Official Journal L 280 , 29/10/1994 P. 0083 - 0087
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0040
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0040
Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare. IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], 1. Billi d-differenzi fil-qbil bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt ghall-użu ta’ propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi ta’ timeshare jafu joħolqu ostakoli għall-hidma kif suppost tas-suq intern u tfixkil fil-kompetizzjoni u jistgħu jwasslu s-swieq nazzjonali biex jinqatgħu għal rashom; 2. Billi l-ghan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi sies minimu ta’ regoli komuni dwar dawn il-materji illi bih ikun possibbli illi jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem kif suppost u b’hekk tipproteġi lix-xerreja; billi jkun suffiċjenti ghal dawn ir-regoli illi jkopru transazzjonijiet kontrattwali biss fir-rigward ta’ dawk l-aspetti illi għandhom x’jaqsmu mat-tagħrif dwar il-partijiet kostitwenti tal-kuntratti, l-arranġamenti sabiex jinghata dan it-tagħrif u l-proċeduri u l-arranġamenti għat-tħassir u l-irtirar; billi l-istrument approprjat sabiex jinkiseb dan il-ghan huwa Direttiva; billi din id-Direttiva ghalhekk hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarità; 3. Billi n-natura legali tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-kuntratti koperti b’din id-Direttiva tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor; billi għandha ssir referenza f’forma mqassra għal dawn il-varjazzjonijiet, li tagħti definizzjoni wiesgħa biżżejjed ta’ dawn ix-xorta ta’ kuntratti, mingħajr b’daqshekk ma timplika t-tqarrib lejn xulxin fil-Komunità tan-natura legali tad-drittijiet in kwestjoni; 4. Billi din id-Direttiva mhijiex iddisinjata sabiex tirregola l-limiti sa fejn il-kuntratti għall-użu ta’ propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi ta’ timeshare jistgu jiġu magħmula fl-Istati Membri jew il-bażi legali ta’ dawn il-kuntratti; 5. Billi, fil-prattika, kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt li tintuża propjetà jew aktar minn waħda immobbli fuq il-bażi ta’ timeshare huma differenti minn ftehim ta’ kiri; billi din id-differenza tista’ tidher minn, inter alia, il-mezz tal-ħlas; 6. Billi jista’ jidher mis-suq li l-lukandi, il-lukandi residenzjali u bini ieħor turistiku u residenzjali simili huma involuti fi transazzjonijiet kontrattwali illi jixbhu lil dawk illi jagħmlu din id-Direttiva meħtieġa; 7. Billi huwa meħtieġ illi jiġi evitat kull dettall li ma jagħtix tagħrif tajjeb jew li mhux komplut fit-tagħrif li għandu x’jaqsam b’mod speċifiku mal-bejgħ tad-drittijiet illi tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi ta’ timeshare; billi dan it-tagħrif għandu jiġi ssupplimentat b’dokument li għandu jkun disponibbli għal kull min jitolbu; billi t-tagħrif miġjub fih għandu jagħmel parti mill-kuntratt għax-xiri tad-dritt li tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena; 8. Billi, sabiex ix-xerrejja jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni u minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi ghalbiex jintużaw propjetajiet immobbli fuq bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena, il-kuntratti għax-xiri tad-dritt ghall-użu ta’ propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena għandhom jinkludu ċerti punti minimi; 9. Billi, sabiex tingħata protezzjoni effettiva lix-xerrejja f’dan il-qasam, jehtieg illi jiġu stabbiliti l-obbligi minimi li għandhom jikkonformaw magħhom il-bejjiegħa vis-à-vis ix-xerrejja; 10. Billi l-kuntratt għax-xiri tad-dritt li tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena jrid jinkiteb fl-ilsien uffiċjali jew wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru illi fih huwa residenti x-xerrej jew fl-ilsien uffiċjali jew wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin li jridu jkunu wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Komunità; billi, madankollu, l-Istat Membru li fih huwa residenti x-xerrej jista’ jeħtieġ illi l-kuntratt jinkiteb fl-ilsien jew l-ilsna tiegħu li għandhom ikunu ilsien jew ilsna uffiċjali tal-Komunità; billi għandha ssir dispożizzjoni għal traduzzjoni ċċertifikata ta’ kull kuntratt għall-iskopijiet tal-formalitajiet li jridu jsiru fl-Istat Membru li fih tinsab il-propjetà relevanti; 11. Billi sabiex ix-xerrej jingħata ċ-ċans illi jifhem b’mod aktar sħiħ x’inhuma l-obbligi u d-drittijiet tiegħu taħt il-kuntratt għandu jingħata perjodu li fih jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr ma jagħti raġunijiet peress illi l-propjetà in kwestjoni bosta drabi tkun tinsab fi Stat differenti u tkun suġġetta għal leġislazzjoni differenti minn dik ta’ l-Istat tiegħu; 12. Billi l-ħtieġa minn-naha tal-bejjiegħ illi l-pagamenti bil-quddiem isiru qabel it-tmiem tal-perjodu illi fih ix-xerrej jista’ jirtira mingħajr ma jagħti raġuni tista’ tnaqqas il-protezzjoni tax-xerrej; billi, għal dan il-għan, pagamenti bil-quddiem qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu għandhom ikunu pprojbiti; 13. Billi fil-każ ta’ tħassir ta’ jew irtirar minn kuntratt għax-xiri tad-dritt li tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena illi l-prezz tiegħu huwa kollu jew parti minnu kopert mill-kreditu mogħti lix-xerrej mill-bejjiegħ jew minn terza parti fuq ftehim konkluż bejn din it-terza parti u l-bejjiegħ, għandu jkun hemm il-provvediment illi l-ftehim ta’ kreditu ghandu jitħassar mingħajr penali; 14. Billi hemm ir-riskju, f’ċerti każi, illi l-konsumatur jista’ jiġi mċaħħad mill-protezzjoni illi hemm ipprovvduta f’din id-Direttiva jekk il-liġi ta’ Stat li mhux Membru tkun speċifikata bħala l-liġi li tapplika għall-kuntratt; billi din id-Direttiva għandha ghalhekk tinkludi dispożizzjonijiet maħsuba sabiex ineħħu dan ir-riskju; 15. Billi huma l-Istati Membri illi għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw illi l-bejjiegħ jissodisfa l-obbligi tiegħu, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 L-għan ta’ din id-Direttiva hu li japprossimaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li ghandu x’jaqsam ma ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu b’mod dirett jew indirett max-xiri tad-dritt li tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena. Din id-Direttiva għandha tkopri biss dawk l-aspetti tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq li jinteressaw transazzjonijiet kontrattwali li għandhom x’jaqsmu ma’: - l-informazzjoni dwar il-partijiet kostitwenti tal-kuntratt u l-arranġamenti għall-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni, - il-proċeduri u l-arranġamenti għat-tħassir u l-irtirar. Wara konsiderazzjoni xierqa tar-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti għal affarijiet oħra, inter alia d-determinazzjoni tan-natura legali tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-kuntratti koperti minn din id-Direttiva. L-Artikolu 2 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: - ‘kuntratt li għandu x’jaqsam b’mod dirett jew indirett max-xiri tad-dritt li tintuża propjetà immobbli waħda jew aktar fuq il-bażi tat-tqassim ta’ zminijiet diversi fis-sena’, hawn taħt riferit bħala ‘il-kuntratt’, għandu jfisser kull kuntratt jew grupp ta’ kuntratti konklużi għal mill-inqas tliet snin illi bihom, b’mod dirett jew indirett, mal-ħlas ta’ ċertu prezz globali, id-dritt ghall-propjetà jew kull dritt ieħor li ghandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ propjetà immobbli waħda jew aktar għal perjodu tas-sena speċifikat jew li jista’ jkun speċifikat, li m’għandux ikun ta’ anqas minn ġimgħa, jigi stabbilit jew isir is-suġġett ta’ trasferiment jew wegħda ta’ trasferiment, - ‘il-propjetà immobbli’ għandha tfisser kull bini jew parti minn bini għall-użu bħala akkommodazzjoni li d-dritt għalihom huwa s-suġġett tal-kuntratt interessat, - ‘il-bejjiegħ’ għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li taġixxi fit-transazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva u fil-kapaċità professjonali tagħha, tistabbilixxi, titrasferixxi jew twiegħed li titrasferixxi d-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt, - ‘ix-xerrej’ għandu jfisser kull persuna naturali li taġixxi fit-transazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, għal skopijiet li jistgħu jitqiesu li huma barra mill-kapaċità professjonali tagħha, li jkollha d-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt trasferit lilha jew għal min ikun stabbilit id-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt. L-Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom għal miżuri sabiex jiżguraw illi l-bejjiegħ ikun meħtieġ jipprovdi lil kull persuna li titlob tagħrif dwar il-propjetà jew propjetajiet immobbli b’dokument li, barra minn deskrizzjoni ġenerali tal-propjetà jew propjetajiet, jipprovvdi għall-inqas tagħrif qasir u preċiż dwar il-partikolaritajiet riferiti fil-punti minn (a) sa (ġ), (i) u (l) ta’ l-Anness u dwar kif tista’ tinkiseb aktar informazzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi t-tagħrif kollu riferit fil-paragrafu 1 illi għandu jkun ipprovvdut fid-dokument riferit fil-paragrafu 1 jifforma parti integrali mill-kuntratt. Sakemm il-partijiet ma jaqblux b’mod ċar mod ieħor, it-tibdil li jirriżulta minn ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tal-bejjiegh biss jista’ jsir lit-tagħrif ipprovdut fid-dokument riferit fil-paragrafu 1. Kull tibdil lil dan it-tagħrif għandu jingħata lix-xerrej qabel ma jigi konkluż il-kuntratt. Il-kuntratt għandu jsemmi kull tibdil ta’ din ix-xorta b’mod espliċitu. 3. Kull irriklamar li jirreferi għall-propjetà immobbli interessata għandu jindika illi jkun jista’ jinkiseb id-dokument riferit fil-paragrafu 1 u minn fejn jista’ jinkiseb. L-Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom jagħmlu disposizzjoniiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi: - il-kuntratt, li għandu jkun bil-miktub, ikun jinkludi mill-inqas il-punti riferiti fl-Anness, - il-kuntratt u d-dokument riferiti fl-Artikolu 3(1) jinkitbu fl-ilsien jew waħda mill-ilsna ta’ l-Istat Membru li fih huwa residenti x-xerrej jew fl-ilsien jew waħda mill-ilsna ta’ l-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu li għandhom ikunu ilsien jew ilsna uffiċjali tal-Komunità, skond l-għażla tax-xerrej. L-Istat Membru li fih huwa residenti x-xerrej jista, madankollu, jeħtieġ illi fil-każijiet kollha l-kuntratt jinkiteb mill-inqas fl-ilsien jew ilsna tiegħu li għandhom ikunu ilsien jew ilsna uffiċjali tal-Komunità, u - li l-bejjiegħ jipprovvdi lix-xerrej bi traduzzjoni ċċertifikata tal-kuntratt fl-ilsien jew waħda mill-ilsna ta’ l-Istat Membru li fih tinsab il-propjetà immobbli li għandha tkun ilsien jew ilsna uffiċjali tal-Komunità. L-Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi: 1. minbarra l-possibiltajiet disponibbli għax-xerrej taħt il-liġijiet nazzjonali dwar in-nullità tal-kuntratti, ix-xerrej għandu jkollu d-dritt: - li jiritra mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni fi żmien għaxart ijiem tal-kalendarju mid-data li fiha ż-żewġ partijiet ikunu ffirmaw il-kuntratt jew mid-data li fiha ż-żewġ partijiet ikunu ffirmaw kuntratt preliminari li jorbot. Jekk l-ghaxar jum ikun festa pubblika, il-perjodu għandu jiġi estiż għall-ewwel jum tax-xogħol wara din id-data, - jekk il-kuntratt ma jinkludix it-tagħrif riferit fil-punti (a), (b), (ċ), (d) (2), (h), (i), (k), (l) u (m) ta’ l-Anness, meta ż-żewġ partijiet jiffirmaw il-kuntratt jew meta ż-żewġ partijiet jiffirmaw kuntratt preliminari li jorbothom, li jħassar il-kuntratt fi żmien tlett xhur minn din id-data. Jekk dan it-tagħrif jiġi pprovvdut fi żmien dawn it-tliet xhur, il-perjodu ta’ l-irtirar tax-xerrej ipprovvdut fl-ewwel inciż, għandu mbagħad jibda, - jekk ma’ tmiem il-perjodu ta’ tliet xhur ipprovvdut fit-tieni inciż ix-xerrej ma jkunx eżerċita d-dritt li jħassar u l-kuntratt ma jinkludix it-tagħrif riferit fil-punti (a), (b), (ċ), (d) (1), (d) (2), (h), (i), (k), (l) u (m) ta’ l-Anness, sal-perjodu ta’ l-irtirar ipprovvdut fl-ewwel inciż mill-jum ta’ wara t-tmiem ta’ dak il-perjodu ta’ tliet xhur; 2. Jekk ix-xerrej ghandu l-hsieb illi jeżerċita d-drittijiet ipprovvduti fil-paragrafu 1 għandu, qabel l-iskadenza taż-żmien relevanti, jinnotifika lill-persuna li isimha u l-indirizz tagħha jidhru fil-kuntratt għal dak l-iskop b’mezz li jista’ jigi ipprovat illi huwa konformi mal-liġi nazzjonali skond il-proċeduri speċifikati fil-kuntratt skond il-punt (l) ta’ l-Anness. Il-limitu taż-żmien għandu jitqies illi ġie osservat jekk in-notifika, jekk tkun bil-miktub, tintbagħat qabel jiskadi l-limitu taż-żmien; 3. meta x-xerrej jeżerċita d-dritt ipprovvdut fl-ewwel inciż tal-paragrafu 1, jista’ jkun meħtieġ li jħallas, fejn approprjat, dawk l-ispejjeż biss li, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jinqalgħu b’riżultat tal-konklużjoni tal- u l-irtirar mill-kuntratt u li jikkorrispondu mal-formalitajiet legali li għandhom jiġu mtemma qabel it-tmiem tal-perjodu riferit fl-ewwel inciż tal-paragrafu 1. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu msemmija b’mod espliċitu fil-kuntratt. 4. meta x-xerrej jeżerċita d-dritt tat-tħassir ipprovvdut fit-tieni inciż tal-paragrafu 1 ma għandu jkun meħtieġ jagħmel ebda ħlas. L-Artikolu 6 L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jipprojbixxu kull ħlas bil-quddiem mix-xerrej qabel it-tmiem tal-perjodu li fih jista’ jeżerċita d-dritt ta’ l-irtirar. L-Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi: - jekk il-prezz ikun kollu jew parti minnu kopert mill-kreditu mogħti mill-bejjiegħ, jew - jekk il-prezz ikun kollu jew parti minnu kopert minn kreditu mogħti lix-xerrej minn terza parti jew fuq bażi ta’ ftehim bejn it-terza parti u l-bejjiegħ, il-ftehim ta’ kreditu għandu jitħassar, mingħajr penali, jekk ix-xerrej jeżerċita d-dritt tiegħu li jħassar jew jirtira mill-kuntratt kif hemm ipprovvdut fl-Artikolu 5. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti dettaljati sabiex jirregolaw it-tħassir tal-ftehim ta’ kreditu. L-Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw illi kull klawsola li biha ix-xerrej jirrinunzja t-tgawdija tad-drittijiet taħt din id-Direttiva jew li biha l-bejjiegħ jinħeles mir-responsabiltajiet li jitqajjmu minn din id-Direttiva m’għandhiex torbot lix-xerrej, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-liġi nazzjonali. L-Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, tkun xi tkun il-liġi li tapplika, ix-xerrej ma jkunx imċaħħad mill-protezzjoni offruta b’ din id-Direttiva, jekk il-propjetà immobbli interessata tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Artikolu 10 L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-Direttiva. L-Artikolu 11 Din id-Direttiva ma għandhiex tfixkel lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli ghal dak li ghandu x’jaqsam mal-protezzjoni tax-xerrejja f’ dan il-qasam, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom skond it-Trattat. L-Artikolu 12 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn 30 xahar wara li tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenzi għal din id-Direttiva jew iżidu magħhom dawn ir-referenzi meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mod illi bih għandhom isiru dawn ir-referenzi. 2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. L-Artikolu 13 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Strasburgu, fis-26 ta’ Ottubru 1994. Għall-Parlament Ewropew, Il-President K. Haensch Għall Kunsill, Il-President J. Eekhoff [1] ĠU C 299, tal-5.11.1993, p. 8. [2] ĠU C 108, tad-19.4.1993, p. 1 [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju 1993 (ĠU C 176, tat-28.6.1993, p.95 u ĠU C 225, ta’ l-20.9.1993, p.70) ikkonfermat fit-2 ta’ Diċembru 1993 (ĠU C 342, ta’ l-20.12.1993, p. 3); il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta’ l4 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 137, tad-19.5.1994, p. 42) u d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Mejju 1994 (ĠU C 205, tal-25.7.1994). It-test kollettiv tal-Kumitat tal-Konċiliazzjoni tat- 22.9.1994 -------------------------------------------------- L-ANNESS Il-lista minima ta’ l-affarijiet li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt riferita fl-Artikolu 4 (a) L-identità u d-domiċilju tal-partijiet, kif ukoll informazzjoni speċifika dwar l-istat legali tal-bejjiegħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt u l-identità u d-domiċilju tas-sid. (b) In-natura eżatta tad-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt u klawsola li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fit-territorju ta’ l-Istat(i) Membru(i) li fih(om) tinsab il-propjetà jew il-propjetajiet interessati u jekk intlaħqux dawn il-kondizzjonijiet jew, jekk ma ntlaħqux, x’kundizzjonijiet fadal illi jridu jintlaħqu. (c) Meta l-propjetà tkun ġiet iddeterminata, deskrizzjoni preċiża ta’ din il-propjetà u u l-post fejn qiegħda. (d) Fejn il-propjetà immobbli għadha qiegħda tinbena: 1. l-istat ta’ kompletar; 2. stima raġjonevoli tal-limitu taż-żmien għall-ikkompletar tal-propjetà immobbli; 3. fejn tinteressa propjetà immobbli speċifika, in-numru tal-permess tal-bini u l-isem/ismijiet u l-indirizz/i sħiħ/sħaħ ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti; 4. l-istat ta’ kompletar tas-servizzi li jagħmlu l-propjetà immobbli operazzjonali bis-sħiħ (konnessjonijiet ta’ gass, elettriku, ilma u telefon); 5. garanzija li tirrigwarda l-ikkompletar tal-propjetà immobbli jew garanzija li tirrigwarda r-radd lura ta’ kull pagament li jkun sar jekk il-propjetà ma titlesthiex u, fejn approprjat, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-hidma ta’ dawn il-garanziji. (e) Is-servizzi (dawl, ilma, manutenzjoni, ġbir ta’ skart) li għalihom ix-xerrej għandu jew għad ikollu aċċess u b’liema kondizzjonijiet. (f) Il-faċilitajiet komuni, bħalma huma l-pixxina ta’ l-għawm, sawna, eċċ., li x-xerrej għandu jew jista’ jkollu aċċess ghalihom, u, fejn approprjat, b’liema kondizzjonijiet. (g) Il-prinċipji li fuqhom ser ikunu msejsa l-manutenzjoni ta’ u t-tiswijiet lill-propjetà immobbli u l-amministrazzjoni u l-immaniġjar tagħha. (h) Il-perjodu eżatt illi fih jista’ jiġi eżerċitat id-dritt li huwa s-suġġett tal-kuntratt u, fejn approprjat, kemm huwa twil; id-data li fiha x-xerrej jista’ jibda jeżerċita d-dritt kontrattwali tiegħu. (i) Il-prezz li għandu jitħallas mix-xerrej sabiex jeżerċita d-dritt kontrattwali; stima ta’ l-ammont li għandu jitħallas mix-xerrej għall-użu tal-faċilitajiet u s-servizzi komuni; il-bażi għall-kalkolazzjoni ta’ l-ammont tal-kontijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-okkupazzjoni tal-propjetà, il-kontijiet statutarji mandatorji (per eżempju, t-taxxi u d-drittijiet) u l-ispejjeż amministrattivi (per eżempju, il-maniġġjar, il-manutenzjoni u t-tiswijiet). (j) Klawsola li tispeċifika li l-akkwist mhux ser jirriżulta fi spejjeż, kontijiet jew obbligi barra minn dawk speċifikati fil-kuntratt. (k) Jekk ikunx possibbli li wieħed jissieħeb fi skema għall-iskambju jew bejgħ tad-drittijiet kontrattwali, u kull spiża involuta jekk din l-iskema ta’ tpartit u/jew bejgħ tkun organizzata mill-bejjiegħ jew minn terza parti mahtura minnu fil-kuntratt. (l) Tagħrif dwar id-dritt tat-tħassir jew irtirar mill-kuntratt u indikazzjoni tal-persuna li lilha għandha tintbagħat kull ittra ta’ tħassir jew irtirar, kif ukoll l-arranġamenti li permezz taghhom jistgħu jintbagħtu dawn l-ittri; indikazzjoni preċiża tan-natura u l-ammont ta’ l-ispejjeż li x-xerrej ikun mehtieg iħallas skond l-Artiklu 5 (3) jekk jeżercita id-dritt tieghu li jirtira; fejn approprjat, taghrif dwar l-arranġamenti għat-tħassir tal-ftehim ta’ kreditu marbut mal-kuntratt fil-każ tat-tħassir tal-kuntratt jew irtirar minnu. (m) Id-data u l-post li fihom kull parti ffirmat il-kuntratt. --------------------------------------------------