31994R0804



Official Journal L 093 , 12/04/1994 P. 0011 - 0015
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 56 P. 0284
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 56 P. 0284


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 804/94

tal-11 ta' April 1994

li jniżżel ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2158/92 f'dak li jirrigwarda sistemi ta' informazzjoni dwar nirien fil-foresti

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2158/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar protezzjoni tal-foresti tal-Komunità kontra n-nirien [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2158/92, l-għanijiet tat-twaqqif ta' sistema ta' informazzjoni dwar nirien fil-foresti, l-evalwazzjoni kontinwa ta' l-impatt tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jipproteġu l-foresti kontra n-nirien, l-evalwazzjoni tal-perjodi, grad u riskji u l-iżvilupp ta' l-istrateġiji għall-protezzjoni ta' foresti kontra n-nirien, b'mod partikolari l-enfasi fuq l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-kawżi;

Billi l-informazzjoni ta' l-istima ta' l-effettività tal-miżuri, kif provvduti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2158/92 għandu jservi fit-tħejjija ta' l-abbozz tar-rapport ta' progress li għalih jipprovdi l-Artikolu 10(3);

Billi, biex jiġu mħarsa l-għanijiet standard imsemmija hawn fuq, l-Istati Membri għandhom ta' l-anqas jiġbru sett ta' data li jkun jikkonsisti f'informazzjoni, komparabbli mal-livell tal-Komunità u li jkun aċċessibbli f'intervalli regolari speċifiċi, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-ġabra minima t'informazzjoni dwar in-nirien tal-foresti';

Billi din id-data għandha tkun progressivament armonizzata mal-livell tal-Komunità u l-qofol komuni għandu jevolvi, fuq il-bażi, b'mod partikolari, tal-koperazzjoni mill-qrib fil-qasam bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Foresti, b'mod li jiġi evitat t-tħarbit tas-sistemi nazzjonali eżistenti għall-ġbir ta' informazzjoni dwar in-nirien fil-foresti; billi, għal dak il-għan, is-sekwenza kronoloġika fil-ġbir ta' ċertu data għall-qofol komuni għandha tkun speċifikata;

Billi, biex tikkwalifika għall-kontribuzzjoni tal-Komunità għat-twaqqif tas-sistemi ta' informazzjoni, l-Istati Membri għandhom ta' l-anqas jikkonformaw mal-ġabra minima ta' informazzjoni dwar in-nirien fil-foresti;

Billi għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom l-applikazzjonijiet għall-kontribuzzjoni huma ammissibbli għall-eżami fid-dawl ta' l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2158/92;

Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Foresti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jiġbru sett ta' informazzjoni dwar nirien fil-foresti li għandu jippermettilhom li jilħqu l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2158/92.

2. Is-sett ta' informazzjoni għandu jkun fih ta' l-anqas numru ta' oġġetti standard, komparabbli mal-livell tal-Komunità, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ 'il-qofol komuni minimu ta' informazzjoni dwar nirien fil-foresti', kif stabbilit fl-Anness 1.

3. Il-ġbir ta' dak is-sett ta' informazzjoni jista' jkun limitat għaż-żoni ta' riskju għoli u medju fl-Istati Membri.

4. Kull sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni tal-qofol komuni, disponibbli lill-Kummissjoni.

5. B'applikazzjoni li ssir mill-Istati Membri f'każijiet ġustifikati, il-limiti ta' żmien tal-qofol komuni ta' data disponibbli jista' jiġi mtawwal.

6. Regoli dettaljati tekniċi għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 2

1. Applikazzjonijiet għall-għajnuna finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-ġbir tas-sett ta' informazzjoni li għalih jirreferi l-Artikolu 1(1), it-titjib ta' dak il-ġbir jew l-estensjoni tiegħu għal żoni li għadhom m'humiex koperti għandu jkun fihom id-dettalji u d-dokumenti elenkati fl-Anness II.

2. Applikazzjonijiet li jonqsu milli jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 m'għandhomx jiġu kkunsidrati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta' April 1994.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 217, tal-31.7.1992, pġ. 3.

--------------------------------------------------

ANNESS I

REGOLI DETTALJATI TEKNIĊI GĦALL-APPLIKAZZJONI TA' L-ARTIKOLU 1

Il-qofol komuni minimu ta' informazzjoni dwar nirien fil-foresti li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi, għal kull nar f'foresta rekordjat, id-dettalji elenkati fil-punt 1, miżjud, mill-1 ta' Jannar 1994, bid-dettalji elenkati fil-punt 2.

It-tifsiriet nazzjonali ta' l-espressjoni "foresta", "żona bis-siġar" u "żona bla siġar" li għalihom hemm referenza hawn taħt għandhom japplikaw.

1. Dettalji li għandhom jinġabru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament

(a) Data ta' l-ewwel twissija

Id-data lokali (jum, xahar, sena) li fiha s-servizzi uffiċjali tal-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti ġew avżati bil-bidu tan-nirien għandha tkun murija.

Eżempju: 21 ta' Ġunju 1990 tal- 21.6.1990.

(b) Ħin ta' l-ewwel twissija

Il-ħin lokali (siegħa, minuta) li fiha s-servizzi uffiċjali tal-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti ġew avżati bil-bidu tan-nirien għandu jkun muri.

Eżempju: is-siegħa u 10 minuti ta' wara nofs inhar 13.10.

(c) Data ta' l-ewwel intervent

Id-data lokali (jum, xahar, sena) li fiha l-unitajiet tat-tifi tan-nar waslu fuq il-post tan-nar fil-foresta għandha tkun murija.

Eżempju: 21 ta' Ġunju 1990 tal- 21.6.1990.

(d) Ħin ta' l-ewwel intervent

Id-data lokali (siegħa, minuta) li fiha l-unitajiet tat-tifi tan-nar waslu fuq il-post tan -nar fil-foresta għandha tkun murija.

Eżempju: is-siegħa u 30 minuta ta' wara nofsinhar 13.30.

(e) Id-data li fiha n-nar ġie mitfi.

Id-data lokali (jum, xahar, sena) li fiha n-nar kien mitfi kompletament, jiġifieri, meta l-aħħar unitajiet tat-tifi tan-nar telqu minn fuq il-post tan-nar fil-foresta, għandha tkun murija.

Eżempju: 21 ta' Ġunju 1990 tal- 21.6.1990.

(f) Ħin li fih n-nar ġie mitfi.

Il-ħin lokali ( siegħa, minuta) li fiha l-aħħar unitajiet tat-tifi tan-nar telqu minn fuq il-post tan-nar fil-foresta għandha tkun murija.

Eżempju: is-sitta nieqes 10 minuti ta' fil-għaxija 17.50.

(g) Post fejn beda

L-isem tad-distrett u l-unititajiet territorjali suċċessivi li jagħmlu parti minnu (provinċja jew dipartiment, reġjun, Stat) li fih in-nar kien irrapportat.

Eżempju: | distrett Grasse, dipartiment jew provinċja Alpes maritimes, reġjun Provence, Alpes, Côte d'Azur, Stat Franza. |

(h) Żona totali maħruqa

Iż-żoni totali koperti bin-nar u l-unità taż-żona użata għandha tiġi murija. L-unità taż-żona u l-preċiżjoni tal-kejl għandhom ikunu dawk normalment użati fl-Istat Membru.

Eżempju: 121,28 ettari 121,28 ha.

(i) Tqassim taż-żona maħruqa f'art bis-siġar u art bla siġar

Iż-żona bis-siġar u ż-żona bla siġar koperta bin-nar u l-unità taż-żona użata jew il-persentaġġi rispettivi taż-żona totali koperta bin-nar fuq art bis-siġar u bla siġar għandhom ikunu murija. L-unità taż-żona u l-preċiżjoni tal-kejl għandhom ikunu dawk normalment użati fl-Istat Membru.

Eżempju: | żona bis-siġar 91,28 ha, żona bla siġar 30,00 ha, jew żona bis-siġar 75,26 %, żona bla siġar 24,74 %. |

(j) Probabbiltà tal-kawża tan-nar tal-foresta

Il-probbabiltà tal-kawża tan-nar għandha tkun murija skond l-erba' kategoriji li ġejjin:

1. kawża tan-nirien mhux magħrufa;

2. kawża naturali, eż. sajjetta;

3. kawża aċċidentali jew negliġenza, jiġifieri l-bidu huwa direttament jew indirettament konness ma' attività umana iżda l-persuna konċernata ma aġġixxietx bil-ħsieb li teqred iż-żona tal-foresta (eż. inċidenti kawżati minn linji ta' l-enerġija, ferroviji, xogħlijiet, barbecues, ħuġġieġa li ntilef il-kontroll tagħha, eċċ.);

4. nirien mibdija apposta, jiġifieri minn xi ħadd li kellu l-ħsieb jeqred żona ta' foresta għal xi motiv ikun x'ikun.

Eżempju: probbabiltà tal-kawża 4.

2. Dettalji addizzjonali li għandhom jibdew jinġabru mhux aktar tard mill-1 ta'Jannar 1995

(k) Kodiċi tad-distrett

Il-kodiċi Ewropew tad-distrett li fih beda n-nar għandu jkun muri. Dan il-kodiċi jikkonsisti f'disa' numri, li jirrappreżentaw l-Istat Membru, ir-reġjun, il-provinċja u d-distrett. Permezz tal-kodiċi l-lok tan-nar għal għanijiet amministrattivi jista' jiġi stabbilit mill-ewwel. L-Istati Membri jistgħu jiksbu lista tal-kodiċi tad-distretti Ewropej fuq mezz ta' ġabra ta' data mill-Kummissjoni.

Eżempju: | 01 | 05 | 02 | 789 |

| Stati Membri | reġjun | provinċja | distrett. |

--------------------------------------------------

ANNESS II

TAGĦRIF U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU PROVVDUTI B'SOSTENN GHAL APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA TAL-KOMUNITÀ TAĦT L-ARTIKOLU 2(1) TA' DAN IR-REGOLAMENT

Applikazzjonijiet għall-għajnuna mibgħuta għandu jkollhom id-dettalji murija hawn taħt:

1. Applikant

2. Dettalji ġenerali ta' l-applikazzjoni

2.1. Titolu tal-proġett

2.2. Deskrizzjoni tal-kuntest u l-għanijiet ta' l-applikazzjoni

2.3. Deskrizzjoni dettaljata ta' l-applikazzjoni (id-dokumenti relevanti, mapep eċċ., li jgħinu li tiftiehem l-applikazzjoni għandhom ikunu mehmuża)

2.4. Skop ġeografiku ta' l-applikazzjoni u l-grad tar-riskju tar-reġjuni koperti bil-proġett

2.5. Id-dati li mistenni jibda u jintemm

2.6. Kontribuzzjoni tal-proġett għall-għanijiet ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2158/92:

3. Finanzjament mitlub

3.1. Nefqa totali tal-proġett (f'munita nazzjonali)

3.2. Nefqa li dwarha l-għajnuna qiegħda tintalab (f'munita nazzjonali)

3.3. Għajnuna mitluba (f'munita nazzjonali)

3.4. Aġenzija li lilha għandhom isiru l-ħlasijiet u l-kont tal-bank

--------------------------------------------------