31994L0048



Official Journal L 331 , 21/12/1994 P. 0007 - 0009
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0053
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0053


Id-Direttiva 94/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta’ Diċembru 1994

li temenda, għat-13-il darba d-Direttiva 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

Billi l-Artikolu 7a tat-Trattat jistabbilixxi firxa mingħajr fruntieri interni li fiha għandu jkun possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital;

Billi l-progress fis-suq intern għandu jtejjeb bil-mod il-mod il-kwalità tal-ħajja, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur; billi l-miżuri proposti b’din id-Direttiva huma f’linja mar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 1989 dwar il-prijoritajiet ġejjiena sabiex ivaraw mill-ġdid il-politika tal-protezzjoni tal-konsumatur [4];

Billi ċerti sustanzi u preparazzjonijiet użati fl-apparat li jiġġenera l-ajrusol huma ta’ natura partikolari li jieħdu n-nar malajr;

Billi r-riskji għall-konsumaturi jinħolqu mill-użu dejjem jiżdied ta’ l-apparati li jiġġeneraw l-ajrusol ta’ sustanzi li jieħdu n-nar minflok il-klorofluorokarboni (CFC); billi dawn ir-riskji huma partikolarment akuti fl-apparat li jiġġenera l-ajrusol maħsub għall-għanijiet ta’ divertiment u ta’ tiżjin;

Billi dawn ir-riskji jistgħu jiġu mwarrba bl-addattament mal-progress tat-teknika, id-Direttiva 73/324/KEE tal-20 ta’ Mejju 1975 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-apparat li minnu joħroġ l-ajrusol [5] u billi b’hekk jiġi limitat l-użu ta’ l-oġġetti li jieħdu n-nar malajr fl-apparat li jiġġenera l-ajrusol maħsub għall-għanijiet ta’ divertiment u ta’ tiżjin;

Billi l-limiti ppjanati minn Stat Membru għat-tqegħid fis-suq ta’ ċertu apparat li jiġġenera l-ajrusol maħsub għal għanijiet ta’ divertiment u ta’ tiżjin jaffettwa direttament it-tkomplija u l-funzjonament tas-suq intern; billi huwa għalhekk meħtieġ illi sseħħ approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam u b’konsegwenza ta’ dan li jiġi emendat l-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE [6];

Billi, skond l-firxa u l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, il-miżuri Komunitarji maħsuba bil-quddiem b’din id-Direttiva mhux biss huma meħtieġa iżda wkoll indispensabbli għall-kisba tal-għanijiet iddikjarati; billi dawn il-għanijiet ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri individwalment u billi, barra minn hekk, il-kisba tagħhom fil-livell Komunitarju diġà hija pprovduta bid-Direttiva 76/769/KEE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Anness I mad-Direttiva 76/769/KEE huwa hawnhekk emendat skond l-Anness ma’ hawn.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard minn:

- jew sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill li taġġusta d-Direttiva 75/324/KEE dwar l-apparat li minnu joħroġ l-ajrusol għall-progress tekniku sabiex tkopri l-proċeduri kollha ta’ l-eżamijiet użati għalbiex jattestataw il-konformità tal-prodotti ma’ din id-Direttiva,

- jew sena wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva jekk din id-data hija iktar tard minn dik ta’ l-ewwel.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu rilevanti taż-żmien.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta’ Diċembru 1994.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K.Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

G. Rexrodt

[1] ĠU C 306, tat-12.11.1993, p.14.

[2] ĠU C 133, tas-16.5.1994, p. 15.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 1993 (ĠU C 20, ta’ l-24.1.1994, p. 77), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 1994 (ĠU C 244, tal-31.8.1994, p. 13) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU C 294, tat-23.11.1989, p. 1.

[5] ĠU L 147, tad-9.6.1975, p. 40, id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/1/KEE (ĠU L 23, tat-28.1.1994, p. 28).

[6] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201, id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/339/KEE (ĠU L 186, tat-12.7.1991, p. 64).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Is-sustanzi

jew

- li jidhru fl-Anness I mad-Direttiva 67/548/KEE li huma kklassifikati bħala fjammabbli jew estremament fjammabbli u ttikkettjati ta’ hekk,

jew

- għadhom ma jidhrux fl-Anness I mad-Direttiva 67/548/KEE imma jikkonformaw mal-kriterji tal-fjammabbiltà fl-Anness VI mad-Direttiva 67/548/KEE u li huma kklassifikati u ttikkettjati proviżorjament bħala fjammabbli jew estremament fjammabbli skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 67/548/KEE.

1. Ma jistgħux jintużaw ta’ hekk jew fil-għamla ta’ preparazzjonijiet fl-apparat li jiġġenera l-ajrusol imqiegħed fis-suq u maħsub li jinbigħ lill-pubbliku ġenerali għall-għanijiet ta’ divertiment jew tat-tiżjin bħal dawn li ġejjin:

- it-trab metalliku li jleqq maħsub fil-biċċa l-kbira għat-tiżjin,

- il-borra u l-ġlata artifiċjali,

- il-kuxxini "whoopee",

- l-ajrusolijiet li jitfgħu spjumi twal u rqaq (silly string)

- l-imitazzjonijiet tal-ħmieġ tal-bniedem jew ta’ l-annimali,

- il-ħornijiet fil-laqgħat ta’ divertiment,

- it-taqxir u r-ragħwa dekorattivi,

- l-għanqbut artifiċjali,

- il-murtaletti ta’ l-intiena,

- eċċ.

2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra Komunitarji dwar il-klassifika, il-pakkeġġjar u t-tikettjar tas-sustanzi perikolużi, il-kliem li ġej irid jidher b’mod li jista’ jinqara u ma jitħassarx fuq il-pakkeġġi ta’ l-apparat li jiġġenera l-ajrusol riferit hawn fuq; "Għall-utenti professjonali biss".

3. Bħala deroga, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għall-apparat li jiġġenera l-ajrusol riferit fl-Artikolu 9a tad-Direttiva 75/324/KEE.

4. Il-prodotti riferiti hawn fuq ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq għajr jekk jikkonformaw mal-ħtiġiet indikati.

--------------------------------------------------