill-qlib tal-uċuh tar-raba għat-tkabbir tal-baqar li jreddgħu għandhom jintużaw għalbiex iżidu l-massimu reġjonali fuq il-premiums riferiti fir-Regolament imsemmi hawn fuq;

Billi, sabiex jiġu prevenuti l-abbużi fis-sistema, it-trasferiment u t-trasferiment temporanju tad-drittijiet miksuba b'riżultat tal-qlib għandu jkun ristrett u għandha ssir dispożizzjoni għall-penali meta l-produtturi ma jwettqux dak li jkunu ndaħlu għalih;

Billi l-programm tal-qlib irid jitlesta f'limitu taż-żmien; billi għandu għalhekk jiġi stabbilit illi, fit-tmiem tal-programm, għandhom jiskadu r-riserva speċifika maħluqa skond dan ir-Regolament kif ukoll kull dritt li jkun għadu mhux allokat;

Billi ż-żoni li jistgħu jinħartu maqluba għall-biedja estensiva tal-bhejjem tar-rziezet iridu ma jissoktawx li jibqgħu eliġibbli għall-ħlasijiet ta' kumpens skond l-iskema stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92 tat-30 ta' Ġunju 1992 li jistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti wċuh tar-raba [4]; billi din art għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala mergħa permanenti kif riferit f'Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament u ż-żona bażi reġjonali tal-Portugall għandha għalhekk titnaqqas biż-żona kollha tal-art maqluba,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Portugall għandu jiġi awtorizzat li jwettaq, għal perjodu taż-żmien ta' tmien snin, fir-reġjuni elenkati fl-Anness ma' dan ir-Regolament, programm għall-qlib tal-art korrentement taħt l-uċuh tar-raba għall-produzzjoni estensiva tal-bhejjm tar-rziezet, sa massimu ta' 200000 ettaru.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4f tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 u l-Artikolu 5b tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89, il-Portugall għandu jiġi allokat riserva nazzjonali awtonoma speċifika (minn issa 'l quddiem imsejħa r-"riserva speċifika") li tinkludi numru totali tad-drittijiet għall-premiums għall-baqar li jreddgħu fit-tifsira ta' Artikolu 4d tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 u/jew il-premiums għan-nagħaġ fit-tifsira ta' Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89 (minn issa 'l quddiem imsejħa d-"drittijiet għall-premiums") ekwivalenti għal 100000 unitajiet ta' bhejjem tar-rziezet (UBR)

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, il-qlib tal-UBR fi drittijiet għall-premiums għandu jitwettaq bl-użu tat-tabella tal-konverżjoni f'Anness 1 mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91 tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-titjib fl-effiċjenza tal-istrutturi agrikoli [5]. Għal dan il-fini, għandhom jiġu kkunsidrati l-baqar li jreddgħu u n-nagħaġ u/jew il-mogħoż koperti b'applikazzjoni sabiex jipparteċipaw fil-programm tal-qlib.

Artikolu 3

1. Id-drittijiet għall-premiums fir-riserva speċifika għandhom jiġu allokati lill-bdiewa li jkollhom ir-raba li jipproduċi fl-intier tiegħu jew f'parti minnu l-uċuh riferiti f'Anness I mar-Regolament (KEE) Nru 1765/92. Il-pakketti jkunu eliġibbli biss:

- jekk ikunu lokati fir-reġjuni elenkati fl-Anness,

- jekk il-produtturi jkunu rċevew ħlasijiet ta' kumpens kif ipprovvdut fir-Regolament (KEE) Nru 1765/92 dwarhom, u

- jekk ikunu bla ħsara għal program tal-qlib għall-produzzjoni estensiva tal-bhejjem tar-rziezet.

2. L-allokazzjoni tad-drittijiet għandha tkun bla ħsara għall-ħtieġa illi d-densità tal-ħażna fiż-żona dikjarata, kalkolata skond Artikolu 4g (1), (2) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru 805/68, trid tkun ta' 0,5 UBR għal kull ettaru jew anqas.

3. Numru tad-drittijiet għall-premiums ekwivalenti għal 0,5 UBR għandhom ikunu allokati għal kull ettaru maqlub għall-produzzjoni estensiva tal-bhejjem tar-rziezet. Madankollu, meta ż-żoni jiġu maqluba għat-trobbija tal-baqar li jreddgħu, in-numru tad-drittijiet għall-premiums għall-baqar li jreddgħu jitnaqqas b'25 %; id-drittijiet li jibqgħu mhux allokati bħala riżultat ta' dan it-tnaqqis għandhom jiġu miżjuda mal-massimu reġjonali rispettiv riferit f'Artikolu 4b(3) tar-Regolament (KEE) Nru 805/68.

Artikolu 4

Sabiex jiksbu d-drittijiet għall-premiums, il-produtturi jridu jissottometu applikazzjoni li tispeċifika b'mod partikolari t-tip tad-drittijiet meħtieġa, akkumpanjati minn:

- pjan ta' żvilupp għall-produzzjoni estensiva tal-baqar li jreddgħu u/jew tal-mogħoż, li juri lill-awtorità kompetenti li l-qlib irid jitlesta fil-limitu taż-żmien stabbilit hekk illi trid tiġi mħarsa d-densità massima tal-ħażna riferita f'Artikolu 3(2),

- impenn li jitwaqqaf it-tkabbir tal-uċuh tar-raba taż-żoni ddikjarati għalbiex jinqalbu għall-produzzjoni estensiva tal-bhejjem tar-rziezet,

- dikjarazzjoni illi l-produttur huwa konxju mill-kondizzjonijiet sabiex jiġu allokati d-drittijiet għall-premiums.

Artikolu 5

Fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet issottomessi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar in-numru tad-drittijiet li jridu jiġu allokati u għandhom jgħarrfu lill-applikanti tagħhom kull sena, mhux aktar tard minn xahrejn qabel l-ewwel jum tal-ewwel perjodu taż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-premiums stabbilit mill-Portugall għall-baqar li jreddgħu u/jew għan-nagħaġ u/jew il-mogħoż.

Artikolu 6

1. Id-drittijiet għall-premiums allokati skond dan ir-Regolament għandhom jiġu miżjuda mad-drittijiet diġa' fil-pussess tal-benefiċjarju u għandhom ikunu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 u tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89 rispettivament. Madankollu, dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu ttrasferiti definittivament jew temporanjament għal ħames snin jew għas-snin tal-marketing wara d-data li fiha kienu allokati.

2. Meta ż-żoni koperti b'applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet ma jkunux ġew maqluba skond il-pjan tal-iżvilupp riferit f'Artikolu 4(a), id-drittijiet allokati dwar dawn iż-żoni għandhom jiġu rtirati u jingħataw lura lir-riserva speċifika.

Artikolu 7

Fl-aħħar tat-tmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, id-drittijiet għall-premiums mhux allokati għandhom jiskadu u għandha tiġi abolita r-riserva speċifika.

Artikolu 8

L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi dan ir-Regolament jiġi mħares. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a) il-verifika tal-eliġibbiltà taż-żoni dikjarati;

(b) il-kontrolli għalbiex jiżguraw illi l-uċuh tar-raba ma jissoktawx jiġu prodotti fiż-żoni ddikjarati, li jkunu ġew maqluba kif xieraq għall-produzzjoni estensiva tal-bhejjem tar-rziezet fil-limitu taż-żmien stabbilit.

Artikolu 9

1. Iż-żona totali taħt l-uċuh tar-raba maqluba skond dan ir-Regolament u li tikkorrispondi għall-applikazzjonijiet ammissibbli matul kull sena tal-marketing għandha titnaqqas, mis-sena tal-marketing li tiġi wara, miż-żona bażi reġjonali jew, meta japplika, miż-żona bażi individwali provduta f'Artikolu 2(2) jew (3) tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92. L-awtoritajiet Portugiżi għandhom jikkomunikaw iż-żona totali maqluba lill-Kummissjoni kull sena fi żmien bizzejjed sabiex jippermettu li tiġi emendata ż-żona bażi reġjonali.

2. Iż-żoni maqluba li qabel kienu taħt l-uċuh tar-raba għandhom jiġu kunsidrati bħala mergħa permanenti kif riferit f'Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1765/92.

Artikolu 10

Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tadotta r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 27 tar-Regolament (KEE) Nru 805/68 u Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 3013/89.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-26 ta' April 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Moraitis

[1] Opinjoni mogħtija fit-22 ta' April 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3611/93 (ĠU L 328, tad-29.12.1993, p. 7).

[3] ĠU L 289, tas-7.10.1989, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 233/94 (ĠU L 30, tat-3.2.1994, p. 9).

[4] ĠU L 181, tal-1. 7. 199, p. 24. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 231/94 (ĠU L 30, tat-3.2.1994, p. 2).

[5] ĠU L 218, tas-6.8.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3669/93 (ĠU L 338, tal-31.12.1993, p. 26).

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-lista tar-reġjuni riferita f'Artikolu 1

Castelo Branco, Santarém, Lisboa, Setubal, Evora, Beja, Faro u Portalegre.

--------------------------------------------------